IL-ĠMIEL TAL-BNIEDEM U TAŻ-ŻWIEĠ
Omelija ta’ Mons Isqof Mario Grech
Festa tal-Assunta
Katidral, Għawdex – 15 t’Awwissu 2008

IL-ĠMIEL TAL-BNIEDEM U TAŻ-ŻWIEĠ

Kull wieħed u waħda minna, anke bħala kollettività, għandna xi forma ta’ kejl biex inkunu nistgħu niġġudikaw jekk l-għażliet li nagħmlu jew id-deċiżjonijiet li nieħdu jkunux għażliet u deċiżjonijiet tajbin. Imma meta nagħti ħarsa lejn is-soċjetà tagħna, nistaqsi lili nnifsi jekk huwiex il-waqt li nagħmlu valutazzjoni ta’ dan il-kejl li aħna qed napplikaw. Għax jista’ jiġrilna bħal dak il-bennej illi beda jibni dar kbira u sabiħa, imma billi l-istrumenti li kien juża biex ikejjel bihom kienu ħżiena, meta wasal biex jagħlaq id-dar sab illi l-ħitan li bena ma jaqblux ma’ xulxin, u allura d-dar ma setgħetx tiġi kompluta.


Issa aħna mhux binja materjali għandna f’idejna; aħna responsabbli mill-binja tal-persuna. Il-persuna nħarsu lejha fil-kuntest tal-familja; u l-familja tinsab fil-kuntest tas-soċjetà. F’dawn il-binijiet ma nistgħux nirriskjaw illi jkollna żball fl-istrumenti li normalment nużaw biex inkejlu bihom. Waqt li kont nikkontempla lill-Assunta, inħoss li nebbħitni kif il-figura tagħha, l-esperjenza tagħha, tista’ toffrilna assigurazzjoni tal-kejl li aħna rridu nħaddnu. Dwar liema kejl qed nitkellem?

Antropoloġija Kristjana: il-bniedem maħluq minn Alla

Hemm mistoqsija fundamentali li rridu nwieġbu, għax kull għażla jew deċiżjoni li nagħmlu tiddependi mit-tweġiba li nagħtu: min hu l-bniedem? X’kunċett għandna tal-persuna umana? Id-deċizjonijiet u l-għażliet li jsiru – kemm dawk li jirrigwardaw l-individwu, il-familja, u l-politika (l-organizazzjoni tas-soċjetà) – jiddependu minn din ir-“riegla”: x’nifhmu meta ngħidu “il-bniedem” jew “il-persuna umana”.

L-epoka li qegħdin ngħixu fiha, hekk imsejha post-moderna, għandha kriżi antropoloġika: ma tafx min hu l-bniedem. Hija konfuża dwar x’nifhmu bil-bniedem. Għalhekk ma nistagħġibx li huma anke konfużi u jikkonfondu l-għażliet u d-deċiżjonijiet proposti jew li tagħmel is-soċjetà. Għandna antropoloġija dgħajfa. Waħda mill-kawzi ta’ din id-dgħufija hija għarfien fqir li għandna ta’ min hu Alla. Għaliex biex nagħrfu l-bniedem, ma nistgħux niżganċjawh minn Alla.

Quddiem din ir-realtà aħna bħala komunità Nisranija għandna proposta x’nagħmlu. Aħna għandna patrimonju, imsaħħaħ u elaborat b’mod partikulari mill-qaddej ta’ Alla l-Papa Ġwanni Pawlu II, illi jitkellem dwar l-antropoloġija personalistika: aħna nħarsu lejn il-bniedem bħala suġġett-persuna li għandha d-drittijiet inaljenabbli tagħha. Fid-dawl tal- antroploġija biblika Kristjana, aħna nagħrfu kemm hu kbir il-bniedem. Kull bniedem huwa oġġett tal-imħabba infinita ta’ Alla. Kristu, li huwa l-“imago expressa” ta’ Alla, meta fil-milja taż-żmien twieled fostna minn din il-mara, mill-Assunta, huwa wera lill-bniedem x’inhi d-dinjità u l-ġmiel tiegħu – dinjità u ġmiel li huma rifless tal-ġmiel li hemm f’Alla l-Imbierek.

