Archive for the 'July' Category

KRISTU GĦADU JBATI U JĦOBB ILLUM
Manifestazzjoni Marjana favur Ambjent Moralment Nadif, Marsalforn (22 ta’ Lulju 2008)

KRISTU GĦADU JBATI U JĦOBB ILLUM

Manifestazzjoni Marjana favur Ambjent Moralment Nadif, Marsalforn
22 ta’ Lulju 2008

Fil-qari tal-liturġija tal-lum, tifkira ta’ Santa Marija Maddalena, smajna tixxandar silta mill-vanġelu ta’ San Ġwann (Ġw 20,1-2.11-18). Fl-esperjenza ta’ Marija ta’ Magdala nara l-esperjenza tagħna bħala Knisja. Marija ta’ Magdala kienet tibki ħdejn il-qabar vojt. Fil-Ktieb ta’ l-Għanja ta’ l-Għanjiet, fejn ir-relazzjoni bejn Alla u l-poplu tiegħu, bejn Kristu u kull min huwa mgħammed hija mxebbħa mar-relazzjoni ta’ bejn għarus u għarusa, naqraw li l-għarusa tgħid: “Jien imradt bl-imħabba” (2,5). Marija ta’ Magdala, frott l-imħabba li għandha lejn Kristu, tibki meta tiskopri li huwa nieqes mill-qabar. Kemm nixtieq li dan ikun is-sentiment tagħna: jekk qalbna hija marida bl-imħabba għal Kristu u ninnutaw li Kristu huwa assenti, huwa nieqes, allura qalbna tuġgħana.

Continue reading >>

IS-SEHEM TAN-NISRANI FID-DIBATTITU PUBBLIKU
Omelija ta’ Mons Isqof Mario Grech - Festa ta’ San Ġorġ Martri
Parroċċa San Ġorġ, Rabat – Il-Ħadd 20 ta’ Lulju 2008

L-isfidi kulturali ta’ żmienna

Qegħdin ngħixu f’epoka interessanti, għaliex lill-bniedem, iktar u iktar lilna Kristjani, toffrilna sfida kbira. Qed ngħixu f’epoka meta għaddej tibdil importanti: tibdil f’ċerti kunċetti bażilari li jiffurmaw il-kultura tagħna – kunċetti illi kapaċi jagħtu viżjoni differenti ta’ min hu l-bniedem u ta’ dak kollu li jmiss mal-bniedem: il-familja, l-ekonomija, ix-xjenza, il-mediċina, il-politika…

Illum hemm nuqqas ta’ kjarezza dwar x’inhi n-natura u d-dinja, dwar x’relazzjoni għandu jkun hemm bejn il-bniedem u Alla, dwar id-distinzjoni bejn dak li huwa limitat u l-infinit, bejn iż-żmien u l-eternità, il-libertà u l-verità, il-liġi u l-ġustizzja. Dawn huma tibdiliet li qegħdin jiżvolġu kontinwament fostna u ċertament jaffettwaw il-ħajja tagħna. Quddiem dan il-pluraliżmu ta’ sitwazzjonijiet il-Kristjan huwa msejjaħ ħalli jiskopri lingwaġġ ġdid biex jgħin ħalli jkun hemm iktar koerenza bejn dawk il-valuri dejjiema u l-istili tal-ħajja li qiegħed jadotta l-bniedem tal-lum. Il-Kristjan, li għandu patrimonju li ġej mit-twemmin tiegħu, mhux biss għandu joqgħod jishar biex ma jiddakkarx minn din l-ambigwità, imma huwa msejjaħ ħalli jsib modi ġodda ta’ kif jista’ jagħmel il-proposta evanġelika lill-bniedem tal-lum. Huwa urġenti illi quddiem din is-sitwazzjoni l-Kristjan jipprova jsib x’inhi l-essenza, l-għerq ta’ din il-problematika umana. Jekk ma nagħmlux hekk, irridu nagħtu kont mhux biss lill-bniedem imma wkoll lil Alla.

