PDF - Maltese Version
PDF - English Version
Ittra lill-Familja 3/2008
Ittra ta’ Mons Isqof Mario Grech
lill-Familji Għawdxin
fil-Ftuħ tal-Missjoni Djoċesana
“Kull familja titgħallem tagħmel tinda”
Għeżież,
“Grazzja u sliem minn Alla l-Missier tagħna u Sidna Ġesù Kristu!” (Rum 1,7)
Meta jidħol il-lejl u l-ulied iż-żgħar jinġabru biex jorqdu, normalment il-ġenituri jħallu dawl żgħir jixgħel fil-kamra ta’ wliedhom biex jekk xi ħadd jistenbaħ ma jibżax mid-dlam. Dan id-dawl inemnem mhux biss ikisser id-dlam tal-lejl, imma jfakkar li dalwaqt ser titla’ x-xemx li tkeċċi d-dlam bid-dija tagħha.
Għandi fiduċja qawwija li ħafna mill-familji tagħna jgħożżu dawl ieħor biex ikunu jistgħu jaraw fid-dlam tal-ħajja. Ħafna għandhom għal qalbhom il-Kelma t’Alla – “musbieħ għal riglejja l-Kelma tiegħek u dawl fil-mogħdija tiegħi” (Salm 119,105). Anke meta l-lejl mudlam jidher tqil u twil, il-Kelma t’Alla tqawwilna qalbna għax tassigurana li żgur għandu jisbaħ għalina dak il-jum li fih ix-Xemx titla’ u ma tinżilx: “Stenbaħ int, li int rieqed, u qum mill-imwiet, ħa jiddi fuqek Kristu.” (Ef 5,14)
Kif tafu, nhar il-Ġimgħa li ġejja, 10 ta’ Ottubru, il-Poplu t’Alla f’Għawdex ser jinġabar flimkien biex nagħtu bidu għall-Missjoni Djoċesana. Qed niċċelebraw din il-Missjoni biex ngħinu lil kull familja tkebbes dan id-dawl – mhux biss għall-ulied, imma għall-familja kollha.
Anzi, nemmen li fostkom hemm koppji li l-Mulej għażilkom u sejħilkom biex timxu fuq l-eżempju ta’ Akwila u Prixxilla – koppja li, kif insibu fl-Atti tal-Appostli u fl-ittri ta’ San Pawl, kellha sehem importanti fil-ħajja tal-Knisja tal-bidu għax għenu biex dan id-dawl tal-Kelma jinxtegħel fil-qlub ta’ ħafna persuni u familji oħra.
Il-Familja Nisranija fid-dinja tal-lum
Bħal ħafna koppji Nsara tal-lum, Akwila u Prixxilla kellhom iħabbtu wiċċhom ma’ sfidi mhux żgħar minħabba l-fatt li kienu dixxipli ta’ Kristu. Għall-bidu kienu joqogħdu Ruma, imma l-Imperatur Klawdju keċċihom minn Ruma peress li n- nuqqas ta’ qbil bejn il-Lhud u l-Lhud Insara kien qed joħloq diżordni fil-belt (ara Atti 18,2-3). Minħabba li kienu jistqarru t-twemmin tagħhom fi Kristu, Akwila u Prixxilla sabu ruħhom imwarrba, imsikkta u mċaħħda mid-drittijiet tagħhom. Tellfulhom kull ma kellhom: ix-xogħol, id-dar, il-ħbieb … Imma ma tellfulhomx il-fidi fi Kristu. Nistħajjel li fihom kien hemm l-istess sentimenti ta’ Pawlu: “Dak kollu li għalija kien qligħ, jien għaddejtu bħala telf minħabba Kristu. Jiena ngħodd kollox bħala telf ħdejn il-qligħ kbir li hemm filli nagħraf lil Kristu Ġesù Sidi; minħabba fih ridt li nitlef kollox, u ngħodd kollox bħala knis, biex nirbaħ lil Kristu, u nkun ninsab fih.” (Fil 3,7-9)
Qed ngħixu fi żmien meta l-familja Nisranija qed ikollha tagħmel ċerti deċiżjonijiet li ma humiex ħfief, billi għażla skond il-valuri tal-Evanġelju tiswilha prezz għoli. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma nistgħux ma nħossuniex imħeġġin biex aħna stess nikbru fl-għarfien li għandna ta’ Kristu. Lill-Insara ta’ Kolossi, San Pawl jgħidilhom: “Intom ilqajtu lil Kristu Ġesù l-Mulej; għixu mela magħqudin miegħu; niżżlu għeruqkom fih, u ibnu l-ħajja tagħkom fuqu; issaħħu fil-fidi, kif tgħallimtu, u mtlew bil-gratitudni.” (Kol 2,6-7). Min hu mimli bi Kristu, lil Kristu ma jżommux għalih, imma jgħaddih lill-oħrajn. “L-imħabba ta’ Kristu ssuqna” (2 Kor 5,14) biex nagħmluh aktar magħruf u maħbub mill-oħrajn.
