IL-PARROĊĊA GARANTI TAL-FUTUR
Omelija fil-festa tal-Madonna ta’ Fatima
Parroċċa Madonna ta’ Fatima, Gwardamangia (13 ta’ Mejju 2008)

Festa tal-Madonna ta’ Fatima, Parroċċa Madonna ta’ Fatima, Gwardamangia, Malta – it-Tlieta 13 ta’ Mejju 2008 fl-okkażjoni meta il-parroċċa tal-Kunċizzjoni (Ħamrun) u dik ta’ Gwardamangia ċċelebraw l-erbgħin sena mit-twaqqif tagħhom bħala parroċċi.
X’futur għandhom it-tfal tagħna?

Il-futur li kellhom it-tfal ta’ Fatima, Giacinta, Luċija u Francesco kien futur imċajpar għaliex kienu qegħdin jgħixu fi żmien meta s-soċjetà kienet qed tagħmel ċerti għażliet. Kien hemm ir-riħ li ġej minn fuq ir-Russja: il-Komuniżmu u l-Ateiżmu. Fil-Polonja kien hemm mewġa qawwija ta’ mażunerija u mewġa antiklerikali, u forsi dawn iċ-ċirkustanzi kienu l-okkażżjoni biex il-Verġni Marija tafdalhom din il-viżjoni u dan il-messaġġ.

Illum uliedna x’futur għandhom f’pajjiżna u fl-Ewropa, li donnha qatgħet qalbha mill-futur? Meta l-Papa Pawlu VI ħareġ l-enċiklika favur il-ħajja ‘Humanae Vitae’, id-dinja għalqet qalbha għalih u l-leġiżlaturi bdew jagħmlu liġijiet li jmorru kontra l-ħajja, u għadhom jagħmlu dawn il-liġijiet sal-lum, kif ġara dan l-aħħar fir-riżoluzzjoni favur l-abort li ttieħdet fil-Kunsill ta’ l-Ewropa. Din kienet daqqa ta’ ħarta oħra. Anke dwar iż-żwieġ, li huwa pedament tal-familja u tal-komunità li fiha jitnisslu u jitrabbew l-ulied, qed isiru għażliet azzardati.. Per eżempju, iż-żwiġijiet bejn tnejn ta’ l-istess sess.

Din hija realtà – u dan mhux biss mill-aspett morali tal-ħajja – , imma huwa fatt li għandu konsegwenzi fuq id-demografija u fuq il-popolazzjoni. Nosservaw ftit ir-rata tat-twelid anke f’pajjiżna kif ukoll ir-rata tat-twelid barra miż-żwieġ. Quddiem dan il-fatt negattiv, il-Knisja għanda vuċi pożittiva. Il-Knisja tgħid li temmen li hemm futur, u meta ngħid il-Knisja m’iniex nifhem biss il-Knisja ġerarkika imma wkoll il-Knisja li hija preżenti fil-komunitajiet parrokkjali tagħna.

Allura f’din iċ-ċirkostanza, meta qed infakkru l-erbgħin sena mit-twaqqif tal-komunità tagħkom bħala żewġ parroċċi, inħoss li l-lejla għandna nimlew il-pulmun tagħna b’nifs safi, anke minn din it-talba u minn din l-esperjenza tal-Madonna ġewwa Fatima, biex nirritornaw lura lejn il-komunità u nkomplu nibnu Knisja. Anke jekk hija vuċi ta’ minoranza tibqa vuċi pożittiva, li turi li hemm futur mhux biss għal uliedna ċkejknin imma wkoll għall-bniedem; ħaġa li donnu s-soċjetà ta’ madwarna qed taqta’ qalbha minnu.

Kif tista’ l-komunità ekkleżjali twassal dan il-messaġġ pożittiv?

Dan nagħmluh jekk inkunu komunitajiet li fostna jgħammar Alla u jekk inkunu Knisja li ċ-ċentru ta’ l-attività tal-ħajja tagħna huwa Kristu, l-Iben ta’ Alla.

Fl-ewwel qari mill-ktieb ta’ l-Apokalissi ta’ San Ġwann, jien nara li hemm deskrizzjoni ta’ x’inhi l-komunità parrokkjali: “Rajt lil Ġerusalemm il-ġdida nieżla mis-sema mingħand Alla u smajt leħen qawwi ġej mit-tron jgħid: ‘Din hija l-għamara ta’ Alla mal-bnedmin u Hu jgħammar magħhom u huma jkunu l-poplu tiegħu u Alla nnifsu jkun Alla tagħhom’.” X’inhi din Ġerusalemm tas-sema? Hija l-Knisja li hija preżenti f’kull familja u fil-komunitajiet parrokkjali. Qegħdin aħna nħossu li l-komunità parrokkjali tagħna hija l-għamara ta’ Alla? Qegħdin aħna nitħabtu, naħdmu u nistinkaw biex din l-għamara ta’ Alla ma tiġix nieqsa u Alla jkompli jgħammar fostna?

