L-Isqof Grech jiltaqa’ ma’ l-Arċisqof ta’ Toronto Mons Thomas Collins

Click here for more photos 

It-Tlieta 29 t’April Mons Isqof Mario Grech għamel żjara ta’ kortesija lill-Arċisqof ta’ Toronto Mons Thomas Collins. Iż-żjara saret fil-Kumpless Pastorali ta’ l-Arċidjoċesi f’Toronto. F’din il-laqgħa iż-żewg Isqfijiet tkellmu dwar l-isfidi li għandu l-bniedem illum fil-Kanada u fl-Ewropa u x’tip ta’ proposta għandha tagħmel il-Knisja f’dawn iċ-ċirkustanzi. Tkellmu wkoll dwar il-kollaborazzjoni bejn iż-żewg djoċesijiet. F’din id-djoċesi ta’ Toronto hawn il-preżenza ta’ erba’ saċerdoti Għawdxin: Dun Alfred Grima mix-Xewkija, Dun Joseph Sultana mix-Xagħra, Dun Joe Grima mix-Xewkija, u Dun Christopher Cauchi mill-Għarb. L-Arċisqof Collins wera l-apprezzament tiegħu għall-ħidma pastorali li qed iwettqu dawn is-saċerdoti – tlieta minnhom kappillani.

Mons Isqof żar ukoll il-Katidral ta’ St Michael ġewwa Toronto fejn Fr Christopher Cauchi huwa Vigarju Parrokkjali. Wara huwa għamel żjara lill-istamperija ta’ Marċell Haber, emigrant min-Nadur.

Filgħaxija Mons Isqof kien il-mistieden waqt dinner organizzat mill-Gozo Club li huwa magħmul minn emigranti Għawdxin fil-Kanada. Din il-laqgħa saret f’ristorant fuq Dundas Street. L-Isqof ġie milqugħ mill-President Paul Portelli u membri oħra tal-kumitat . Waqt dan id-dinner l-Isqof kellu l-opportunità li jitkellem ma’ diversi familji Għawdxin u jisma l-esperjenzi tal-ħajja tax-xogħol u tal-familja fil-Kanada. Il-President Paul Portelli ippreżenta lill-Isqof lil ibnu Frank li huwa seminarista u s-sena d-dieħla ser jiġi ordnat saċerdot għall-Arċidjoċesi ta’ Toronto.

Fi tmiem il-laqgħa il-membri tal-Club ippreżentaw donazzjoni għall-karitajiet tad-djoċesi ta’ Għawdex. Mons Isqof ħeġġeġ lil dawk preżenti biex f’din il-kultura tal-lum jagħrfu jagħtu dak kollu li hu partikulari għalihom, speċjalment il-valuri li ġew iffurmati fihom. Huwa appellalhom biex, filwaqt li jintegraw ruħhom f’dan il-pajjiż li laqagħhom, huma jibqgħu jgħożżu l-kuntatt mal-familja ta’ l-oriġini f’Malta u Għawdex. L-emigrant Malti għandu kontribut siewi x’joffri kemm lis-soċjetà Kanadiża kif ukoll lil Malta u Għawdex.