Kristu jirrirfletti l-ġmiel ta’ Alla

Allura l-proposta li tagħmel il-komunità Nisranija f’dan il-kuntest hija dik tal-antropoloġija fid-dawl taż-żmien fl-eternità, fejn Kristu, l-Iben ta’ Alla, li huwa l-impronta u s-sustanza tal-ġmiel li hemm f’Alla, ilibbes lil kull bniedem u dak kollu li jmiss mal-bniedem u kull esperjenza umana b’dan il-ġmiel. Dostoevsky fir-rumanz tiegħu “l-Idjota” jgħid illi “il-ġmiel isalva lid-dinja”. U Solzhenitsyn, f’diskors li għamel meta rċieva l-Premju Nobel, jgħid illi l-ħajja umana qisha siġra bi tliet fergħat: fergħa minnhom tirrifletti x’inhu l-veru; imma llum hemm min irid jaqtagħha dik il-fergħa għax huwa allerġiku għall-verità! Hemm il-fergħa ta’ x’inhu it-tajjeb: gwida etika għall-għemil tal-bniedem; imma anke din il-fergħa ma tantx hi popolari llum li mdorrijin f’relativiżmu etiku u morali. Fadal fergħa waħda: dik tal-ġmiel. Meta l-bniedem għażel li jista’ jgħaddi mingħajr il-verum [il-veru] u l-bonum [it-tajjeb], forsi dak li huwa pulchrum [sabiħ] għadu jappella.

Għalhekk l-antropoloġija Kristjana għandha dan il-messaġġ x’tikkomunika lill-bniedem tal-lum: fid-dawl ta’ Kristu l-Feddej, il-bniedem huwa jikseb għarfien ta’ dan il-ġmiel. L-aqwa ġmiel ma jinsabx għand il-kreaturi imma f’Alla li huwa l-istess pulchritudine. Huwa Dak, jgħid il-Ktieb tal-Għerf, li għamel il-ġmiel (ara Għerf 13,3). Dan il-ġmiel għandu l-impronta tiegħu fi Kristu, li kif jgħid is-Salmista, huwa l-isbaħ fost ulied il-bnedmin (ara Salm 45,3). San Tumas jgħidilna li Kristu mhux biss huwa r-rifless tal-qdusija u l-ġmiel etern li hemm f’Alla, imma huwa jlibbsu u jgħaddih lill-omm tiegħu u l-omm tagħna: qaddisa, mifdija u kollha ġmiel. Għalhekk nippreżentalkom lil Marija Assunta bħala dik il-mara mlibbsa bil-ġmiel ta’ Kristu. Marija hija waħda mill-ġeneru uman. Hija waħda minna illi fiha jidher il-ġmiel illi bih libbisha Alla sa mit-tnissil tagħha.

Il-Papa Pawlu VI, f’Kungress Marjoloġiku Internazzjonali li sar f’Ruma fl-1975, appella biex nilmħu f’Marija mhux biss il-via veritatis (it-triq tal-verità), frott ta’ riflessjoni teoloġika, li twassalna għand Alla; imma niskopru fiha l-via pulchritudinis – it-triq tal-ġmiel li wkoll tista’ tgħinna niskopru lil Alla. Din tista’ tkun triq illi tinterressa lil ħafna! Kien jixraq illi fil-glorja tagħha l-Assunta tiddi b’dan il-ġmiel għall-ġeneru uman. Santa Marija hija sabiħa b’mod estetiku imma hija aktar sabiħa b’mod teoloġiku u spiritwali. Hi li hija t-Theotokos, Tuttasanta u mingħajr ebda tebgħa u tikmixa, tasal biex tipproponi lill-bniedem it-triq tal-ġmiel li minnha jgħaddi biex jiskopri il-ġmiel tiegħu nnifsu u l-ġmiel etern li hemm jistennieh għand Alla.