Il-qawwa u l-urġenza tax-xhieda Kristjana

Quddiem din ir-realtà l-Kristjan għandu jħossu msejjaħ b’urġenza biex jieħu sehem fid-dibattitu pubbliku li għaddej fis-soċjetà, dak id-dibattitu li għandu forza jifforma l-ħsieb u jagħti direzzjonijiet ġodda lis-soċjetà. Fl-impenn biex niehdu sehem f’dan id-dibattitu pubbliku, il-Kristjan irid joqgħod jishar biex ma jagħmel xejn li jista’ tiskreditah u allura iwaqqa’ l-kredibbiltà tal-proposta tiegħu – sfortunatament fostna għandna mġieba illi qed tiskreditana!. Fl-istess waqt huwa jrid joqgħod attent ukoll illi ma jiġix imrekken jew emarginat minn ħaddieħor għax hu Kristjan – għandu jgħasses biex ma jiġix eskluż minn dan id-dibattitu pubbliku.

Għadna kif smajna l-Bxara t-Tajba. X’ħin kelli d-djaknu quddiemi jitlobni l-barka ħalli jxandrilna l-Kelma, tlabt fuqu l-għajnuna ta’ Alla biex il-Kelma li xandrilna tagħmel sens billi timliena b’kuraġġ ħalli nkunu nistgħu nwettqu din il-missjoni urġenti. Kristu fl-Evanġelju qalilna li “min jistħi minni jew mill-Kelma tiegħi, jiena nistħi nistqarru quddiem il-Missier u quddiem l-anġli fil-glorja”. Din hija l-Kelma illi waslitilna llum, festa ta’ San Ġorġ Martri. Aħna qegħdin nagħmlu dawn iċ-ċelebrazzjonijiet solenni f’ġieħ il-martri San Ġorġ għax lil dan il-Kristjan minn Lidda nista’ nippreżentahulkom bħala dak illi ħa sehem attiv fid-dibattitu politiku, soċjali, pubbliku ta’ żmienu. San  Ġorġ ma staħax jistqarr il-konvinzjonijiet Kristjani tiegħu, ma laqlaqx meta tkellem f’isem Kristu; ma beżax jiġi mrekken, emarġinat, saħansitra jirċievi l-martirju biex jagħti xhieda.

Emarġinazzjoni tar-reliġjon mill-ħajja pubblika

Ewsebju ta’ Ċesarija, meta jirrakkuntalna l-istorja tal-martri tal-Kappadoċja jgħidilna illi Djoklezjanu ħareġ tliet editti illi jien nixtieq ninterpretahom fil-kwadru ta’ dan li qed ngħidilkom; tliet ligijiet li meta qattagħhom, San Ġorġ għamel azzjoni biex juri li huwa jiddiżapprova din il-pożizzjoni. Proprju għax għamel dan l-intervent pubbliku, għax ta din ix-xhieda, hu jirċievi l-martirju. X’kienu dawn it-tliet editti?

Fl-ewwel wiehed Djoklezjanu ordna illi l-Kristjan, proprju għax hu Kristjan, jiġi eskluż mill-uffiċċji pubbliċi. Fi kliem ieħor, l-Imperatur ma riedx lill-Insara jieħdu sehem attiv fil-ħajja pubblika u warrabhom mill-uffiċċji pubbliċi biex ixejjen l-influwenza tagħhom.

Kellu digriet ieħor illi bih jarresta s-saċerdoti. Jien ninterpreta dak id-digriet bħala deċiżjoni tal-Imperatur biex jagħlaq il-fomm tal-Knisja għax kienet vuċi skomda fis-soċjetà! Dan id-digriet jirrifletti deċiżjoni li tipprojbixxi l-kult. Issa l-kult għandu tifsira mhux biss għax permezz tiegħu l-bniedem jagħti glorja lil Alla kif jistħoqqlu, imma għaliex għalina huwa mument ta’ mistagoġija – il-liturġija tintroduċina fil-misteru ta’ Alla, fl-iskola ta’ Alla. Djoklezjanu ma riedx li l-bniedem jitkisser fil-Kelma t’Alla li hija għajn tas-sewwa u forġa tal-ħażen.

