L-INSTABILITÀ TAL-FAMILJA
Omelija ta’ Mons Isqof Mario Grech fl-okkażjoni tal-Festa tal-125 Sena mis-Sejħa tal-Madonna lil Karmela Grima
Santwarju Madonna Ta’ Pinu - Il-Ħadd, 22 ta’ Ġunju 2008

 

L-akbar pjaga soċjali: l-instabilità tal-familja

Ma nistgħux ngħidu li s-soċjetà tagħna hija ħielsa mill-problemi u li m’għandniex diffikultajiet. Jeżistu diffikultajiet fl-ekonomija, fil-qasam tal-edukazzjoni u fil-qasam tas-saħħa. Għandna l-isfida tal-kriminalità. Hemm diversi aspetti tal-ħajja soċjali li nixtiequhom aħjar. Jien ngħid li dawn mhumiex l-agħar pjaga li għandna fis-soċjetà. Fil-fehma tiegħi d-diffikultà l-kbira hija l-instabilità tal-familja. Il-problemi l-oħra kollha nistgħu naffrontawhom jekk il-familja tagħna tibqa’ familja b’saħħitha. Ma nistgħux indaħħlu rasna fir-ramel u nħallu din il-pjaga moħbija, għaliex ilkoll kemm aħna affettwati minnha; ilkoll kemm aħna nistgħu nagħtu s-sehem tagħna biex il-pjaga tal-familja tfieq.

Din hija riżultat ta’ pjaga oħra, dik spiritwali. Forsi l-ewwel huwa meħtieġ li nfejqu din il-pjaga, li hija wkoll moħbija, biex imbagħad infejqu l-pjagi l-oħra.

Nagħmlu dak li jgħidilna Kristu biex infiequ

X’inhi l-pjaga spiritwali? Li bħall-qaddejja ta’ Kana, aħna għandna lil Kristu fostna imma għadna m’għarafniehx jew forsi m’għarafniehx biżżejjed. Tant huwa hekk li dak li qal Pawlu lill-Efesin fil-qari tal-lum inħoss li ngħidu għal ġensna: “Jiena dan ngħidilkom u nwissikom quddiem il-Mulej: li ma ġġibux iżjed ruħkom skond ma jġibu ruħhom il-pagani bil-bluha ta’ moħħhom. Il-fehma tagħhom hi mdallma, maqtugħa mill-ħajja ta’ Alla minħabba l-injoranza li għandhom u l-ebusija ta’ qalbhom.” (Ef 4,17-18) Anke hawnhekk irridu nkunu kuraġġjużi biżżejjed li nħossu fina l-pjaga tal-ġisem, mhux dak fiżiku u soċjali imma tal-ġisem mistiku li huwa l-Knisja.

Quddiem din ir-realtà u quddiem din il-pjaga moħbija nistgħu naħbtu naqtgħu qalbna. Hawnhekk nara fejn jidhol t-tieni parti tal-messaġġ ta’ Kana:  Marija preżenti f’dik il-komunità, tintervieni billi ssejjaħ lill-qaddejja u tgħidilhom: “Agħmlu dak li jgħidilkom Kristu” (ara Ġw 2,5). Hekk għamlu l-qaddejja, u l-problema u l-pjaga ġew solvuti.

Hekk ukoll tgħid Marija lil din il-komunità u lill-poplu tagħna.

Marija twassalna għand Ġesù

Indur issa fuq il-messaġġ li l-Madonna ħalliet lil Karmni Grima li jixbah ħafna lil dak li qalet lill-qaddejja f’Kana: “Ejja” f’dan is-Santwarju ħalli hawnhekk inti tiltaqa’ ma’ Kristu. U jekk temmen li Kristu huwa tassew l-Iben ta’ Alla u toqgħod għall-kelma tiegħu, Hu għandu l-qawwa li jfejjaq il-ġrieħi u l-problemi, kemm dawk ta’ natura spiritwali kif ukoll dawk ta’ natura soċjali. Irridu aħna nemmnu li l-Vanġelu huwa ħmira li tibdel mhux biss il-ħajja interjuri tagħna imma l-ħajja soċjali tagħna. Dan huwa kontribut kbir li tista’ tagħti l-Knisja, u l-kontribut li tagħti int li temmen fi Kristu.

Għalkemm din hija r-realtà tagħna llum, aħna ma naqtgħux qalbna għax mimlijin bit-tama u għaliex għandna omm li kif interveniet biex issalva lill-familja u lill-komunità ta’ Kana, hekk ukoll tagħmel magħna jekk aħna nħalluha tgħidilna dak li qalet lil Karmni Grima: “Ejja… Ejja għandi ħalli jien nwasslek għand Ġesù. Agħmel dak li jgħidlek Ġesù. Irbaħ dik l-injoranza li jitkellem dwarha San Pawl fl-ittra lill-Efesin, ħalli l-fehma tiegħek tiddawwal minn Kristu li huwa d-dawl”. Hekk il-ħajja tagħna ma tkunx maqtugħa minn Alla minħabba l-injoranza spiritwali. Ħalli l-qlub tagħna ma jkunux tant iebsa quddiem is-sejħa li qed jagħmlilna l-Mulej permezz ta’ ommu Marija!

Meta qegħdin infakkru l-mija u ħamsa u għoxrin sena minn meta bħal-lum u f’dawn il-mumenti seħħet waħda minn dawn il-komunikazzjonijiet, ejjew nitolbu lill-Verġni Marija tgħinna biex inkunu tassew Knisja Marjana. Ngħid ‘tassew’ għaliex id-devozzjoni tagħna trid tkun awtentika. Kif inkunu nafu jekk id-devozzjoni tagħna lejn Marija hijiex awtentika jew le? Jekk dan kollu lilna jwassalna għand Kristu, u jekk inħallu lilu jagħtina permezz tal-kelma tiegħu dik il-mediċina li tfejjaq il-pjagi u l-problemi kollha tagħna.