Fil-misteru tal-Assunta jidher il-ġmiel tal-bniedem maħluq xbieha t’Alla

Fil-Verġni Marija mtellgħa s-sema bir-ruħ u l-ġisem, nilmaħ lil Alla l-Imbierek ilibbes lill-bniedem sħiħ b’dik is-sbuħija li biha kien libbsu fil-ġnien tal-Għeden. Imma l-bniedem deherlu li seta jinża’ dan il-ġmiel. F’dan il-jum sabiħ, inħallu lill-Assunta turina x’inhi din l-antropoloġija Kristjana, x’inhu dan il-ġmiel tal-bniedem, biex imbagħad inkunu nistgħu niksbu dak il-kejl li jassigurana li d-deċiżjonijiet li nagħmlu jkunu deċiżjonijiet illi jirriflettu dak li huwa veru u dak li huwa tajjeb.

Il-Vergni Marija mtellgħa is-sema bir-ruħ u l-ġisem għandha messaġġ qawwi li jgħin lill-bniedem jagħraf li hu imago Dei – xbieha ta’ Alla. Meta Kristu tella’ lil Marija fis-sema bir-ruħ u l-ġisem fejn ġiet milqugħha mill-Missier u mill-Ispirtu s-Santu, fil-persuna ta’ Marija t-Trinità Mqaddsa kienet qed tilqa’ lill-bniedem sħiħ – lil kull bniedem! Għax Alla ħalaq il-bniedem “xbieha tiegħu” biex jgħix għal dejjem, u bil-qawwa ta’ Kristu Feddej il-bniedem jista’ jipparteċipa minn din ir-rebħa assoluta fuq il-mewt u taħsir tal-mewt u jgħix għal dejjem.

Id-dnub ikisser il-ġmiel tal-pjan ta’ Alla għall-bniedem

Jekk Alla huwa sabiħ, il-bniedem maħluq xbieha tiegħu suppost jirrifletti dak il-ġmiel ta’ Alla u dak l-ordni li hemm f’Alla. Imma l-bniedem fid-dgħufija tiegħu jirribella kontra Alla u jitfa’ wara spallejh dak l-ġmiel biex ixidd libsa oħra: natura umana mwaqqgħa. Il-bniedem jagħżel illi jmur kontra l-proġett u r-rieda ta’ Alla. L-esperjenza umana rrakkontata fil-Ġenesi mhix esperjeza limitata għal Adam u Eva. Tista’ tkun l-esperjenza tagħna ilkoll. Aħna maħluqin xbieha ta’ Alla. Imma l-libertà li żejjinna biha Alla nistgħu nużawha ħażin. Nistgħu nirribellaw kontra r-rieda u l-proġetti ta’ Alla. Jekk nagħmlu din l-għażla, inkunu qegħdin ninżgħu l-ġmiel u niċċappsu bit-tebgħa tad-dnub. Id-dnub huwa kull kruha li hemm fil-ħajja individwali, fil-ħajja tal-familja, fil-ħajja soċjali u fil-ħajja tal-Knisja.

Fl-Għeden il-bniedem mhux biss neża’ l-ġmiel li libbsu Alla, imma neżża’ wkoll lil ħutu! Kajjin neħħa l-ħajja ta’ ħuh Abel u għamel ġerħa lill-familja tiegħu! Il-ġmiel jirrifletti ruħu meta hemm ħajja komunitarja, meta hemm l-għaqda bejn l-aħwa. Meta l-ispirtu komunitarju fil-ħajja soċjali u familjari, imma aktar u iktar fil-ħajja tal-komunità ekkleżjali huwa frantumat, dan ikun ta’ dannu serju hafna, għaliex inkunu qegħdin intebbgħu l-ġmiel tal-poplu ta’ Alla – inkunu qegħdin ninżgħu minn dan is-sebħ ta’ Alla li jidher b’mod qawwi fl-Assunta.

