Nhar is-Sibt tiftaħ is-Sena Pawlina Fid-Djoċesi ta’ Għawdex

Poster Ftuh tas Sena Pawlina

Nhar is-Sibt 28 ta’ Ġunju 2008, lejliet is-solennita’ ta’ l-Appostli San Pietru u San Pawl, fid-Djoċesi ta’ Għawdex se jingħata bidu għas-Sena Pawlina li se tkun iċċelebrata fil-Knisja Universali, bejn id-29 ta’ Ġunju ta’ din is-sena u d-29 ta’ Ġunju 2009, biex jitfakkar għeluq l-2000 sena mit-twelid ta’ l-Appostlu Missierna San Pawl.


Iċ-ċelebrazzjoni tal-ftuħ f’Għawdex se ssir fil-Knisja ta’ San Pietru u San Pawl fin-Nadur li hija affiljata mal-Bażilika ta’ San Paolo Fuori le Mura ġewwa l-Belt ta’ Ruma, li hija mibnija fuq il-qabar ta’ l-Appostlu Pawlu.

Iċ-ċelebrazzjoni tibda fis-6.00 ta’ filgħaxija bil-wasla ta’ l-Isqof  Mons Mario Grech. Simbolikament Mons. Isqof jiftaħ il-Bieb il-Kbir tal-Bażilika bħala stedina biex kull Nisrani, jiftaħ il-bieb ta’ qalbu beraħ għal Kristu permezz tat-tagħlim ta’ l-Appostlu Pawlu.

Wara issir it-Translazzjoni bir-Relikwija ta’ l-Appostlu San Pietru u San Pawl mill-Knisja tal-Qalb ta’ Ġesu minn Mons. Isqof assisti mill-Kapitlu tal-Kattidral  , Kapitlu tal-Kolleġjata tan-nadur u rapreżentanti tal-Kolleġjati l-oħra ta’ Għawdex, Kappillani u Kleru.

Mall-wasla fil-Knisja Bażilika ta’ San Pietru u San Pawl, Mons Isqof  jagħti bidu għal-ewwel Għasar tas-Solennita Universali ta’ l-Appostli San Pietru u San Pawl u jixgħel ix-xemgħa Pawlina quddiem l-istatwa titulari simbolu tal-fidi li ġabilna Missierna San Pawl .