IS-SALIB HUWA L-QOFOL TAL-ISTORJA
Omelija ta’ Mons Isqof Mario Grech

IS-SALIB HUWA L-QOFOL TAL-ISTORJA

Omelija ta’ Mons Isqof Mario Grech

Tberik tas-salib ta’ fuq il-koppla

Parroċċa San Ġużepp, Kalkara – Il-Ħadd, 26 ta’ Ottubru 2008

Nhar il-Ħadd, 26 ta’ Ottubru 2008, Mons Isqof Mario Grech mexxa konċelebrazzjoni fil-knisja parrokkjali tal-Kalkara u wara sar it-tberik tas-salib li mbagħad tqiegħed fuq il-lanterna tal-knisja. Din hija l-omelija tal-Isqof:

Fil-ħajja għandna ħafna slaleb. Uħud minn dawn noħolquhom aħna; oħrajn ngħabbuhom aħna stess lil oħrajn; oħrajn jiġu waħidhom. Imma s-salib li llejla sejrin inbierku biex jitpoġġa fil-quċċata tal-knisja parrokkjali tagħkom, huwa salib differenti għax huwa s-salib ta’ Sidna Ġesù Kristu. Fi kliem il-Kardinal Martini, is-salib ta’ Ġesù huwa l-qofol tal-istorja t’Alla u tal-bniedem.


Fl-Evanġelju li għandna kif xandarna (Mt 22,34-40), smajna lil Ġesù ifisser liema huwa l-akbar u l-ewwel kmandament: “Ħobb lill-Mulej Alla tiegħek b’qalbek kollha, b’ruħek kollha, b’moħħok kollu …. It-tieni jixbhu: Ħobb lil għajrek bħalek innifsek.” Aħna nistgħu nwettqu dan il-kmandament mhux għax għandna xi ħila partikulari, imma għax kien Alla li ħabbna l-ewwel. Kif jistqarr San Ġwann: “Hawn qegħda l-imħabba: mhux għax aħna ħabbejna lil Alla, imma għax ħabbna Hu u bagħat lil Ibnu biex ikunu ta’ tpattija għal dnubietna. Għeżież, jekk Alla ħabbna daqshekk, aħna wkoll għandna nħobbu lil xulxin” (1Ġw 4,10-11). Jekk ma nagħmlux esperjenza ta’ din l-imħabba gratuwita t’Alla lejn kull wieħed u waħda minna li dehret fi Kristu msallab, mhux ser insibu forza interjuri biex ngħixu dan il-kmandament tal-imħabba.

Is-salib huwa rivelazzjoni ta’ min hu Alla

Is-salib ta’ Ġesù huwa rivelazzjoni ta’ min hu Alla: “Alla tant ħabb lid-dinja li ta lil Ibnu l-waħdieni biex kull min jemmen fih ikollu l-ħajja ta’ dejjem” (Ġw 3,16). Is-salib huwa dak l-altar li fuqu l-Iben t’Alla jimmanifesta l-imħabba tal-Missier u tiegħu lejna, għax fuq is-salib Ġesù jingħata kollu kemm hu għalina bħala vittma għal dnubietma. Jekk xi ħadd irid jara kemm huwa sabiħ Alla u kemm tgħammex l-għajnejn il-glorja tiegħu, għandu jitfa’ ħarstu fiq is-salib li huwa manifestazzjoni tal-ġmiel ta’ Alla. M’inhiex qed nirreferri għas-sbuħija estetika li tpaxxi l-għajnejn – sbuħija li ħafna drabi tfixkel lill-bniedem! – , imma qed nitkellem mis-sbuħija tal-imħabba t’Alla li dehret fi Kristu msallab. Is-salib huwa epifanija tat-Trinità Qaddisa, għax fih naraw l-għotja tal-Missier, l-offerta tal-Iben u l-qawwa tal-Ispirtu s-Santu.