Bit-tielet editt, l-Imperatur ried li l-Kristjani jaħarqu l-inċens quddiem l-idoli tal-imperu. Dan kien tentattiv ħalli Djoklezjanu jibdel il-viżjoni tal-Kristjani billi jisfurzahom iwarrbu ħarsithom minn fuq Ġesù Kristu, il-ġebla tax-xewka tagħna, idgħajjef il-kuxjenza tagħhom u jwaqqahhom fir-relativiżmu.

Illum m’għandniex dawn l-editti formali illi kellu jaffronta b’kuraġġ San Ġorġ; imma l-ispirtu ta’ dawn l-editti qiegħed fis-soċjetà lajċista tagħna. Lil San Ġorġ tawh il-martirju biex taparsi jeliminaw lilu u ’l-martri l-oħra ta’ dak iż-żmien. Imma rriżulta illi dik it-tindifa li għamel Djoklizjanu ma ssarfitx fil-qerda tal-martri, imma f’awtodistruzzjoni tal-imperu nnifsu. Għax min jipprova jelimina l-fenomenu reliġjuż mill-kamp soċjali jkun qiegħed jagħmel għażla li twasslu għall-qerda tiegħu nnifsu

Peress illi t-tagħrif dwar il-martri San Ġorġ huwa limitat, nirriferikom għal djalogu li għalkemm seħħ fis-seklu IV, nistgħu ngħidu li kellu l-bidu tiegħu fl-epoka ta’ San  Ġorġ. Huwa d-djalogu li seħħ bejn Sant’Ambroġ, isqof ta’ Milan, u ċertu Simmaku, li kien il-portavuċi tas-Senaturi ta’ Ruma. Dan Simmaku jappella lill-Imperatur Valentinjanu II ħalli fil-kurja fejn jiltaqgħu s-senaturi jerġa’ jirrestawra altar iddedikat lil alla Vittorja, bil-prerogattivi kollha li kienet iġġib din l-alla. Din id-divinità kienet espressjoni ta’ dik li kienet tissejjaħ “religio civilis”, ir-reliġjon Rumana.

Din ir-reliġjon nista’ niġborha fi tliet kapitli: kien hemm ħafna mitoloġija, u hemmhekk kienu jogħxew il-poeti; kien hemm kult tan-natura, li kien il-kamp tal-filosofi; imma mbagħad kien hemm ukoll il-politika, li kienet il-qasam okkupat minn dawk li jiggvernaw, fosthom is-senaturi. Dan nafuh minn passaġġ f’De Civitate Dei ta’ Sant’Wistin. L-Imperu Ruman kien jemmen ħafna illi s-sopravvivenza tiegħu bħala imperu kienet tiddipendi minn din ir-“religio” Rumana. Il-qawwa politika kienet marbuta mal-kult pubbliku illi ċ-ċittadini kienu obbligati joffru lill-allat tagħhom, dawk l-allat illi kellhom imbagħad l-inkarnazzjoni u l-personifikazzjoni tagħhom fl-imperatur. L-imperatur kien alla ieħor – kien jifforma parti minn din ir-reliġjon Rumana.

Dak iż-żmien kien hemm ukoll ir-reliġjon Kristjana, li kienet tissejjaħ “religio illicita”, mhux għaliex il-Kristjani kienu jagħmlu xi ħaġa li tmur kontra l-public policy tas-soċjetà, imma għaliex il-Kristjani kienu obbligati – kif jindika t-tielet editt ta’ Djoklezjanu, u li mbagħad ikkumbattieh San Ġorġ tagħna – joffru kult pubbliku lill-allat, filwaqt illi l-istess reliġjon Kristjana kienet limitata għall-isfera privata, fis-sens li kienet meqjusa bħala xi ħaġa personali għax hija espressjoni ta’ twemmin illi ma joħroġx ’il barra mill-erba’ ħitan tad-dar.