Il-Vanġelu jixxandar fil-Familja
Minn Ruma Akwila u Prixxilla marru joqogħdu fil-belt ta’ Korintu. Meta Pawlu wasal f’dik il-belt huma laqgħuh għandhom u qagħad għandhom (ara Atti 18,3). Fil-persuna ta’ Pawlu, huma laqgħu fid-dar tagħhom ħabbar tal-Evanġelju, li huwa “il-qawwa t’Alla għas-salvazzjoni ta’ dawk li kollha li jemmnu” (Rum 1,16). Hija barka kbira għal familja li jkollha żjara ta’ xi ħadd mibgħut minn Kristu biex ixandrilha l-Bxara t-Tajba.
Matul din il-Missjoni ser issir żjara lil kull familja biex issirilha t-tħabbira tal-Kelma t’Alla, bit-tama li l-istess familja tilqa’ din il-grazzja u hija stess tibda tħabbar il-Kelma fi ħdanha stess billi taqra silta mill-Bibbja kuljum.
Billi kellu l-istess sengħa ta’ Akwila u Prixxilla, Pawlu qagħad jaħdem magħhom. Is-sengħa tagħhom kienet li jagħmlu t-tined (ara Atti 18,3). Minn qalbi nawgura li kull familja titgħallem tagħmel “tinda”. Mhux it-tinda tal-ġild jew tal-ħarir, imma “it-tinda tal-Preżenza” (ara Eż 40). Kif il-poplu Lhudi, meta kien fi triqtu lejn l-art imwegħda, kien iwaqqaf it-tinda biex fiha jinżel Alla u jgħammar magħhom, kull familja għandha tipprova tagħmel mid-dar tagħha dik “it-tinda” fejn Alla jinżel u joqgħod għandha. Hemm il-familja tinġabar biex titlob flimkien, u tkun tista’ tisimgħu jitkellem magħha u l-membri jitkellmu miegħu.
Il-Knisja tinbena fil-Familja
Meta Pawlu telaq minn Korintu fi triqtu lejn is-Sirja, Awkila u Prixxilla kienu miegħu (ara Atti 18,18) għax riedu jissieħbu fil-missjoni. Infatti meta Pawlu kompla l-vjaġġ lejn Antijokja, huma baqgħu f’Efesu biex iwettqu ħidma kateketika li tat il-frott. Meta wara xi żmien Pawlu reġa’ għadda minn Efesu, huwa sab komunità ta’ dixxipli (ara Atti 19,1-7). Lill-Insara ta’ Korintu Pawlu jgħidilhom: “Isellmulkom ħafna fil-Mulej Akwila u Prixxilla u l-Knisja li tiltaqa’ f’darhom” (1Kor 16,19); dan ifisser li fid-dar ta’ din il-familja kienet tiltaqa’ l-komunità Nisranija biex tisma’ l-Kelma u tiċċelebra l-Ewkaristija. Il-Knisja bdiet tissawwar minn ħdan din il-familja, il-“knisja fid-dar”.
Kollox jindika li l-fatt li Akwila u Prixxilla kienu miżżewġin u kellhom il-familja, mhux talli ma fixkilhomx milli huma wkoll jingħataw biex ixandru l-Evanġelju, imma għenhom. Għalkemm bħal kull familja oħra riedu jipprovdu għall-ħajja ta’ kuljum, xorta rnexxilhom isibu l-ħin biex jagħtu servizz lil Alla u lill-Appostlu.
Kif il-familja ta’ Akwila u Prixxilla kellha sehem biex titwaqqaf u tissaħħaħ il-Knisja f’Efesu, hekk ukoll il-kontribut ta’ kull familja tagħna huwa bżonnjuż biex il-Knisja f’Għawdex tkompli tinbena f’bini sħiħ. Il-familja mhix biss dik li tirċievi l-Bxara t-Tajba, imma hija wkoll dik li xxandar il-Kelma t’Alla lill-oħrajn, partikularment lil familji oħra. Il-familja għandha ministeru proprju tagħha, u l-Knisja tagħna tibqa’ fqira sakemm dan il-ministeru ma jitħaddimx minn aktar familji. Ma nistax ma napprezzax il-ħafna ħidma pastorali li qed issir minn għadd sabiħ ta’ koppji fil-katekeżi, fil-liturġija, fil-qasam karitattiv u fil-pastorali tal-familja.
