Ġimgħa Liturġika
10 - 14 ta’ Novembru 2008

Gimgha LiturgikaBl-inizjattiva tal-Konferenza Episkopali, bejn l-10 u l-14 ta’ Novembru 2008 f’Malta u Għawdex se ssir Ġimgħa Liturġika li l-qofol tagħha se jkunu konferenza għas-saċerdoti u għal-lajċi, bis-sehem ta’ kelliema esperti barranin, bit-tema ‘Ngħixu l-Liturġija biex nagħtu ħajja lil-liturġija’.  Il-konferenzi f’Malta se jkunu fis-Seminarju, Tal-Virtu.  Dawk f’Għawdex se jsiru f’Dar Manresa.

L-ewwel konferenza f’Malta, li se tkun għas-saċerdoti, se ssir it-Tnejn, 10 ta’ Novembru, fit-8.30am.  Il-konferenza tibda b’introduzzjoni ġenerali minn Mons. Arċisqof Piero Marini, li għal 20 sena mexxa l-Uffiċċju għaċ-Ċelebrazzjonijiet Liturġiċi tal-Papa u fl-2007 sar president tal-Kumitat Pontifiċju għall-Kungressi Ewkaristiċi Internazzjonali.  Dakinhar jitkellem ukoll Patri Silvano Maggiani OSM, li ħadem ħafna bħala konsultur fl-Uffiċċju taċ-Ċelebrazzjonijiet Liturġiċi tal-Papa u jagħti pariri fl-Uffiċċju Liturġiku Nazzjonali tal-Konferenza Episkopali Taljana.  Fil-5.00pm, issir konferenza għal-lajċi minn Mons. Giuseppe Busani, li huwa l-President tal-Assoċjazzjoni tal-Professuri tal-Liturġija fl-Italja.

gimgha_liturgika_2.jpg

Il-programm f’Għawdex jibda wkoll it-Tnejn, 10 ta’ Novembru, b’konferenza għas-saċerdoti u l-lajċi, fil-5.00pm. Issir introduzzjoni ġenerali minn Mons. Arċisqof Piero Marini.  Din tkun segwita minn taħdita minn Patri Silvano Maggiani OSM.

Fit-tieni laqgħa għas-saċerdoti f’Malta, li se ssir nhar l-Erbgħa, 12 ta’ Novembru fit-8.30am, jitkellem Mons. Crispino Valenziano.  Mons. Valenziano hu meqjus bħala awtorita dinjija tal-arti Sagra u ħadem ħafna bħala konsultur fl-Uffiċċju taċ-Ċelebrazzjonijiet Liturġiċi tal-Papa u jagħti pariri fl-Uffiċċju Liturġiku Nazzjonali tal-Konferenza Episkopali Taljana. Fil-5.00pm, issir it-tieni konferenza għal-lajċi minn Mons. Giuseppe Busani.

Il-programm f’Għawdex ikompli wkoll fit-12 ta’ Novembru b’konferenza oħra għas-saċerdoti u l-lajċi fil-5.00pm.  Jitkellem Padre Crispino Valenziano. L-għeluq isir minn Mons. Isqof Mario Grech.

Konferenza oħra, din id-darba għall-kleru ta’ Malta u Għawdex flimkien,  se ssir nhar il-Ġimgħa, 14 ta’ Novembru, fit-8.30am, fis-Seminarju, tal-Virtu.  l-Arċisqof Piero Marini jmexxi diskussjoni li fiha jieħdu sehem Patri Maggiani, Mons. Valenziano, Mons. Busani, u Dun Jesmond Manicaro, Delegat ta’ l-Arċisqof ta’ Malta għal-Liturġija.

Il-Ġimgħa Liturġika tagħlaq b’Konċelebrazzjoni fil-KonKatidral ta’ San Ġwann, nhar il-Ġimgħa, 14 ta’ Novembru, fis-6.00pm.  Il-Quddiesa titmexxa minn Mons. Arċisqof Piero Marini.  Miegħu jikkonċelebraw in-Nunzju Apostoliku, l-Arċisqof ta’ Malta u l-Isqof ta’ Għawdex.

F’messaġġ bi tħejjija għall-Ġimgħa Liturġika, Mons. Arċisqof Pawl Cremona O.P. ifakkar li l-Liturġija hija l-mument meta l-Komunita Nisranija tiltaqa’ ma’ Alla l-Imbierek.  “F’dak il-mument, il-Komunita tagħti qima u radd ta’ ħajr lil Alla u bl-umilta kollha tistqarr lilha  nfisha fil-ħtieġa tiegħu. Dan tagħmlu madwar il-figura u dak li għallimna u tana Sidna Ġesu Kristu.  U l-Mulej juża dak il-mument biex jibgħat fuqna l-grazzji tiegħu permezz tal-Knisja, b’mod speċjali fl-Ewkaristija u s-Sagramenti l-oħra.  F’dak il-mument il-Liturġija trid isservi biex tbiddilna ħalli nsiru dejjem iktar Uliedu.”