Il-ktieb ta’ l-Apokalissi jgħidilna: “Alla jixxottalhom kull demgħa minn għajnejhom u ma jkunx hemm iżjed mewt, anqas biki jew tbatija ma jkun hemm iżjed”. Dawn huma s-sinjali tal-preżenza ta’ Alla.

Fl-ewwel qari Isaija jkompli jgħid: “In-nisel tagħhom ikun magħruf fost il-ġnus, uliedhom qalb il-poplu, u kull min jarahom jagħrafhom li huma nisel imbierek mill-Mulej.” Meta nivvalutaw ftit dawn l-erbgħin sena ta’ l-eżistenza ta’ din il-komunità parrokkjali, dan huwa minnu? Jekk mhux hekk, inħallu lill-Verġni Marija twasslilna dak il-messaġġ li wasslet lit-tfal ta’ Fatima.

Il-messaġġ ta’ Fatima

X’ messaġġ wasslitilhom il-Verġni mbierka? Wasslitilhom il-messaġġ tas-sema li xi wħud jirriferu għalih bħala sejħa biex ngħidu r-rużarju. Oħrajn iqisuh bħala stedina għall-penitenza, filwaqt li oħrajn bħala talba għall-konverżjoni. Jien naħseb li dan il-messaġġ nistgħu niġbruh f’sentenza waħda: is-Sinjura ġejja mis-sema giet biex lil dawk it-tfal, lill-Portugal, lill-Ewropa u lid-dinja twasslilhom messaġġ ċar li hemm Alla u li dan Alla jrid jgħammar fostna l-bnedmin. Għax jekk hemm Alla jgħammar fostna l-bnedmin, allura dawk l-iżbalji li semmejt fil-bidu u dawk il-perikli għall-umanità jgħibu għax inkunu kapaċi nsolvuhom. Fejn hemm Alla hemm id-dawl u d-dawl ikeċċi d-dlam f’kull sura tiegħu. Fejn m’hemmx Alla l-bniedem jasal biex jagħmel kollox, saħansitra joqtol lil ħuh, lil oħtu u lilu nnifsu. Jekk inkunu soċjetà li nemmnu – u nemmnu mhux bit-tpaċpiċ imma bil-fatti – li hemm Alla u dan Alla fil-provvidenza tiegħu bagħtilna lil Ibnu li tana l-kelma tiegħu li hija kejl u gwida għal-ħajja tagħna l-bnedmin, allura nistgħu ngħidu li hemm futur. Għalhekk nerġa’ ngħid li l-Knisja, quddiem din ir-realtà, għandha xorta waħda jkollha l-kuraġġ u t-tama.

Fil-jiem li ġejjin sejrin nibdew id-dehriet ta’ Fatima. Hija ħaġa sabiħa li għandna devozzjoni lejn dawn id-dehriet; imma din id-devozzjoni kif ser insarrfuha? Billi nagħmlu kif għamel Ġwanni. Il-Vanġelu magħżul għal-lum jgħidilna li minn fuq is-salib Ġesù lil Ġwanni jgħidlu: “Hawn hi ommok, u minn dak il-ħin id-dixxiplu ħadha għandu.” Jekk infittxu t-test Grieg insibu: “ħadha d-dar tiegħu”. Gwanni ħa lil Marija tgħammar miegħu. Il-komunità parrokkjali hija l-għamara ta’ Alla fost il-bnedmin; Marija hija l-għamara ta’ Alla għaliex l-Iben ta’ Alla sar bniedem l-ewwel fil-ġuf tagħha u għammar fostna; u issa aħna bħal Ġwanni f’dawn id-dehriet nieħdu lil Marija tgħammar magħna d-dar, fil-familja tagħna, fil-komunità parrokkjali tagħna. Hemmhekk inħallu lil Marija tedukana u tgħallimna x’għandna nagħmlu biex inkunu tassew l-għamara ta’ Alla; biex Alla jkun dejjem magħna u jiskansana minn dak kollhu li huwa ta’ deni u ta’ ħsara għalina u għall-futur tagħna u ta’ wliedna.

Marija laqgħet il-kelma u l-Verb għammar fiha. Għeżież ħuti fi Kristu, membri ta’ dawn il-komunitajiet parrokkjali, jekk aħna rridu nilqgħu dan il-messaġġ pożittiv u sabiħ li jimliena bit-tama, irridu nagħmlu bħal Marija: ninnamraw mal-kelma ta’ Alla u nagħmlu spazju fina biex dil-kelma ta’ Alla tgħammar fina u hekk inħallu l-Evanġelju jkun il-ktieb tal-ħajja tagħna.

Dan huwa li nawgura lilkom hawn miġbura miegħi, lill-kappillani u lis-saċerdoti tagħkom: li tkunu komunità li tgħożżu din il-vokazzjoni u li tkomplu tikbru fil-ħbiberija tagħkom ma’ l-Evanġelju. Hekk tkomplu tistagħnu fl-għarfien tal-kelma ta’ Alla u l-preżenza ta’ Alla tkun assigurata fina, u bl-għajnuna tiegħu nkunu nistgħu nipproponu anke lis-soċjetà tagħna proposta bis-sens u li fiha jkun hemm il-garanzija għall-futur.