Il-Katekeżi ssaħħaħ il-Familja
Meta darba Akwila u Prixxilla semgħu lil raġel għaref minn Lixandra, jismu Apollo, jgħallem fuq Ġesù, huma ntebħu li t-tagħlim tiegħu ma kienx sħiħ u għalhekk ma kienx eżatt. Huma “ħaduh magħhom u fissrulu t-Triq t’Alla iktar bir-reqqa” (Atti 18,26). Dan ifisser li Akwila u Prixxilla kellhom formazzjoni Nisranija tajba u soda. Ma kienx jgħaddi kollox għalihom u lanqas kienu jikkuntentaw ruħhom bil-ftit! Għalkemm Apollo kien “raġel jinqala’ biex jitkellem u għaref fl-Iskrittura” (Atti 18,26), Akwila u Prixxilla ma ħassewhomx inferjuri għalih, u bil-kuraġġ u bl-imħabba għenuh jagħraf l-iżball tiegħu. Għax kellhom il-kuraġġ iwasslu tagħlim korrett, huma għenu biex Apollo “jagħlaq ħalq il-Lhud quddiem kulħadd billi jurihom mill-Iskrittura li Ġesù hu l-Messija” (Atti 18,28).
Illum għandna diversi għorrief li huma mħarrġa fi xjenzi varji u jidhru jitkellmu b’awtorità. Imma huwa fatt li fostna hemm min jaħseb li l-għerf u Alla ma joqogħdux flimkien. Għalhekk li wieħed jiżen u jgħarbel dak li jisma’ jew jaqra hija responsabiltà. Imbagħad, li bħal Akwila u Prixxilla wieħed jikxef l-iżball biex tidher il-verità, huwa servizz lill-oħrajn. Imma biex inkunu nistgħu nagħmlu dan il-konfront fil-kultura tal-lum, bħal Akwila u Prixxilla hemm bżonn naħżnu duttrina tajba. Għalhekk is-siwi tal-formazzjoni kontinwata fil-fidi, speċjalment il-katekeżi tal-adulti.
Nilqgħu l-grazzja tal-Missjoni Djoċesana
Nistqarr li għalija kienet esperjenza ferm sabiħa meta fil-jiem li għaddew, bi tħejjija għall-Missjoni Djoċesana, iltqajt ma’ għadd kbir ta’ lajċi, uħud minnhom koppji, li huma membri ta’ għaqdiet u movimenti fejn issir katekeżi biblika b’mod regolari – Azzjoni Kattolika, Leġjun ta’ Marija, Museum, Kariżmatiċi, Gruppi ta’ Lectio Divina, Komunitajiet Ewkaristiċi u Neo-Katekumenali. Wieħed jittama li frott tal-Missjoni Djoċesana jkun hemm min jitħajjar jagħmel esperjenza ma’ xi grupp minn dawn li semmejt, jew ukoll jinħolqu esperjenzi ġodda ta’ katekeżi fil-parroċċi tagħna.
Billi minn Efesu Akwila u Prixxilla reġgħu lura lejn Ruma, fejn hemm ukoll kienu jlaqqgħu l-Knisja f’darhom, fi tmiem l-ittra tiegħu lir-Rumani, Pawlu jselli għalihom, jirrikonoxxihom bħala dawk li “ħadmu miegħu” u jirringrazzjahom (Rum 16,4).
Bħal Pawlu jiena wkoll inroddilkom ħajr għall-għajnuna kollha li toffru lill-Knisja. Inħeġġiġkom tieħdu sehem f’din il-Missjoni Djoċesana li għandha tkattar fina passjoni biex nitkellmu dwar Kristu ma’ kulħadd. Bil-Kelma tiegħu tħeġġeġ lil qalbna
nistgħu nixegħlu dawl li għandu l-qawwa jegħleb kull dlam fil-ħajja tagħna.
“Lil Alla li għandu l-qawwa li jwettaqkom fl-Evanġelju, … il-glorja għal dejjem ta’ dejjem b’Ġesù Kristu. Amen.” (Rum 16,25.27)
Il-Ħamis 2 ta’ Ottubru 2008
Festa tal-Anġli Kustodji
+ Mario Grech
Isqof