DOMINE DIRIGE NOS
Omelija waqt konċelebrazzjoni fl-okkażjoni ta’ “Jum il-Pulizija”
Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija, Furjana, 11 ta’ Lulju 2008

DOMINE DIRIGE NOS

Omelija ta’ l-Isqof Mario Grech waqt konċelebrazzjoni fl-okkażjoni ta’ “Jum il-Pulizija” – Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija, Furjana, 11 ta’ Lulju 2008.

Kristu r-ragħaj it-tajjeb

Darba Ġesù ġietu ħasra mill-folla għax kienu qishom “nagħaġ bla ragħaj” (Mt 9,36). Dalgħodu meta qed niċċelebraw il-Police Day, inħoss li qed nitkellem ma’ ġemgħa liturġika li tifhem sewwa xi jfisser dan is-sentiment ta’ Ġesù, għax bħala pulizija, il-vokazzjoni tagħkom u ħidmitkom ipoġġukom f’sitwazzjonijiet fejn malajr tindunaw kemm fi żminijietna s-soċjetà tagħna qed titlef id-direzzjoni għax l-għanijiet fundamentali tagħha huma mċajprin. Għalhekk jgħodd għalina dak li qal Kristu: aħna sirna nagħaġ mingħajr ragħaj.


Ġesù mhux biss tħassar in-nies ta’ żmienu, imma jipproponi lilu nnifsu bħala r-ragħaj it-tajjeb biex jgħin lill-bniedem isib it-triq. Sinċerament, dan lili jikkonvinċini li bħala nisrani għandi messaġġ siewi x’naqsam ma’ ħuti l-bnedmin; u dak li qed ngħid għalija ngħidu għal kull wieħed u waħda minna. Il-fatt li qegħdin nieħdu sehem f’din l-Ewkaristija jfisser li għandna twemmin komuni. Kristu mhux biss huwa r-ragħaj it-tajjeb li joffri direzzjoni lill-komunità umana tal-bierah, tal-lum u ta’ għada, imma huwa jrid isieħeb oħrajn miegħu biex jipparteċipaw f’din il-missjoni tiegħu ta’ ragħaj. Lili jseħibni miegħu bħala saċerdot u bħala isqof tal-Knisja; lilkom iridkom tieħdu sehem fil-missjoni tiegħu ta’ ragħaj billi sservu lill-bniedem bl-uniformi tal-pulizija.

X’inhi l-missjoni tar-ragħaj skond Ġesù? “Jien noħroġ in-nagħaġ tiegħi barra (mill-bitħa)” (Ġw 10,3). Normalment is-sid kien iżomm in-nagħaġ fil-bitħa biex jużahom, jinqeda bihom, jisfruttahom. Huwa għalhekk li Ġesù jgħid li jrid joħroġ in-nagħaġ minn dik il-bitħa: biex jiksbu l-ħelsien miċħud. Il-missjoni tagħna s-saċerdoti u tagħkom il-pulizija f’ċertu sens hija identika: aħna msejħin biex noħorġu lill-bniedem tal-lum minn ċerti ċrieki fejn il-libertà tal-persuna hija limitata jew saħansitra miċħuda, fejn il-persuna qed tiġi sfruttata, maħqura u mhedda minn dak kollu li nistgħu nsejħu “imġieba kriminali”.

Rgħajja tajba u rgħajja ħżiena

Imma Ġesù jiftħilna għajnejna għall-fatt li hemm dawk li jipparteċipaw mill-missjoni tiegħu u jkunu rgħajja tassew, imma hemm ukoll dawk li jinqdew ħażin bil-mandat li jafdalhom. Infatti Ġesù jiddeskrivi lir-rgħajja li ġew qablu bħala “ħallelin u briganti”. Hija xokkanti li int kont imsejjaħ biex tkun ragħaj ħalli toħroġ lil min hu fiċ-ċirku u l-jasar tal-vizzju, imbagħad forsi ssib ruħek fil-kategorija ta’ dawk deskritti bħala ħallelin u briganti! Fi kliem Ġesù dan ir-ragħaj ħażin huwa dak li “jisraq, joqtol u jeqred” in-nagħaġ.