Anki fi żminijietna jseħħ dan kollu. M’iniex ngħid illi llum għandna l-iStat illi jimponi fuqna xi reliġjon jew jimmaġina li huwa l-inkarnazzjoni ta’ xi divinità, imma huwa fatt li fis-soċjetà tagħna hemm tendenzi fejn ir-reliġjon Kristjana qed tiġi mrekkna. Hemm min jixtieq li r-reliġjon ta’ Kristu kif mistqarra mid-dixxipli tiegħu tiġi privatizzata. Hemm min irid illi l-Kristjan, għax hu Kristjan, ikun eskluż mid-dibattitu pubbliku. Dan huwa perikoluż ħafna. Mhux biss għaliex huwa ksur tad-dritt għal-libertà religjuza, imma wkoll għax huwa indirizz li jġib dikotomija bejn dik li hija l-ħajja ta’ kuljum u t-twemmin. Kif għidt aktar ’il fuq, jgħarralu min jaħseb illi jista’ jemarġina jew jeskludi l-fenomenu reliġjuż, għaliex dan ikun qiegħed iġib il-kundanna tiegħu nnifsu.

Il-kontribut partikulari tal-Kristjani f’soċjetà pluralista

Il-Kristjan irid jieħu sehem fil-ħajja attiva tas-soċjetà li minnha jagħmel parti, mhux b’kapriċċ imma bi dmir. Aħna nemmnu illi fil-Bxara t-Tajba għandna veritajiet u valuri illi jistgħu jgħinu lill-bniedem jilħaq id-dinjità umana tiegħu. Ir-rwol politiku ta’ l-istat huwa li jiggarantixxi li jkun hemm ordni soċjali ġust. Santu Wistin fid-De Civitate Dei jgħallem li dak l-istat li ma jkunx immexxi skond il-gustizzja, jkun ċorma kbira ta’ ħallelin [magna latrocinia]. Biex jagħmel ġustizzja, l-istat għandu r-raġuni. Imma kif tixhdilna l-esperjenza, ir-raġuni umana ħafna drabi hija etikament għamja. Ir-raġuni umana għandha potenzjal enormi, imma għandha wkoll il-possibiltà illi tiżbalja Hawnhekk jiltaqgħu l-politika u l-fidi. Kif osserva l-Papa Benedittu XVI fid-diskors li għamel f’Ratisbona sentejn ilu, ir-raġuni li hija truxa għad-divin u tikkunsidra r-religjon bħala sottokultura, mhix kapaċi żżomm djalogu mal-kultura ta’ żmienna.

M’aħniex ngħidu illi huwa l-Kristjan li għandu jagħmel il-ħajja ta’ l-istat. Fil-fatt il-Papa Benedittu fl-enċiklika Deus caritas est, jitkellem ċar u tond fin-numri 26 u 28 fuq x’għandha tkun ir-relazzjoni bejn il-komunità politika u l-komunità ekkleżjali. Huwa jtenni tagħlim illi waslilna mill-Konċilju Vatikan II, li jitkellem fuq is-separazzjoni u l-awtonomija bejn dawn iż-żewġ realtajiet, dik poltika u dik ekkleżjali. Imma proprju biex ngħinu lis-soċjetà, billi nikkontribwixxu ħalli s-soċjetà tagħna ma tiżbaljax fl-għażliet, fid-direzzjoni, fid-deċiżjonijiet li jsiru, aħna noffru l-kooperazzjoni tagħna billi nipproponu t-tagħlim tal-fidi tagħna. Dan it-tagħlim tal-fidi jikkonsolida u jikkonferma tagħlim illi l-bniedem kapaċi jasal għalih bir-raġuni.

