STORJA TINKITEB MINGĦAJR ALLA?

Dalgħodu (it-Tnejn 8 ta’ Settembru 2008), fl-okkażjoni tal-festa ta’ Marija Bambina ċċelebrata fix-Xagħra, Għawdex, l-Isqof Mario Grech mexxa quddiesa pontifikali u fl-omelija huwa tkellem dwar id-dmir tan-nisrani li jieħu sehem attiv fin-nisġa tal-istorja ta’ pajjiżna. Din hija ġabra fil-qosor tal-omelija tiegħu:

“Kull jum qed tinkiteb l-istorja ta’ ġensna. Aktar minn kronoka ta’ ġrajjiet, l-istorja hija t- traduzzjoni ta’ viżjoni spiritwali u morali tar-realtà fl-esperjenza. Meta wieħed jażżarda jmiss dawn il-valuri, ikun qed jattakka l-integrità ta’ dan il-poplu u jikteb storja sewda.


Wieħed jinnota li hawn min għandu r-rieda li l-istorja tal-lum tkun f’kontinwità ma’ dik tal-bieraħ; hawn min irid inissi l-istorja tal-bieraħ u jibda storja ġdida; u hawn min irid jikteb l-istorja mingħajr ebda riferiment għal Alla.

Dawk fostna li juru simpatija mas-sekulariżmu u l-lajċiżmu tajjeb jiftakru li meta l-istorja titfassal mingħajr Alla, din tkun storja kontra l-bniedem. Il-pluraliżmu fl-għażliet temporali huwa tajjeb; imma ma nistgħux inċedu għall-pluraliżmu etiku u morali. Dan ikun ta’ detriment għall-ħajja demokratika li teħtieġ fundament solidu msawwar minn prinċipji etiċi li m’humiex negozjabbli.

F’dan il-kuntest ma jagħmilx sens li l-Kattoliċi, partikularment dawk impenjati fis-settur pubbliku, jibqgħu assenti jew siekta meta huma mhedda dawn il-valuri lajċi. F’sitwazzjoni bħal din, mhix il-Knisja li tinsab fil-periklu, imma l-futur tal-bniedem u d-demokrazija.

Il-poplu t’Alla llum huwa msejjaħ jieħu sehem attiv fin-nisġa tal-istorja ta’ pajjiżna billi jiddefendi “ir-raġuni umana”. Ir-relativiżmu jeħtieġ id-dawl tar-“raġuni”, meqjusa bħala dik il-fakultà biex il-bniedem jagħraf il-veru. Ċiċerun jgħallem li teżisti liġi li hija “ir-raġuni retta”. Din tinsab fin-natura, f’kull bniedem u hija immutabli u eterna, u l-preċetti tagħha jobbligaw. Temi importanti bħalma huma l-ħajja umana, il-persuna, iż-żwieġ u l-istat, wieħed isibhom fis-“senduq tar-raġuni”.

F’soċjetà pluralistika bħal tagħna hawn min isostni li hija arroganza li wieħed jissuġġerixxi li l-verità morali marbuta ma’ twemmin partikulari għandha ddawwal l-ordinament ċivili li huwa validu għal kulħadd! Kif jista’ jeżisti l-fundamentaliżmu reliġjuż, raġunament bħal dan huwa fundamentaliżmu intellettwali! Jekk huwa gravi li fl-ordinament pubbliku jidhru għażliet etiċi reliġjużi, daqstant ieħor huwa gravi li kull pożizzjoni tan-Nisrani tiġi ttimbrata bħala “għażla konfessjonali” u għalhekk tiġi meqjusa bħala għażla privata!

Kif seħħ fl-imgħoddi, hekk ukoll illum il-Knisja tibqa’ toffri s-sehem tagħha fin-nisġa ta’ din l-istorja ta’ pajjiżi.”