ALLA JIRBAĦ IS-SOLITUDNI TAGĦNA BIL-KELMA TIEGĦU
Omelija waqt il-pellegrinaġġ djoċesan fl-okkażżjoni tal-festa ta’ San Ġorġ Preca
Blata l-Bajda (8 ta’ Mejju 2008)

Pellegrinaġġ Djoċesan u quddiesa fil-Kappella tal-Medalja Mirakoluża, Blata l-Bajda fejn hemm il-fdalijiet ta’ San Ġorġ Preca, 8 ta’ Mejju 2008.

Waqt li l-Knisja llum qed tiċċelebra l-festa tal-Madonna ta’ Pompej, f’pajjiżna llejla aħna dħalna f’festa oħra: festa lil San Ġorġ Preca. Jien u nirrifletti x’meditazzjoni għandi naqsam magħkom fl-okkażjoni tal-lum, ħassejt li għandi nieqaf naħseb ftit dwar x’kienet tfisser Marija għal Dun Ġorġ, biex fuq l-eżempju tiegħu aħna nikbru u nsaħħu din ir-rabta li għandna ma’ Ommna Marija.

San Ġorġ Preca u l-Madonna

Hemm diversi fatti fil-ħajja ta’ Dun Ġorġ li jirriflettu l-imħabba li huwa kellu lejn Ommna Marija. Biżżejjed ngħidu li huwa kien Terzjarju Karmelitan; ried li din il-kappella tkun iddedikata lill-Medalja Mirakoluża. Però hemm fatt ċkejken fil-ħajja tiegħu li fih tifsira interessanti.

L-istorja tgħidilna li Dun Ġorġ kien għaddej min Ħal Tarxien u lemaħ kwadru tal-Madonna tal-Bon Kunsill għand regattier. Huwa kiseb dan il-kwadru, ħadu d-dar u nibtet rabta bejnu u bejn il-Madonna tal-Parir it-Tajjeb. Ta’ sikwit Dun Ġorġ kien jitlobha biex tagħtih parir tajjeb. Darba Dun Ġorġ ħass lill-Madonna tgħidlu minn dan il-kwadru biex josserva s-skiet: serva silentium. L-istorja tgħidilna li Dun Ġorġ tgħallmu dan il-parir u ħafna drabi kien jibqa’ sieket; għalkemm xi drabi kien ikollu bżonn jgħid xi ħaġa, huwa għaraf jimxi fuq dak il-parir li tagħtu Marija. Min jaf kemm-il darba kellu bżonn jgħid kelma biex jiddefendi dritt tiegħu u ippreferra jibqa’ sieket!

Sa hawnhekk l-istorja. Imma nħoss li nista’ nagħti interpretazzjoni aktar wiesgħa lil din il-ġrajja. Nimmaġina li l-parir li tagħtu l-Madonna kien imur lil hinn minn sempliċi “ogħqod kwiet u titkellem xejn”. Il-Verġni Marija tagħtu ċ-ċavetta biex jagħraf japprezza s-silenzju u biex fil-ħajja tiegħu jagħżel is-silenzju ħalli fil-kwiet, fil-ħemda u l-ġabra jkun jista’ jisma’ ddoqq it-tromba ta’ Alla, ikun jista’ jaqbad il-vuċi ta’ Alla u jinnamra mal-Kelma ta’ Alla.

Ngħożżu s-skiet biex nisimgħu leħen Alla

Nemmen li dan il-parir għandna bżonn illum l-ġurnata. Meta llum qed ngħixu f’tant storbju u konfużjoni, huwa meħtieġ li f’soċjetà post-moderna bħal tagħna nitgħallmu “ngħożżu s-skiet” biex inkunu nistgħu nisimgħu lilna nfusna u lil dawk ta’ madwarna, imma fuq kollox nisimgħu l-vuci t’Alla tkellemna.

