L-Isqof Grech jiltaqa’ mal-Maltin u l-Għawdxin f’Toronto fil-parroċċa mmexxija mis-saċerdoti tas-Soċjetà Missjunarja ta’ San Pawl

More photos from here

L-Isqof Mario Grech, illum il-Ħadd 27 ta’ April, kompla bil-programm taż-żjara pastorali tiegħu fil-Kanada billi dalgħodu mexxa quddiesa pontifikali fl-okkażjoni tal-Festa ta’ San Ġorġ fil-Knisja Parrokkjali ta’ San Pawl, li tinsab f’Dundas Street West. Din il-parroċċa, li għal diversi snin kienet immexxija mill-Patrijiet Franġiskani Maltin, illum hija mmexxija mill-Patrijiet tas-Soċjetà Missjunarja ta’ San Pawl. Il-Kappillan attwali Fr Karm Borg, li huwa mgħejjun minn Fr. Domnic Cachia laqgħu lil Mons Isqof Grech u ppreżentawh lill-ġemgħa preżenti. Fl-omelija tiegħu Mons Isqof rrimarka li fil-ħajja spiritwali tagħna għandna nitħabtu biex lil Alla nadurawh fl-ispirtu u l-verità. Dan jgħinna biex ir-relazzjoni tagħna ma’ Alla u mal-qaddisin ma tkunx marbuta la ma’ post u lanqas ma’ persuna jew qaddis partikulari. B’dan il-mod l-adorazzjoni tagħna lil Alla u ċ-ċelebrazzjonijiet f’ġieħ il-qaddisin ikunu espressjoni ta’ ħajja nisranija matura u awtentika.

 
Filwaqt li rringrazzja lis-saċerdoti preżenti tal-missjoni tagħhom, Mons Isqof ħeġġeġ lill-emigranti biex huma wkoll, mill-esperjenza personali tagħhom ma’ Alla, jagħrfu jkunu xandâra tal-verità tal-vanġelu kull fejn isibu rwieħhom, anke jekk dan jiswielhom sagrifiċċju kif seħħ lil San Ġorġ Martri.
 
Wara l-quddiesa Mons Isqof iltaqa’ ma’ l-emigranti fis-sala tal-parroċċa. Fost dawk preżenti kien hemm gruppi li telgħu minn Detroit u New York. Fl-istess lokal l-Isqof għamel żjara lill-ħanut “Malta Bake Shop” immexxi minn Charles Buttigieg. Għall-pranzu Mons Isqof kien il-mistieden tal-komunità tas-saċerdoti ta’ l-MSSP fil-lokal tal-parroċċa. Wara l-pranzu Mons Isqof żar diversi clubs ta’ l-emigranti Maltin, fosthom il-Melita Soccer Club u l-Malta Band Club. Fil-Każin tal-Malta Band Club huwa ltaqa’ mal-Kumitat tal-Banda u ħeġġiġhom biex jibqgħu jagħtu sehem bil-kontribuzzjoni kulturali lis-soċjetà Maltija ġewwa Toronto u biex jimpenjaw ruħhom f’ħidma favur il-familja.