Dwar liema argumenti nistgħu nikkontribwixxu? L-argument favur il-ħajja: il-ħajja li għandha tiġi rrispettata sa mill-bidunett tat-tnissil tagħha. Nistgħu nikkontribwixxu biex ikun hemm difiża ta’ min m’għandux saħħa jiddifendi lilu nnifsu, ibda mill-embrijun uman u spiċċa fil-bniedem anzjan illi forsi llum m’għandux il-fakultajiet illi jiddeċiedi għalih innifsu. Nistgħu nitkellmu meta ssir diskussjoni fuq il-familja ili għandha l-pedament tagħha fuq żwieġ monogamiku u indissolubli. Nistgħu nikkontribwixxu meta nitkellmu fuq id-drittijiet tal-familja, speċjalment id-dritt tal-ġenituri fl-edukazzjoni ta’ wliedhom. Nistgħu noffru dawl meta nitkellmu kontra forom ġodda ta’ skjavitù, bħalma hija d-droga, bħalma hu l-alkoħoliżmu, bħalma hi l-pornografija u l-prostituzzjoni organizzata. Nistgħu nieħdu sehem f’diskussjonijiet dwar l-ambjent, l-ekonomija u dak kollu li għandu x’jaqsam mal-ħajja umana.

Imma rridu noqogħdu attenti, niftħu għajnejna u nfittxu dak il-lingwaġġ li tkellimt fuqu fil-bidu, għaliex ġieli jinstemgħu vuċijiet illi jgħidulna: “Silete Catholici in re aliena” – “għalqu ħalqkom, Kattoliċi, f’affarijiet li m’għandkomx dritt titkellmu fuqhom”.

Konvint li din it-twissija lajċista, f’isem il-lajċità ta’ l-istat, f’isem in-noninġerenza tat-twemmin, semagħha wkoll San Ġorġ tagħna. Imma San Ġorġ ma beżax jagħti xhieda, u jgħidilhom dak li hemm fil-Vanġelu: “Agħtu ’l Ċesri dak li hu ta’ Ċesri, imma agħtu lil Alla dak li hu ta’ Alla”. Jekk hemm xi materja illi bħala poplu Kristjan m’għandniex kelma dwarha, xorta jrid ikollna d-dritt illi nsemmgħu l-vuċi tagħna biex talinqas ngħidu: “Fuq din il-materja m’għandniex pożizzjoni”. Imma mhux niġu esklużi a priori għas-sempliċi fatt li aħna dixxipli ta’ Kristu, bħalma kien dixxiplu San Ġorġ. Ħafna drabi meta jigi impost is-silenzju, hija forma oħra ta’ vjolenza kif huwa vjolenti l-martirju.

Soċjetà pluralista għandha bżonn il-kontribut tal-Kristjani

F’Mejju li għadda ħadt sehem fl-Assemblea Ġenerali tal-Konferenza Episkopali Taljana. Mort nirrappreżenta l-Konferenza Episkopali tagħna. Il-kardinal Bagnasco, li huwa l-president attwali tal-Konferenza Episkopali Taljana, għamel diskors fejn fost ħwejjeġ oħra qal li l-istat qatt ma jista’ jinnewtralizza r-religjon. Ir-religjon għandha dritt li flimkien ma’ skejjel filosofiċi oħra li hemm fis-soċjetà pluralistika tagħti s-sehem tagħha fl-argumentazzjoni pubblika. Ma tkunx theddida għal-lajċità tal-istat jekk wieħed jesprimi t-twemmin tiegħu. Lanqas jekk wieħed ikollu l-Evanġelju f’idejh u jieħu sehem fid-dibattitu pubbliku jew jikkontribwixxi fit-tiswir ta’ l-orjentamenti politiċi u leġislattivi tal-pajjiż. M’hemm xejn ħażin li jkollna stat lajk. Huwa l-lajċiżmu tal-istat li jħassibna.