Sfortunatament fis-soċjetà tagħna hemm min, minkejja li jkun jgħix fil-folla, xorta qed jgħix f’solitudni u s-skiet huwa impost fuqu. Għandna oħrajn li ċ-ċirkustanzi tal-ħajja ġabuhom tant waħidhom li sabu ruħhom f’ħajja solitarja u ta’ solitudni. Din hija sitwazzjoni li qed tirrendi l-ħajja ta’ ħafna tqila u toħloq vittmi ġodda li huma mċaħħda mill-imħabba vera, u fl-istess ħin huma beżgħana li jħobbu u jidħlu f’relazzjoni bis-sens ma’ l-oħrajn.

Rimedju għal din is-solitudni huwa l-ftuħ ta’ l-ispirtu għal Alla. Permezz tal-profeta Għamos, Alla jgħid li “għad jiġi żmien meta nibgħat il-ġuħ fuq l-art, mhux il-ġuħ tal-ħobż, imma għas-smiegħ tal-Kelma t’Alla” (Għam 8,11). Dan huwa dak iż-żmien. Il-Kelma t’Alla għandha qawwa li tfawwar il-qalb tal-bniedem bl-imħabba. Imma biex nisimgħu lil Alla jitkellem, hemm bżonn nagħżlu li “ngħożżu s-skiet” ħalli nfittxu noqogħdu waħidna fil-preżenza t’Alla u hemm inħallu lil Alla jkellem lill-qalb. Din l-esperjenza tiftaħ lill-bniedem għall-oħrajn u hekk jegħleb is-solitudni.

Alla tkellem permezz ta’ Ibnu Ġesù… u għadu jkellimna permezz ta’ l-Iskrittura

Għaliex il-bniedem tal-lum huwa daqshekk illitterat dwar dak li jgħidilna Alla u dwar il-veritajiet tiegħu? Għaliex ħafna drabi aħna torox quddiem il-vuċi t’Alla. Alla mhux biss lissen il-kelma tiegħu u wassalha lill-bnedmin permezz tal-patrijarki u l-profeti, imma fil-milja taż-żmien dik il-kelma Alla lissinha u saret laħam: “Il-Verb sar bniedem u għammar fostna”. Kristu l-Iben ta’ Alla, li huwa l-Kelma eterna ta’ Alla, sar bniedem biex lilna jkellimna bil-lingwaġġ tagħna l-bnedmin. Din il-kelma ta’ Kristu hija reġistrata f’dak li Sant’Wistin isejħilhom “l-ittri ta’ Alla” miktuba lill-bnedmin. Din hija l-Iskrittura mqaddsa. Aħna għandna nixxenqu sabiex niksbu jew nirkupraw dik l-abilità li tagħmilna kapaċi naqraw dawn “l-ittri t’Alla”. Il-Kelma ta’ Alla ssir il-kelma tagħna, u l-ħajja tagħna tiddawwal b’din il-Kelma, kif fl-aħħar mill-aħħar seħħ f’Marija. Marija hija x-xempju perfett tal-bniedem li jisma’, il-bniedem li ħoloq is-silenzju f’ħajtu u laqa’ din il-Kelma. Marija qalet: “Hawn jien il-qaddejja tal-Mulej, ħa jkun minni skond kelmtek”. Hija mhux biss tisma’ l-Kelma, imma tiftah qalbha biex il-Kelma ssir fiha azzjoni, moviment u forza biex tkun tista’ tagħti l-Kelma lill-oħrajn.

Dun Ġorġ li jilqa’ dan il-parir it-tajjeb mingħand Marija huwa wkoll għalina mudell tal-bniedem li għamilha mal-kelma, il-bniedem li fittex is-silenzju u għażel is-silenzju biex jidħol f’din l-isfera ta’ relazzjoni intima mal-kelma ta’ Alla. Bħal Marija mhux biss kien doċli għall-kelma, imma ħalla din il-kelma ssir fih forza, moviment u azzjoni. Huwa mhux biss dak li evanġelizza, imma ħass li għandu jwaqqaf ukoll Soċjetà li jgħinha tinnamra mal-Kelma, mal-Verb li sar bniedem u għammar fostna, ħalli dawn il-membri jkunu jistgħu jgħadduH lil oħrajn. Min jista’ jgħodd il-barkiet li rċeviet il-Knisja u s-soċjetà – anke lil hemm minn pajjiżna – ta’ dan il-qaddis, illi għax għaraf isib is-skiet u għaraf iħalli l-kelma tgħammar fih wasal biex din l-esperjenza jgħaddiha lil ħaddieħor! U dawn ukoll min-naħa tagħhom jgħaddu dan il-ġid lil oħrajn permezz ta’ katekeżi u ta’ evanġeliżazzjoni. Min jista’ jgħodd dawn il-barkiet!