Is-salib għalhekk jirrivela verità importanti dwar Alla: Alla huwa mħabba u min jgħammar fl-imħabba jgħammar f’Alla u Alla fih (ara 1Ġw 4,16). Meta fostna hawn tant nuqqas ta’ għarfien dwar Alla kif ukoll għarfien żbaljat dwar Alla, nagħmlu sew jekk nieqfu nikkontemplaw is-salib ta’ Ġesù li huwa “ktieb” miftuħ dwar Alla. Mhux ta’ b’xejn li kull fejn titfa’ ħarstek normalment kont tilmaħ is-salib imdendel mal-ħitan fi djarna, fl-uffiċċji pubbliċi, fl-iskejjel, fl-isptarijiet … Dan nagħmluh biex aħna jkollna sinjal li jfakkarna f’din il-verità dwar Alla. Jekk niskopru din l-imħabba, “l-imħabba ssir sħiħa fina” (1Ġw 4,17) u ma nistgħux ma nħobbux lil Alla u lill-proxxmu tagħna!

Is-salib jitkellem dwar il-bniedem

Imma s-salib jikxef ukoll verità dwar il-bniedem: kemm jista’ juża ħażin il-libertà tiegħu u kemm jista’ jkun vjolenti! Is-salib ifakkarna kemm huwa possibbli għall-bniedem li jirrifjuta l-imħabba u jagħlaq għajnejh quddiem il-ġmiel veru, tant li kapaċi jasal biex “joqtol” l-imħabba u l-ġmiel. Kristu kien imsallab frott tal-injornaza li ddallam il-moħħ tal-bniedem. Kienet il-qilla u l-kattiverija li jistgħu jaħkmu l-qalb umana li wasslu biex Kristu jissammar fuq l-għuda tas-salib. Jekk, kif għidt aktar ’il fuq, is-salib għandu jqanqal fina sens ta’ stgħaġib meta naraw fih manifestazzjoni tal-imħabba t’Alla, nistgħu ngħidu wkoll li s-salib għandu jnissel fina sens ta’ mistħija minna nfusna meta nqisu x’imġiba atroċi nistgħu naslu biex inwettqu.

Kristu għadu jissallab minħabba l-ħażen tal-bniedem

Peress li l-kruċifissjoni ta’ Kristu seħħet tant snin ilu, forsi jista’ jkun hawn min jaħseb li jista’ jaħsel idejh minna! Imma niftakru dak li San Pietru qal lill-poplu ta’ Iżrael nhar Għid il-Ħamsin: “Lil dan Ġesù, Alla telaqulkom f’idejkom skond il-għerf u l-pjan li fassal minn qabel, u intom neħħejtuh billi sallabtuh permezz ta’ nies ħżiena” (Atti 2,23). Għalkemm dawn il-Lhud ma kienux preżenti fuq il-Kalvarju, skond Pietru “sallbu” lil Kristu bil-ħażen tagħhom: bl-egoiżmu, bil-kattiverija, bil-mibgħeda u bid-dnub tagħhom. Kull azzjoni ħażina, kull weġgħa, kull tbatija li aħna nistgħu nikkawżaw lill-bniedem, aħna nkunu qed nagħmluha lil Kristu. Kristu għadu jiġi minxur fuq is-salib illum kull darba li nirfsu d-dinjità tal-persuna, kull darba li niċħdu d-drittijiet lill-bniedem. Meta l-bniedem huwa rifjutat l-imħabba, jerġgħu jinfetħu l-pjagi ta’ Kristu msallab.

Huma diversi l-esperjenzi fil-ħajja tagħna fejn tiġġedded il-passjoni ta’ Kristu. Per eżempju, fil-familja jiġri li bl-aġir irresponsabbli tagħna aħna nsallbu lil membri tal-familja. Meta r-raġel jibdel lil martu, hu jkun qed isallab lil martu! Il-mara li għax tħobb il-karriera aktar mill-familja tittraskura lil żewgħa u lil uliedha, tkun issallabhom! L-istess jiġri fil-ħajja soċjali meta n-nisġa tar-relazzjonijiet soċjali ma tkunx maħduma bil-ħjut tal-valuri tal-ġustizzja, aħna nkunu nonxru vittmi ġodda fuq is-salib. L-ewwel qari tal-lum (Eż 22,20-26) jisħaq li m’għandniex naħqru ’l-barrani, lill-armla, l-iltim u l-fqir. Dawn l-erba’ kategorji ta’ persuni, li ħafna drabi huma abbużati u minsija, jirrappreżentaw lil dawk li s-sistema kapitalista flok tneħħilhom iżżidilhom it-toqol tas-salib.

