“Nisimgħu Leħen il-Maħbub”
Ċerimonja ta’ l-għeluq tal-45 Kungress tax-Xirka ta’ l-Isem Imqaddes t’Alla

Nhar il-Ħadd 6 ta’ April filgħaxija sar l-għeluq tal-45 Kungress Djoċesan tax-Xirka ta’ l-Isem Imqaddes t’Alla. Mill-25 ta’ Marzu sas-6 ta’ April, il-membri tax-Xirka wettqu diversi inizjattivi pastorali f’kollaborazzjoni mal-Parroċċa tax-Xewkija, fejn inżamm il-Kungress. Fost l-inizjattivi pastorali, ta’ min isemmi l-laqgħat għall-kategoriji, żjajjar fil-familji tat-tfal li ser jirċievu l-Ewwel Tqarbina u l-Griżma ta’ l-Isqof, żjajjar lill-morda, żjajjar lill-istudenti fl-iskola primarja “Rosa Magro” tax-Xewkija, fl-MCAST u fl-Institute of Tourism Studies fix-Xewkija, żjajjar fl-iskejjel sekondarji u post-sekondarji tar-Rabat, u żjarat lill-morda u lill-anzjani fl-isptar u f’Dar Sant’Anna.

Għaċ-ċerimonja ta’ l-għeluq, li saret fir-Rotunda tax-Xewkija, attendew numru kbir ta’ Għawdxin. Wara li l-korteo bl-istatwa ta’ Ġesù Ragħaj it-Tajjeb wasal fil-Knisja, il-parteċipanti ntlaqgħu minn diskors ta’ merħba mill-Arċipriet Mons Carmelo Mercieca. Saru diskorsi ta’ l-okkażjoni minn Mons Ewkarist Sultana, Chaplain djoċesan tax-Xirka f’Għawdex, u minn Patri Joe Vassallo OP, Chaplain nazzjonali.Imbagħad grupp ta’ żgħażagħ tellgħu feature bl-isem “L-Eqqel Taqbida”, dwar il-konverżjoni ta’ Adolfo Rettè. Imbagħad Mons Isqof għamel diskors fejn, fid-dawl taċ-ċelebrazzjoni ta’ Jum il-Vokazzjonijiet (il-Ħadd 13 ta’ April), huwa tkellem dwar is-sbuħija u l-kobor tal-vokazzjoni Reliġjuża u ta’ Ħajja Kkonsagrata fil-Knisja. Iċ-ċerimonja ntemmet bil-barka sagramentali.

Fi tmiem iċ-ċerimonja, li kienet animata bil-kant mill-Kor parrokkjali “Vox Clamantis”, il-President djoċesan tax-Xirka s-Sur Ġużeppi Refalo ħabbar li l-Kungress li jmiss se jsir fil-parroċċa ta’ Sannat. Il-Kungress tax-Xirka jsir fit-tielet Ħadd ta’ l-Għid.