Meta l-Papa mar fil-Ġnus Magħquda f’April li għadda wkoll ħass il-bżonn li jitkellem fuq dan l-argument li qed nirriflettu dwaru. Il-Papa jgħid li huwa inkonċepibbli li biex l-Insara jkunu ċittadini attivi huma jkollhom jissoprimu l-fidi li hija parti minnhom infushom. Ma tista’ tobbliga lil ħadd jiċħad lil Alla biex imbagħad ikun jista’ jgawdi d-drittijiet proprji tiegħu jew tagħha. Ma tistax teskludi lil persuna għax hija Nisranija milli tieħu sehem fil-binja tal-ordni soċjali.

Dan kollu nħoss illi ddefendieh San Ġorġ meta ħadha kontra dak l-editt fejn Djoklezjanu pprojbixxa li l-Kristjani jkollhom uffiċċju pubbliku, meta Djoklezjanu ried li l-Kristjani jaħarqu l-inċens quddiem l-allat tar-reliġjon Rumana. Illum li qegħdin nagħmlu din il-festa, sinċerament nixtieqha tkun festa illi tixprunana biex nagħtu kontribut għall-bini tas-soċjetà tagħna; u meta qed ngħid “lilna”, mhux lil din l-assemblea liturgika biss qed ngħid, imma lill-poplu ta’ Alla f’Għawdex.

50 Sena Bażilika

Din is-sena din il-komunità parrokkjali qed tiċċelebra l-ħamsin sena minn meta din il-knisja kisbet it-titlu – li jagħmel sens – ta’ bażilika. Fl-istorja tal-Knisja, l-ewwel bażilika nbniet wara li Kostantinu ħareġ l-editt li jirrikonoxxi d-dritt tal-libertà reliġjuża, u għalhekk il-kult Nisrani ma baqx aktar “privat” imma kellu rikonoxximent pubbliku. Dan hu li nitlobkom meta qegħdin nikkommemoraw din il-ġrajja. Ftakru li l-bażilika hija l-għamara ta’ dak li jissejjaħ “Basileus” (Mexxej, Sultan), li huwa Kristu; Kristu, it-Triq tal-bniedem tal-bieraħ, tal-lum u ta’ għada. Imma l-bażilika hija wkoll il-post fejn jinġema’ l-poplu ta’ Alla ħalli jiċċelebra l-kult u jħalli lill-Imgħallem isawru, biex imbagħad ikun kapaċi jagħti kontribut bis-sens lis-soċjetà tal-lum.

Missjoni Djoċesana

Nixtieq illi fis-sena li ġejja, jiġifieri minn Ottubru li ġej, meta fid-djoċesi tagħna sejrin norganizzaw Missjoni Djoċesana – u nappella lil kulħadd biex jikkopera ħalli din tkun mument ta’ grazzja – jalla din il-bażilika, bħall-knejjes l-oħra fid-djoċesi, tkun ċentru ta’ diffużjoni tat-tagħlim ta’ Kristu, anki fl-arena lajka fejn issir id-diskussjoni pubblika ta’ pajjiżna. Nixtieq illi din il-Missjoni tkun sejħa biex il-mondanità tagħmel ftit ta’ awtokritika u tara fejn hi sejra. Imma nixtieq ukoll li l-Missjoni tkun sejħa ħalli l-Knisja tagħmel ukoll awtokritika, u naraw jekk aħniex mexjin dejjem f’direzzjoni tajba, jekk aħniex nimbuttaw dak li għandu jiġi mbuttat, jekk aħniex mexjin lejn il-maturità Kristjana.