Il-familja u ż-żwieġ fit-tagħlim tal-Konċilju Vatikan II

Imma llum nistedinkom tirriflettu dwar esperjenza oħra fundamentali fil-ħajja umana li Alla jlibbisha wkoll bis-sebħ tiegħu. Qed nitkellem dwar dik l-esperjenza ta’ mħabba u ta’ ħajja li jagħmlu raġel u mara meta jidħlu għall-esperjenza taż-żwieġ u tal-familja. Din hija wkoll parti mill-antropoloġija Kristjana. Din ukoll tiddependi minn x’kunċett għandna ta’ bniedem.

Iz-żwieġ u l-familja mhumiex ħolqien tal-bniedem. Il-bniedem jista’ joħloq forma li b’xi mod isejħilha żwieġ jew familja. Imma “fil-bidu” x’kien iz-żwieġ? Meta l-Lhud jiġbdu l-attenzjoni ta’ Kristu li Mosè kien ikkonċedilhom il-ktiba tad-divorzju, Ġesù jippreċiża li “kien minħabba l-ebusija ta’ qalbhom li Mosè takom il-permess tibagħtu n-nisa tagħkom, iżda fil-bidu ma kienx hekk” (Mt 19,8). Fil-bidu x’ifisser? X’inhi r-rieda ta’ Alla għall-bniedem u għal dik il-komunità li tissejjaħ familja mibnija fuq żwieġ?

Il-Konċilju Vatikan II, fil-Kostituzzjoni Pastorali “Il-Knisja fid-Dinja ta’ Llum” [Gaudium et spes], għandu paragrafi sbieħ ħafna dwar iż-żwieġ u l-familja: “L-għaqda intima tal-ħajja u tal-imħabba bejn il-miżżewġin, mwaqqfa minn Alla fil-ħolqien u regolata b’liġijiet proprji, titwaqqaf fuq il-patt taż-żwieġ, jiġifieri fuq il-kunsens personali u irrevokabbli. Hekk, b’att uman li bih il-miżżewġin jagħtu lil xulxin u jirċievu lil xulxin, istituzzjoni diġà stabbli b’liġi ta’ Alla tibda sseħħ ukoll quddiem is-soċjetà” (n. 48).

Allura, ladarba ż-żwieġ huwa istituzzjoni li teżisti sa mill-bidu tal-ħolqien, ma nistgħux ngħidu li hija esperjenza speċifikament Kristjana. Min jgħid illi d-diskors u l-proposta tal-Knsija dwar iż-żwieġ u l-familja hija proposta konfessjonali mhux korrett, għaliex kien sa mill-bidu tal-ħolqien li Alla riedhom raġel u mara jingħaqdu flimkien fiż-żwieġ b’kunsens irrevokabbli. Kunsens irrevokabbli jfisser bħal dawk l-esperjenzi li normalment nagħmlu fil-ħajja ċivili tagħna. Min minna jagħmel kuntratt imbagħad b’mod unilaterali jfettillu jħassar dak il-kuntratt? Iz-żwieġ huwa kuntratt, u aktar minn hekk!

Permezz tal-Konċilju, il-Knisja tkompli tfisser il-ġmiel taż-żwieġ u l-familja meta tgħid illi din l-esperjenza hija ta’ ġid għall-istess miżżewgin, għall-ulied u għall-istess soċjetà.

Kristu ma jibqax passiv quddiem din ir-realtà, imma jgħolli din l-esperjenza umana għall-esperjenza ta’ sagrament. “Is-Salvatur tal-bnedmin u l-Għarus tal-Knisja jiltaqa’ mal-miżżewġin insara fis-sagrament taz-żwieġ. Jibqa’ wkoll magħhom biex kif huwa ħabb il-Knisja u ta lilu nnifsu għaliha, hekk ukoll il-miżżewġin jinħabbu bejniethom b’fedeltà li ma tigix nieqsa billi jagħtu ruħhom lil xulxin. L-imħabba vera bejn il-miżżewġin tingħaqad ma’ l-imħabba t’Alla u hija msaħħa u mogħnija bil-qawwa feddejja ta’ Kristu u bl-għemil tas-salvazzjoni tal-Knisja biex il-miżżewġin jitwasslu tassew lejn Alla u jkollhom għajnuna u qawwa fil-missjoni għolja ta’ missier u omm. Għalhekk il-miżżewġin insara huma msaħħin u bħal ikkonsagrati b’sagrament speċjali għad-dmirijiet u d-dinjità tal-istat tagħhom” (Gaudium et spes, n.48).

