NERFAGĦKOM MILL-GĦAJB TAGĦKOM!
Omelija ta’ Mons Isqof Mario Grech fil-Pontifikal tal-Festa taż-Żjara tal-Madonna lil Santa Eliżabetta – Parroċċa Għarb - il-Ħadd 6 ta’ Lulju 2008.

Omelija ta’ Mons Isqof Mario Grech fil-Pontifikal tal-Festa taż-Żjara tal-Madonna lil Santa Eliżabetta – Parroċċa Għarb - il-Ħadd 6 ta’ Lulju 2008.

Liema huma l-prijoritajiet tal-Knisja f’Għawdex illum?

Darba l-Knisja Ortodossa għamlet sinodu ta’ l-isqfijiet u l-presbiteri. Dawn ma setgħux jikkonkludu għaliex ma setgħux jiftehmu dwar x’kulur kellhom jilbsu u x’kappell kellhom jużaw waqt il-funzjonijiet liturġiċi. Imbagħad daħal xi ħadd minn barra u qalilhom li waqt li huma kienu qed jintilfu f’affarijiet bla sens, “hemm barra” kienet faqqgħet rivoluzzjoni, imma huma ma ntebħux biha!


Jien konvint li din l-istorja nistgħu napplikawha għalina llum. Qegħdin ngħixu fi żmien meta għadna niddiskutu u noħolqu kunflitti dwar titli ekkleżjastiċi, u waqt li qed naħlu l-ħin ta’ min irid japplikah fil-pastorali, fostna għaddejja rivoluzzjoni. Għandna responsabiltà kbira quddiem Alla dwar xi tweġiba aħna bħala Knisja ser nagħtu lil Alla u lill-bniedem. Għad jgħaddi ż-żmien u l-bniedem lilna jinterrogana u jistaqsina x’għamilna f’dan iż-żmien.

“Hemm barra” għaddejja rivoluzzjoni kulturali kbira! Minhix ċert jekk fil-Knisja aħniex konxji mir-riħ tal-bidla li qed jonfoħ fis-soċjetà tagħna. Hemm ħafna dwal, però hemm ukoll id-dellijiet; hemm affarijiet sbieħ, imma hemm ukoll affarijiet koroh. Ma rridx inkun profeta tad-dlam, imma nitlob lill-Mulej jgħin lili u lill-Knisja biex ikollna ftit mill-ispirtu profetiku li jgħinna naqraw u ninterpretaw ir-realtà. Dan qed ngħidu mhux għax qalbi maqtugħa, imma għaliex nistgħu naġixxu issa biex id-dwal jitfu d-dellijiet, biex id-dawl ikeċċi d-dlamijiet. Altrimenti għajb kbir jaqa’ fuq kull wieħed u waħda minnha, fuq is-soċjetà u fuq il-Knisja. Se nsemmilkom ftit minn dawn id-dellijiet.

Alla qed jingħata l-ġenb

Alla qed jingħata l-genb kemm fil-ħajja privata kif ukoll f’dik pubblika. Biex nikkonferma dan, nagħmel domanda prattika: kemm għandna ħin għal Alla? Iċ-ċensiment tal-quddies ta’ sentejn ilu juri li hemm persentaġġ mhux żgħir minn ħutna li jidhrilhom li jistgħu jgħaddu mingħajr il-laqgħa tagħhom ma’ Kristu fil-jum tal-Ħadd. Mhix indikattiva din tar-rivoluzzjoni li qed tiġri fostna?

Fl-Ewropa lil Alla qed iwarrbuh, u aħna m’aħniex aħjar minn ħaddieħor; anzi, xi drabi nikkuppjaw lil ħaddieħor b’detriment għalina. Din il-ġimgħa bqajt sorpriż meta wieħed responsabbli mill-edukazzjoni ta’ wliedna qalli li tneħħa l-kurċifiss minn xi klassijiet f’xi skejjel ta’ pajjiżna għas-sempliċi raġuni li jkun hemm xi ħadd li joġġezzjona kontra tiegħu.