X’kuntrast u kuntradizzjoni! Ir-ragħaj suppost qiegħed hemm biex jassigura l-milja tal-ħajja lin-nagħaġ afdati fil-kustodja tiegħu, imbagħad ikun hemm minn jinqeda b’dan l-uffiċċju biex bħala ħalliel u brigant jidħol “mhux mill-bieb” imma minn xi ftuħ ieħor moħbi biex joqtol, jisraq u jeqred! U ladarba jidħol bil-moħbi, tgħallmuni intom li allura jkun hemm xi ħaġa ħazina. Kulħadd jagħmel eżami tal-kuxjenza tiegħu f’dan ir-rigward. Nitkellem għalija bħala ragħaj: jekk ma noqgħodx għassa tiegħi nnifsi, jien nista’ naqa’ f’din it-tentazzjoni.

Biżżejjed infakkar dak li Alla jgħid lir-rgħajja permezz tal-Profeta Eżekjel: “Bin Adam, ħabbar kontra r-rgħajja ta’ Iżrael: ħażin għalihom ir-rgħajja li jirgħu lilhom infushom. Intom tixorbu l-ħalib u tilbsu s-suf tagħhom, toqtlu n-nagħaġ imsemmna u l-merħla ma tirgħuhiex. Id-dgħajfa ma saħħaħtuhiex u l-marida ma fejjaqtuhiex u l-midruba ma dewwejtuhiex, il-mitlufa ma ġibtuhiex lura, lanqas ma fittixtu l-mitbiegħda. Imma mexxejtuhom b’saħħa u qalb iebsa. U huma xterdu għax ma kellhomx ragħaj” (Eżek 34,2-5). Dak li Alla qal għar-rgħajja tal-bieraħ, nibża’ li jista’ jgħidu għar-rgħajja tal-lum!

Ġesù jiddistingwi bejn ir-ragħaj u x-xrik jew ir-ragħaj li jkun mikri. Ir-ragħaj veru jagħti ħajtu għan-nagħaġ tiegħu (Ġw 10,15). Hu dejjem għas-servizz tan-nagħaġ tiegħu, u mhux in-nagħaġ għas-servizz tiegħu. Mentri x-xrik għandu l-interessi tiegħu. Huwa ragħaj salarjat. Qiegħed hemm biex jaqla l-paga. Qiegħed hemm biex jaħseb għal ġildu, tant li jekk jara l-lupu ġej jaħrab, u lil dawk li jkun għassa magħhom jitlaqhom waħidhom fil-periklu bħala priża għall-għadu li jaħtafhom u jxerridhom. Għeżież tiegħi, tifhmu x’qiegħed ngħid.

Jien napprezzakom tassew għax ħafna nill-membri fil-Korp verament jagħtu servizz diżinteressat; ħafna fostkom m’humiex pulizija għax qed ifittxu is-salarju jew xi rimunerazzjoni oħra fis-sens wiesgħa tal-kelma; hemm minnkom li jinsew lilhom infushom u lill-familja tagħhom biex jaqdu liċ-ċittadin; hemm fostkom minn huwa lest li jqiegħed ħajtu fil-periklu biex isalva ħajjet ħaddieħor. Imma t-tentazzjoni li nħarsu l-interessi tagħna jew li xħin naraw il-lupu naħarbu jekk ma nagħmlux ukoll xi għażla oħra, hija tentazzjoni għalija u għal kulħadd.