Is-salib hu sinjal tal-bniedem mifdi

Imma s-salib jgħallimna wkoll li aħna ġejna mifdija minn Kristu. Kif jgħallem San Pawl, “Alla takom il-ħajja flimkien ma’ Kristu: Ħafrilna dnubietna kollha. Ħassar il-kont tad-dejn li kellna bl-obbligi li kien hemm kontrina; neħħieh min-nofs u sammru mas-salib. Neżża’ l-Prinċipati u s-Setgħat, u għamel wirja minnhom quddiem id-dinja, u karkarhom warajh fit-trijonf tiegħu bi Kristu.” (Kol 2,13-15) Għalkemm għandna natura dgħajfa u tista’ tiżbalja, Kristu bil-passjoni u l-mewt tiegħu fuq is-salib kisbilna l-fidwa. Huwa mhux biss ħallas id-dejn tagħna, imma għamel rebħa fuq il-ħażen u l-Ħażin. Fi kliem Sant’Andrija ta’ Kreta, “is-salib huwa l-passjoni ta’ Alla u s-sinjal tar-rebħa tiegħu: huwa l-passjoni tiegħu għax bih sofra l-mewt minn rajh; huwa sinjal tar-rebħa tiegħu għax bih għeleb lix-xitan, ħareġ rebbieħ fuq il-mewt u kisser il-bibien ta’ art l-imwiet.”

Is-salib ta’ Kristu huwa wieħed glorjuż, għax għalkemm Kristu miet fuqu huwa qam mill-mewt għall-ħajja. Hekk hu tana l-qawwa tal-grazzja biex filwaqt li nistgħu nissieltu kontra kull forma ta’ inġustizzja, inkunu nistgħu wkoll nerfgħu s-salib tagħna, tkun xi tkun il-forma tat-tbatija: fiżika, morali, affettiva, spiritwali … Kif jgħallimna San Pawl, aħna nistgħu nwaħħdu t-tbatija tagħna ma’ dik ta’ Kristu għall-fidwa tal-bniedem tal-lum: “Jien issa nifraħ bit-tbatijiet tiegħi minħabba fikom, għaliex bihom jiena ntemm f’ġismi dak li jonqos mit-tbatijiet ta’ Kristu għall-ġisem tiegħu li hu l-Knisja.” (Kol 1,25)

“Wieqfa taħt is-salib!”

Taħt is-salib fuq il-Kalvaru kien hemm Marija ta’ Nazaret, Omm Ġesù! Taħt is-salib li sejrin inbierku ser ikun hemm il-“knisja”. Din il-knisja mibnija mill-ġebel tirrappreżenta l-poplu t’Alla li jgħammar fil-Kalkara. Għalhekk, kif Marija ssieħbet fil-passjoni ta’ Ġesù u fir-rebħa tiegħu fuq id-dnub u l-mewt, hekk il-“knisja” tagħkom għandha ssieħeb lil Ġesù fil-passjoni li qed iġarrab illum u taqsam miegħu r-rebħa definittiva fuq kull għamla ta’ dnub. Kif Marija għamlet kuraġġ lil Kristu msallab u lid-dixxipli tiegħu li kienu qalbhom maqtugħha quddiem is-salib, hekk ukoll il-“knisja” tagħkom, konvinta mill-veritajiet li semmejna aktar ’il fuq toffri għajnuna, kenn u mħabba lil min illum jinsab taħt it-toqol tas-salib.

Darba Kristu qal: “meta nintrefa’ ’l fuq mill-art, jiena niġbed il-bnedmin kollha lejja” (Ġw 12,33). Waqt li nżommu dak il-kliem quddiem għajnejna, nitlobu l-Ispirtu t’Alla biex meta nerfgħu dan « is-salib » fuq il-knisja, jirnexxilna nqanqlu l-bnedmin l-oħra biex jinġibdu lejn il-Mulej Ġesù u flimkien nagħtuh glorja. Ammen.