Diżordni fil-kamp ta’ l-etika u l-morali

Għajb kbir ieħor li qed jaqa’ fuqna huwa d-diżordni fil-kamp ta’ l-etika u l-morali. Donnu llum aħna ħadna l-liċenzja li niddeterminaw x’inhu it-tajjeb u l-ħażin. Aħna sirna l-għajn tas-sewwa. Sirna konvinti li nistgħu ngħaddu mingħajr ordni morali oġġettiv. Qegħdin ngħixu relattiviżmu esaġerat. Nagħti eżempju prattiku. Tgħidux li l-Isqof tagħkom huwa moħħu magħluq! Ma tindunawx bil-livell baxx f’dik li hija diċenza fl-ilbies? Mhux dak kollu li huwa moda huwa tajjeb. Għandna jew m’għandniex ċerti valuri u virtujiet li jmexxuna fl-għażliet tagħna? Qed insemmi punti li jekk tmorru d-dar tagħkom tmissuhom b’idejkom.

Meta jiddgħajjef il-valur tal-ħajja

Kull ma jmur il-valur tal-ħajja qed isir dgħajjef. Ħadt ġost li f’dawn il-ġranet wieħed mill-partiti politiċi ewlenini tagħna ħa pożizzjoni f’fora internazzjonali kontra l-abort. Għalkemm f’pajjiżna m’għandniex liġi li tippermetti l-abort, però qed tinbena kultura kontra l-ħajja. Dan l-aħħar intqal li f’pajjiżna iktar minn ħamsa u għoxrin fil-mija tat-tfal qed jitwieldu minn single parent. Xahar ilu qrajt statistika li nħadmet ma’ l-adollexxenti u ż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin. Il-livell ta’ mġieba permissiva u ta’ promiskwità li joħroġ minn dan il-kwadru hija allarmanti. Hemm min stqarr li kellu esperjenza intima f’età ta’ erbatax-il sena! Dawn it-tfal qegħdin jilagħbu man-nar! F’rapporti li dehru fil-midja, persentaġġ mhux żgħir minn dawn juri dispjaċir għal dak li għamel u jistqarr li kien sfurzat. Quddiem dawn it-trends negativi li għaddejjin hemm barra, nistgħu aħna nibqgħu hekk passivi?

Fil-kuntest tar-rispett lejn il-ħajja, niġbed l-attenzjoni dwar il-fenomenu tad-droga li qiegħed wara l-għatba! Dan il-fenomenu omiċidjali lili jħassibni bil-kbir, u gwaj jekk min huwa responsabbli ma jħossux daqstant ieħor allarmat li jwettaq dmiru, li ġej mhux biss minn Alla imma mill-Kostituzzjoni tal-pajjiż. Il-fenomenu tad-droga qiegħed jgħidilna li mhux biss għandna adulti bla kuxjenza li qed jabbużaw mill-flus u wisq aktar agħar mill-ħajja ta’ ħaddiehor, imma li għandna żgħażagħ u tfal li m’humiex kuntenti bil-ħajja, u għalhekk jaqgħu għal dan il-vizzju. Dawn qegħdin fil-familji tagħna. Jien ma nikkundanahomx għaliex jirrikorru għad-droga; nikkundanna lil min imexxi d-droga. Jien niddenunzja lil min imexxi d-droga! Quddiem dawk li huma vittmi nistaqsi: x’responsabiltà għandna biex waqqajnihom f’dan il-għajb?

Il-periklu ta’ soċjetà bla futur

Jiena u nirrifletti fuq il-ġrajja tal-Viżitazzjoni ltqajt ma’ sentenza fil-Vanġelu ta’ San Luqa li laqtitni: Eliżabetta tgħid li “l-Mulej għoġbu jneħħi minn fuqi l-għajb li kelli quddiem in-nies” (Lq 1,25). Dan ifisser li meta Marija marret fid-dar ta’ Eliżabetta u Żakkarija, f’għajnejn in-nies f’dik id-dar kien hemm l-għajb u d-diżgrazzja. Peress li Eliżabetta kienet sterili u ma kellhiex tfal, ħafna kienu jħarsu lejha bħala mara diżgrazzjata.