Din hija t-talba li dalgħodu jiena nagħmel minn qalbi lil San Ġorġ, ħalli jkun hu l-għelm tagħna, mhux biss biex bħalu nkunu konvinti mill-vokazzjoni tagħna, mill-identità tagħna u mill-missjoni tagħna fid-dinja tal-lum, imma ħalli ma jonqosniex il-kuraġġ biex jekk hemm bżonn illi nippronunzjaw irwieħna, illi nieħdu pożizzjoni, illi jittieħdu deċiżjonijiet evanġeliċi, dan nagħmluh bħalma għamilhom San Ġorġ, anki jekk quddiemna naraw it-theddida tal-martirju. Aħna nemmnu illi l-martirju mhux l-aħħar kelma. L-aħħar kelma hija r-Riżurrezzjoni, il-Qawmien ta’ Kristu, ir-rebħa ta’ Kristu fuq il-mewt u fuq il-ħażen. Kristu lilna jipparteċipana f’dan kollu!

DOMINE DIRIGE NOS
Omelija waqt konċelebrazzjoni fl-okkażjoni ta’ “Jum il-Pulizija”
Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija, Furjana, 11 ta’ Lulju 2008

DOMINE DIRIGE NOS

Omelija ta’ l-Isqof Mario Grech waqt konċelebrazzjoni fl-okkażjoni ta’ “Jum il-Pulizija” – Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija, Furjana, 11 ta’ Lulju 2008.

Kristu r-ragħaj it-tajjeb

Darba Ġesù ġietu ħasra mill-folla għax kienu qishom “nagħaġ bla ragħaj” (Mt 9,36). Dalgħodu meta qed niċċelebraw il-Police Day, inħoss li qed nitkellem ma’ ġemgħa liturġika li tifhem sewwa xi jfisser dan is-sentiment ta’ Ġesù, għax bħala pulizija, il-vokazzjoni tagħkom u ħidmitkom ipoġġukom f’sitwazzjonijiet fejn malajr tindunaw kemm fi żminijietna s-soċjetà tagħna qed titlef id-direzzjoni għax l-għanijiet fundamentali tagħha huma mċajprin. Għalhekk jgħodd għalina dak li qal Kristu: aħna sirna nagħaġ mingħajr ragħaj.

Continue reading >>

SINJAL LI JMERUH
Omelija ta’ Mons Isqof Mario Grech fl-okkażjoni tal-festa tal-Madonna tas-Sokkors, Kerċem
il-Ħadd 13 ta’ Lulju 2008

SINJAL LI JMERUH

Omelija ta’ Mons Isqof Mario Grech fil-quddiesa pontifikali fl-okkażjoni tal-festa tal-Madonna tas-Sokkors, Kerċem, il-Ħadd 13 ta’ Lulju 2008.

Meta l-melħ jaqta’ ma jkun jiswa għal xejn ħlief biex jintrema; meta jgħaddi ż-żmien minn fuq il-ħmira, din ma tibqax tajba biex tgħolli l-għaġna. Dan kollu nistgħu napplikawh biex neżaminaw id-dinamiċità tagħna l-Kattoliċi.

Continue reading >>

NERFAGĦKOM MILL-GĦAJB TAGĦKOM!
Omelija ta’ Mons Isqof Mario Grech fil-Pontifikal tal-Festa taż-Żjara tal-Madonna lil Santa Eliżabetta – Parroċċa Għarb - il-Ħadd 6 ta’ Lulju 2008.

Omelija ta’ Mons Isqof Mario Grech fil-Pontifikal tal-Festa taż-Żjara tal-Madonna lil Santa Eliżabetta – Parroċċa Għarb - il-Ħadd 6 ta’ Lulju 2008.

Liema huma l-prijoritajiet tal-Knisja f’Għawdex illum?

Darba l-Knisja Ortodossa għamlet sinodu ta’ l-isqfijiet u l-presbiteri. Dawn ma setgħux jikkonkludu għaliex ma setgħux jiftehmu dwar x’kulur kellhom jilbsu u x’kappell kellhom jużaw waqt il-funzjonijiet liturġiċi. Imbagħad daħal xi ħadd minn barra u qalilhom li waqt li huma kienu qed jintilfu f’affarijiet bla sens, “hemm barra” kienet faqqgħet rivoluzzjoni, imma huma ma ntebħux biha!

Continue reading >>