Lejn il-ftuħ tas-Sena Pawlina

Ninsabu mexjin bħala Knisja biex jekk Alla jrid f’Ġunju li ġej ninawguraw is-Sena Pawlina. Jekk għalina San Pawl huwa Missierna fil-fidi, Dun Ġorġ huwa t-tieni missierna fil-fidi. Nagħmlu sewwa jekk ir-riflessjoni tagħna dwar l-Appostlu Pawlu tkun akkumpanjata bid-dawl li jagħtina Dun Ġorġ. Kif ser niċċelebraw is-Sena Pawlina jekk mhux proprju billi naqraw u nistudjaw u nitolbu fuq il-kelma ta’ Pawlu u nikkupjaw l-eżempju tiegħu, hu li huwa x-xandâr u l-evanġelizzattur tal-Mulej? Mexjin ukoll biex jekk Alla jrid f’Ottubru li ġej mal-Knisja kollha nieħdu sehem b’modi differenti fis-Sinodu ta’ l-Isqfijiet dwar il-Kelma ta’ Alla.

Għax għaraf jilqa’ l-parir tal-Madonna u kien jgħożż is-silenzju, Dun Gorg Preca mhux biss kellu mħabba lejn il-Verb jew il-Kelma t’Alla, imma waqqaf is-Soċjetà tad-Duttrina tat-Tagħlim Nisrani magħmula minn persuni ta’ fiducja li afdalhom il-missjoni li jlaqqgħu l-bniedem mal-Kelma t’Alla.

F’din iċ-ċirkustanza nixtieq nitlob lil Alla bl-intercessjoni ta’ Dun Ġorġ partikularment għad-Djoċesi tagħna, illi skond il-Pjan Pastorali ta’ din is-sena qed tagħmel il-proposta biex “inkunu ħbieb ta’ l-Evanġelju”. Irrid inrodd ħajr lil Alla li din il-proposta ma waqgħetx f’widnejn torox. B’sodisfazzjon pastorali, jien u l-kappillani nosservaw li kien hemm min laqa’ din l-istedina u beda l-mixja ta’ katekeżi mibnija fuq il-‘Lectio Divina’ jew mixja f’Komunità Ewkaristika. Irridu naħdmu iktar. Ċerti inizjattivi pastorali ttieħdu biex jibqgħu magħna. Nappella biex dawn il-laqgħat ta’ katekeżi madwar il-Kelma jservu ta’ oasi spiritwali li jgħinuna ħalli s-silenzju fil-ħajja tagħna nimlewh mhux bil-kliem vojt jew bl-istorbju, imma bl-imħabba ta’ Alla. Fl-aħħar mill-aħħar il-Kelma ta’ Alla hija manifestazzjoni tal-karità divina u l-kanal biex qalbna tfawwar bl-imħabba.

Meta flimkien mal-Knisja Universali dalwaqt nibdew is-sena ddedikata lil San Pawl Missierna u f’Ottubru li ġej jiġi ċċelebrat is-Sinodu ta’ l-Isqfijiet dwar il-Kelma t’Alla, f’din il-festa ta’ Dun Gorg, it-tieni missier tagħna l-Maltin li nissilna fil-fidi kristjana, il-Knisja lokali għandha titħeġġeġ u tħeġġeġ biex ilkoll “inkunu ħbieb ta’ l-Evanġelju”.