Mhux Eliżabetta biss imma ukoll Żakkarija kien meqjus bniedem fl-għajb. Għaliex meta Żakkarija kien fit-Tempju u dehrlu l-anġlu u kkomunikalu li martu kien se jkollha tarbija, Żakkarija ma emminx, u staqsa: “Imma kif ikun dan ladarba jiena u ragel xiħ u marti mdaħħla fiż-żmien?” (Lq 1,18); u l-anġlu wieġbu: “talli int ma emmintx kliemi li għad iseħħ meta jasal il-waqt, ara, int tibqa’ mbikkem u ma tkunx tista’ titkellem sa dak inhar li jiġri kull ma ħabbartlek” (Lq 1,20). Din il-muta ta’ Żakkarija hija ukoll sinjal ta’ dak l-għajb li kien hemm fid-dar tagħhom!

Imma l-għajb il-kbir fid-dar ta’ Eliżabetta kien li hija u żewġha ma kellhomx futur! Għax l-isterilità hekk timplika: li koppja ma jkolliex futur. Għall-miżżewġin l-ulied huma konferma li hemm futur għalihom u għas-soċjetà. X’futur għandha s-soċjeta tagħna fid-dawl ta’ l-għajb li tkellimt minnu aktar ’il fuq? Għandna nippreokkupaw ruħna mhux biss bil-futur ekonomiku ta’ pajjiżna, imma mill-futur tal-bniedem!

Soċjetà mingħajr Alla hi soċjetà sterili

L-isterilità għandha wkoll interpretazzjoni spiritwali. Lill-profeta Ġeremija Alla jgħidlu: “Inti tiżżewwiġx u ma jkollokx la subjien u anqas bniet f’dan il-pajjiż” (Ġer 16,2). Dan sabiex l-isterilità ta’ Ġeremija tkun “sinjal” ħalli juri lil Ġerusalemm li la darba tbegħdet minn Alla u nxteħtet tadura allat oħra u warrbet il-liġi ta’ Alla, hija saret sterili u hekk tbattlet mill-ħajja.

Eliżabetta ma tirrapreżentax biss lilha nfisha, imma tirrappreżanta wkoll “il-poplu ta’ Alla”; għalhekk l-għajb li kien hemm fuq Eliżabetta huwa għajb li kien hemm fuq il-poplu ta’ Alla, li minħabba l-adulterju spiritwali tiegħu nixef spiritwalment, sar art battala u tilef il-ħila produttiva tiegħu. Dak li seħħ lil Elizabetta u lill-poplu Lhudi, iseħħ ukoll lill-poplu t’Alla llum!

Kien għalhekk li llum ħassejt li għandi nitkellem magħkom mhux biss dwar l-għajb ta’ Eliżabetta, imma dwar x’ser nagħmlu aħna quddiem din is-sitwazzjoni. Xi drabi aħna ttentati nirraġunaw li quddiem sitwazzjonijiet fejn nilmħu l-għajb – fejn hemm l-ikrah, id-dell, in-nixfa – aħna nitbiegħdu minnu u niżviluppaw fina attitudni jekk mhux ta’ kundanna, ta’ indifferenza! Spiss jigri li f’kuntest umanament u spiritwalment diffiċli, aħna nagħlqu għajnejna u fommna, u għax nibżgħu li niċċappsu jew iċappsuna nippreferu nibqgħu passivi u nħallu d-dnub joktor u l-midneb ikompli jogħdos fil-għajb.

Kristu ħellies ineħħi l-“għajb” tal-bniedem

Imma l-ġrajja tal-Viżitazzjoni tixhdilna li Marija mhux hekk għamlet! Marija titlaq minn Nazaret u tmur fid-dar ta’ Eliżabetta u Żakkarija li huma mċapssin bl-għajb. Marija tmur għandhom b’għan preċiż: biex twasslilhom lil Kristu l-Feddej li bil-qawwa redentiva tiegħu jgħinhom jeħilsu minn dak id-dell. Hekk jgħanni Żakkarija: “Alla tagħna li mill-għoli jiġi jżurna bħax-xemx tielgħa u jagħti d-dawl lil min jinsab fid-dlamijiet u d-dell tal-mewt” (Lq 1,78-9).