L-“awtorità” tar-ragħaj tajjeb

Kristu jgħid li r-ragħaj it-tajjeb għandu kelma li xħin in-nagħaġ jisimgħuha, huma joqogħdu għaliha. L-awtorità tar-ragħaj mhix fil-libsa jew fl-arma li jkollu, imma fil-“kelma” li toħroġ minn fommu! Nistgħu ngħidu li dawk li jattribwixxu awtorevolezza lir-ragħaj huma l-istess nagħaġ meta huma jagħrfu kelmtu u u jirrispettawha għax hija kelma ta’ min jirrispettaha. B’differenza mir-“ragħaj barranni” li warajh in-nagħaġ ma jimxux, anzi jaħarbu minnu għax leħnu ma jafuhx (Ġw 10,5), ir-ragħaj it-tajjeb huwa aċċettat jekk kelmtu tintgħażel minn ħafna kliem ieħor u minn kliem ħaddieħor li wkoll għandu interess li jiġbed in-nagħaġ warajh! Fi kliem ieħor, il-kelma tar-ragħaj trid tkun il-kelma tal-verità li teħles; proprju għax ir-ragħaj ikun rifless tal-verità, dawk li jkun għassa fuqhom jirrikonoxxuh, jobduh u ma jgħaddux mingħajru.

Dan kollu jseħħ fil-missjoni tagħna. Nitkellem għalija nnifsi: il-kelma tiegħi jkollha sens biss jekk tkun kelma li ma titlaqx minni, imma tkun rifless ta’ dik il-verità li jien irrid infittex għand Alla. Anke fil-każ tagħkom il-pulizija: il-kelma tagħkom trid tirrifletti dak li ġej minn Alla. L-istess “ordni temporali” li intom fid-dmir li tħarsu, għandu jkun ordni skond kif iridu Alla. Il-ħeġġa li għandu jkollkom biex il-“liġi” tkun osservata, trid tkun ħeġġa biex ngħinu lill-bniedem joqgħod għal Alla, l-għajn ewlenija tas-sewwa. “Domine dirige nos” huwa l-motto tal-Korp: biex dan ma jkunx kliem vojt, inħeġġiġkom biex kliemkom u l-azzjoni tagħkom ikunu espressjoni tal-verità li hemm f’Alla.

Kristu jgħid li r-ragħaj it-tajjeb jipprova jsejjaħ in-nagħaġ tiegħu waħda waħda b’isimhom (v.3). Jien nipprova niftakar l-ismijiet tan-“nagħaġ” tiegħi, imma ma jirnexxilix! Naf li anke l-Korp tagħkom qed jagħmel kampanja kontinwa biex il-pulizija jkunu aktar qrib u familjari mal-komunità, ħalli tkunu tistgħu takkumpanjaw lill-bniedem fit-triq. Dan huwa impenn biex intom tkunu tistgħu ssejħu lin-nagħaġ afdati f’idejkom b’isimhom. Imma fil-fehma tiegħi, meta Ġesù jgħid li jsejjaħ lin-nagħaġ tiegħu waħda waħda b’isimhom, ifisser ukoll li Ġesù jara lil kull persuna fl-individwalità tagħha u jirrispetta d-dinjità ta’ kull persuna. Kull persuna għandha d-dritt għar-rispett massimu, irrispettivament mill-età, is-sess, it-twemmin, il-kulur, in-nazzjonalità ta’ dak li jkun.

Dawn huma l-ftit riflessjonijiet li xtaqt naqsam magħkom f’din il-ġurnata partikulari li fiha qegħdin tfakkru l-194 sena mit-twaqqif tal-Korp. Jiena nħares lejkom bħala dawk li tieħdu sehem mill-missjoni ta’ Kristu r-ragħaj it-tajjeb ta’ l-umanità, biex tgħinu lis-soċjetà jkollha direzzjoni fil-ħajja. Importanti li kull wieħed u waħda minna jirnexxilna nidħlu mill-“bieb”, filwaqt li niftakru li Kristu jgħidilna li “il-bieb tan-nagħaġ huwa jien; jekk xi ħadd jidħol ġewwa permezz tiegħi isalva, u jidħol u joħroġ u jsib fejn jirgħa” (Ġw 10,9). Ma nistgħux inwettqu dan is-servizz lill-komunità jekk jidhrilna li nistgħu ngħaddu mingħajr Alla u lil Kristu neliminawh mill-aġenda tagħna u tal-komunità tagħna.