DJALOGU
Silta mill-omelija ta’ Mons Isqof Mario Grech
Bazilika Marija Bambina, Isla - 4 ta’ Settembru 2008

Il-bieraħ (il-Ħamis 4 ta’ Settembru 2008) Mons Isqof Mario Grech mexxa konċelebrazzjoni fil-Bażilika ta’ Marija Bambina (l-Isla, Malta) mal-komunità parrokkjali li kienet qed tfakkar is-87 sena mill-Inkurunazzjoni tal-Bambina. Dan li ġej huwa ġabra fil-qosor tal-omelija*:

Għalkemm kotru l-mezzi tal-komunikazzjoni kemm dawk soċjali kif ukoll dawk personali, illum id-djalogu bejn il-bnedmin ftaqar ħafna. Effett ta’ dan, hemm riskju li tiżdied id-diżordni u l-konfużjoni fil-ħajja taż-żwieġ u tal-familja, fil-ħajja soċjali u fil-ħajja ekkleżjali.

Ix-xena tat-tħabbira tal-Anġlu lil Marija fid-dar ta’ Nazaret hija ikona li turina l-ġmiel tad-djalogu. Alla joffri li jidħol fi djalogu ma’ Marija, u hi b’rieda ħielsa u b’responsabilità taċċetta li tieħu sehem f’dan id-djalogu. Frott ta’ din l-esperjenza, il- Verb sar bniedem u għammar fostna u hekk inawgura era gdida ta’ djalogu bejn Alla u l-umanità.

Fuq livell uman hemm bżonn li l-bniedem jitgħallem skills li jgħinuh jirrelata mal-oħrajn u hekk jevita r-riskju tas-solitudni. Waħda mill-kawżi li qed toħloq diffikultajiet kbar fil-ħajja taż-żwieġ u l-familja hija l-kwalità fqira ta’ djalogu bejn il-miżżewġin u bejn il-ġenituri mal-ulied. Min għandu l-familja għal qalbu, għandu jirsisti biex ikollna miżuri soċjali li jkunu family friendly li jistgħu jgħinu lill-koppja jkollha ħin ta’ kwalità biex titkellem flimkien, u hekk ma jibqgħux jitilgħu l-ħitan ta’ firda bejniethom.

Dan l-ispirtu ta’ djalogu huwa meħtieġ ukoll fis-soċjetà biex l-imsieħba soċjali jaslu biex isibu soluzzjonijiet ġusti għal dawk kollha involuti. Meta d-djalogu ma jkunx serju u responsabbli, l-inkwiet soċjali u n-nuqqas ta’ sodisfazzjon taċ-ċittadini jiżdiedu.

Meħtieġ ukoll id-djalogu tal-fidi. Il-bniedem qatt ma jista’ jibni futur jekk dwar ċerti tematiċi tal-ħajja ma jinterpellax lil Alla u jipprova jiskopri l-ordni primordjali mwaqqaf minnu. Dan nistgħu niskopruh kemm bir-riflessjoni dixxiplinata bil-qawwa tar-raġuni kif ukoll bid-dawl tal-fidi. Ir-raġuni u l-fidi m’humiex kontra xulxin imma kumplimentari. Dan jgħodd anke fil-każ taż-żwieġ: bir-raġuni nistgħu naslu biex nagħrfu n-natura taż-żwieġ – verità kkonfermata mill-Kelma t’Alla.

Għandna bżonn ta’ aktar djalogu fil-Knisja, għax xi drabi tingħata l-impressjoni li fil-Knisja tasal biss vuċi solitarja li ma ssibx korrispondenza fil-qlub tal-insara. Flimkien irridu nkomplu nagħmlu dixxerniment ta’ x’irid Alla llum.

Huwa dmir tal-Knisja li tidħol fi djalogu mad-dinja. L-insara ma jistgħux jirtiraw mid-dinja, anke jekk hemm min huwa ostili għalihom u jrid jiskreditathom. Imkebbsin bil-Bxara t-Tajba ta’ Kristu, huma jistgħu jgħinu lill-bniedem biex ma jiżbaljax fl-għażliet tiegħu, partikularment dwar aspetti li għandhom x’jaqsmu mal-ħajja umana.

Meta Marija ġiet imtellgħa s-sema u nkurunata mit-Trinità Qaddisa, sab il-milja tiegħu d-djalogu li kien ġie inawgurat f’Nazaret bejnha u t-Tliet Persuni tat-Trinità. Wieħed jittama li permezz tad-djalogu, il-bniedem u d-dinja jsibu l-kumpliment aħħari tagħhom f’Alla.

* It-test sħiħ tal-omelija jidher aktar ’il quddiem.