Dan ifisser li lill-miżżewġin insara, illi għandhom l-istess kunċett taż-żwieġ li għandhom ma’ ħuthom il-bnedmin kollha, Kristu jagħtihom il-grazzja tas-sagrament ħalli jsaħħaħhom u jgħinhom biex din l-esperjenza jgħixuha fil-milja tagħha. Imma għaliex iż-żwieġ tan-nisrani huwa sagrament dan ma jfissirx illi l-pedament taż-żwieġ tagħna huwa differenti minn dak taż-żwieġ naturali. Dan huwa l-ġmiel li jeħtieġ ngħożżu, biex ma ngħidx nirkupraw – għax xi drabi jidher li qed nitilfuh!

Il-Konċilju Vatikan II għandu kelma qawwija għall-awtorità ċivili meta jgħid li “huwa dmir sagru tagħha li tagħraf in-natura vera taż-żwieġ u l-familja, tiddefendihom u tmexxihom ’il quddiem, li tħares il-moralità pubblika u li tgħin il-prosperità tal-familja” (Gaudium et spes, n.52). Dan bl-ebda mod ma jista’ jigi interpretat li l-Konċilju jrid li min hu fl-awtorita ċivili jkun konfessjonali. Imma għax il-Knisja temmen li din l-esperjenza umana hija ta’ ġid kbir għall-bniedem u għas-soċjetà, hija tħeġġeġ lil dawk li għandhom xi influwenza fis-soċjetà biex ihħarsu dan il-patrimonju uman.

Marija tgħinna niżżejnu bil-ġmiel ta’ Alla

Fl-Assunta mtellgħa s-sema bir-ruħ u l-ġisem, nilmaħ lil Kristu qiegħed jgħolli mhux biss lill-persuna umana – kif għidina aktar ’il fuq, imma qed jgħolli wkoll din l-esperjenza profondament umana u jlibbisha bil-ġmiel li tilfet maż-żmien minħabba l-ebusija tal-qalb umana.

Din hija t-talba li jiena nagħmel lil Santa Marija f’din il-ġurnata. Hija ġurnata fejn il-Knisja kollha tieqaf titfa’ ħarsitha fuq dik li hija gglorifikata u mlibbsa bil-ġmiel. Nitlobha biex lilna tagħmlilna kuraġġ ħalli quddiem il-kruha u t-tbajja tagħna jew tal-oħrajn, ma naqtgħux qalbna imma nimxu din it-triq tal-ġmiel li tipproponielna l-persuna ta’ Marija. Hekk aħna wkoll individwalment, bħala familji, bħala soċjetà u bħala Knisja, inkomplu niżżejnu b’dan il-ġmiel ta’ Alla.

Missjoni Djoċesana

Kif ilkoll tafu f’Ottubru li ġej sejrin nagħmlu l-esperjenza ta’ Missjoni Djoċesana. Nitlob lil Alla bl-interċessjoni tal-Vergni mbierka biex f’din il-missjoni lkoll jirnexxielna nixxennqu għal dan il-ġmiel ta’ Alla, rifless fi Kristu u fil-Madonna. Hekk, filwaqt illi nbegħdu minna kull sfregju li nistgħu nagħmlu lill-bniedem, lill-ħajja miżżewġa, lill-ħajja soċjali, u lill-ħajja ekkleżjali jirnexxielna, bil-ġmiel li bih ilibbisna Alla l-Imbierek, inxennqu oħrajn għalih, nattiraw oħrajn sabiex huma wkoll jimxu minn din il-via pulchritudinis u jiksbu dak il-kejl tant importanti għall-ħajja tagħna.