Bi tħejjija għall-ordinazzjoni ta’ tliet djakni li ser issir fil-Katidral tad-djoċesi t’Għawdex il-Ġimgħa fis-6.00 p.m., 27 ta’ Ġunju, il-Ħamis filgħaxija Mons Isqof Mario Grech mexxa Velja ta’ talb fis-Seminarju tal-Qalb ta’ Ġesù li għaliha attendew insara minn diversi parroċċi t’Għawdex.
Fil-meditazzjoni li għamel, l-Isqof Grech ħeġġeġ lit-tliet seminaristi li ser jirċievu d-djakonat biex “jagħmlu ħbieb ma’ Alla”, għaliex is-sejħa u l-missjoni tas-saċerdot hija qabel kollox li jkun raġel ħabib t’Alla. Din il-ħbiberija m’Alla hija waħda esklussiva u dejjiema. Huwa fatt li s-soċjetà llum mhix mixtieqa jew nieqsa minn organizzaturi u operaturi soċjali, imma għandha għatx għall-bniedem t’Alla. Jekk is-saċerdot jgħix f’din ir-relazzjoni ta’ ħbiberija m’Alla jkollu aktar assigurazzjoni li jkun awtentiku f’dak li jgħid jew jagħmel. Barra minn hekk, il-ħbiberija m’Alla fi Kristu tagħti lis-saċerdot il-qawwa u l-kostanza f’dawk il-mumenti meta ħaddiehor iħallih waħdu jew meta ma jkunx mifhum. Saċerdot li jagħmel ħbieb m’Alla, jgħin lil oħrajn ikunu ħbieb t’Alla, u min huwa ħabib m’Alla jirbaħ kull xkiel li jfixklu milli jibni l-ħbiberija ma’ ħutu l-bnedmin.
It-tliet ordinandi huma Anthony Bajada, Joseph Curmi u Richard N. Farrugia, it-tlieta mill-parroċċa tax-Xagħra.