Mhux hekk biss! Imma l-preżenza ta’ Marija fid-dar ta’ Eliżabetta tistimola lil Eliżabetta ħalli tagħraf il-preżenza ta’ l-Ispirtu ta’ Alla fiha u tinfexx f’għanja ta’ tifħir lil Alla għal dak li għamel mal-bniedem permezz ta’ Marija. Fid-dar ta’ Eliżabetta, il-preżenza ta’ Marija tistimola lil Ġwanni l-Battista – li kien fi ħdan Eliżabetta – ħalli jaqbeż bil-ferħ u jgħaġġel jitwieled biex ikun il-prekursur tal-Mulej li jħejji t-triq biex ilaqqa’ lill-bniedem ma’ Kristu: “hu jgħarraf lill-poplu tiegħu bis-salvazzjoni permezz tal-maħfra tad-dnubiet mogħtija mill-qalb ħanina t’Alla” (Lq 1,77).

Jien m’iniex qalbi maqtugħa minħabba l-għajb li hemm fuqna; imma nħossni mħeġġeġ u rrid inħeġġeġ lilkom biex fis-soċjetà ta’ madwarna ma nkunux dawk li neskludu lil min hu fil-għajb, jew li nibqgħu indifferenti quddiem sitwazzjonijiet gravi, imma bħal Marija noħorġu minn djarna u mill-“knejjes” tagħna, nimxu fit-toroq imħarbtin u perikolużi tal-hajja, nidħlu f’dawn ir-realtajiet li fuqkom waqa’ l-għajb, u ngħinu lill-bniedem jinħeles mill-hemm li jinsab fih. Huwa meħtieġ li nkunu aħna li nistimolaw lill-bniedem tal-lum li tilef it-tama fih nnifsu u sar sterili, biex jerġa’ jiskopri x’potenzjal hemm fih billi bħal Eliżabetta jagħraf li hemm fih l-Ispirtu s-Santu li jimlieh u jimbuttah bil-qawwa tiegħu biex jegħleb kull forma ta’ għajb li jista’ jinsab fih; bħal Eliżabetta, jerġa’ jiskopri l-qawwa vitali li hemm fih.

Missjoni Djoċesana fis-Sena Pawlina

Il-ġimgħa l-oħra fil-ftuħ tas-Sena Pawlina, ħabbart li f’Ottubru li ġej fid-djoċesi ser nibdew Missjoni Djoċesana. L-għan li rridu nilħqu huwa dak li ktibnilkom dwaru jien u l-Arċisqof fil-pastorali tal-Ħadd li għadda: nixtieq li nagħmlu proposta mill-ġdid tal-Bxara t-Tajba biex is-soċjetà tagħna terġa’ tiltaqa’ ma’ Kristu. Inħossu l-bżonn li jkun hemm evanġelizzazzjoni ġdida, proposta mill-ġdid tal-fidi, ta’ edukazzjoni soda fil-fidi li tagħmilna tassew insara adulti. Nixtieq li l-laqgħa tagħna ma’ Kristu f’din il-Missjoni tkun tixbaħ dik l-istess esperjenza ta’ dawl li kellu Pawlu: esperjenza li turina mhux biss il-ġmiel ta’ Kristu, imma ġġibna wkoll wiċċ imb’wiċċ ma’ l-għajb li jaħkem il-qalb tagħna.

F’dan il-mument partikulari tal-komunità tagħkom, nagħmlilkom appell biex meta fil-ġimgħat li ġejjin insejħulkom ħalli tgħinuna nagħmlu din il-Missjoni, intom tikkoperaw magħna, biex bħal Marija nimtlew bi Kristu u hekk insibu l-qawwa biex inwassluh lill-oħrajn, speċjalment lil dawk li għandhom l-għajb fuqhom. Jekk hemm barra fit-toroq tagħna għaddejja rivoluzzjoni, jekk barra hemm ir-riħ tal-bidla, aħna għandna l-Ispirtu Santu li huwa iktar qawwi – dak l-Ispirtu li jnaddaf u jqaddes. Ejjew flimkien nemmnu u naħdmu ħalli jitwettaq dak li qal Alla permezz tal-Profeta Sofonija: “Il-ħsara nwarrab minnek biex bil-għajb tiegħek ma tibqax mgħobbija … nerfagħkom mill-miżerja tagħkom” (Sof 3,18.20).