IL-VOKAZZJONI RELIĠJUŻA HI PARABBOLA LI TKELLIMNA DWAR KRISTU
Diskors ta’ L-E.T. Mons. Isqof Mario Grech f’għeluq il-Kungress tax-Xirka ta’ l-Isem Imqaddes t’Alla
Xewkija - 6 ta’ April 2008

[Show picture list]

IL-VOKAZZJONI RELIĠJUŻA HI PARABBOLA LI TKELLIMNA DWAR KRISTU

Diskors ta’ Mons Isqof Mario Grech waqt iċ-ċelebrazzjoni ta’ għeluq il-45 Kungress Djoċesan tax-Xirka ta’ l-Isem Imqaddes t’Alla (Parroċċa Xewkija – 6 ta’ April 2008)

Kontu tafu illi lil Ġesù akkużawh bħala midgħi? Meta Ġesù wieġeb quddiem il-Qassis il-Kbir, u qallu: “Iva, jiena hu, il-Messija”, il-Qassis il-Kbir dar fuq sħabu u qalilhom: “Smajtuha din id-dawgħa?” Aħna nafu r-raġuni għaliex Ġesù ġie akkużat bħala midgħi: Anna u sħabu kienu qed jistennew ‘l Messija imma lil Ġesù ta’ Nazaret ma rrikonoxxewhx bħala l-Iben t’Alla. U allura għax Ġesù jattribwixxi lilu nnifsu li huwa Alla, il-Qassis il-Kbir jgħid: “Dan qiegħed jidgħi!” Ladarba Ġesù - nerġa’ ngħid illi għal Anna ma kien xejn! - jippreżenta lilu nnifsu bħala l-Iben ta’ Alla, dik kienet dawgħa. Ladarba Ġesuù isemmi b’nuqqas ta’ rispett u qima l-isem ta’ Alla, dik hija kelma irreverenti, hija dawgħa. Issa aħna nafu illi Ġesù huwa l-Iben t’Alla li sar bniedem.

Ħajjitna kollha trid tkun stqarrija tal-fidi tagħna f’Alla

Però, għeżież tiegħi nixtieq inpoġġilkom dan l-episodju biex flimkien nifhmu, nagħrfu illi aħna nistgħu nkunu irreverenti quddiem Alla, aħna nistgħu nsemmu l-Isem t’Alla b’mod ħażin, aħna nistgħu nidgħu mhux biss billi nużaw l-Isem t’Alla u tal-qaddisin barra minn postu, imma wkoll jekk aħna ngħidu li aħna ulied Alla imma ma nagħtux xhieda li aħna wlied Alla. U allura l-ħajja tiegħi, il-ħajja tiegħek, issir dawgħa. Daqshekk hija gravi r-responsabilità li aħna nġorru fuq spallejna!

Bħala ulied Alla, bħala dixxipli ta’ Ġesù n-Nazzarenu, ħafna drabi - u nagħmlu sew! - aħna nieqfu fuq dawk illi jidgħu. Nagħmlu sew nikkumbattu l-pjaga tad-dagħa. Imma ma ninsewx illi kull wieħed u waħda minna, jekk ma nagħmlux impenn ħalli ngħixu l-ħajja nisranija, ħalli nagħmlu dak li jrid Alla minna, ħalli fil-ħajja tagħna ta’ kuljum fid-diversi oqsma tal-ħajja - il-ħajja tal-familja, il-ħajja tal-Knisja, il-ħajja soċjali -, jekk aħna ma nippruvawx inwettqu l-proġett ta’ Alla għalina, ħajjitna, għeżież tiegħi, ssir dawgħa. U allura daqs kemm hija gravi meta wieħed jew waħda b’mod irresponsabbli isemmi l-Isem t’Alla fil-vojt u mingħajr imħabba u rispett, daqstant ieħor hija gravi li aħna ngħidu li aħna dixxipli ta’ Kristu u ħajjitna u l-operat tagħna fil-ħidma tagħna ma jirriflettux il-proġett ta’ Alla.

Issa, biex aħna jirnexxielna ma nkunux skandlu f’dak li ngħidu u f’dak li aħna, għandna bżonn l-għajnuna t’Alla, għandna bżonn min isostnina fil-ħajja tad-dixxipulat. U llum nixtieq nipproponilkom realtà li żżejjen il-Knisja u s-soċjetà… imma nibża’ illi ma napprezzawhiex biżżejjed. Fil-ħajja tal-Knisja u fil-ħajja tad-dinja teżisti kategorija ta’ bnedmin illi l-ħajja tagħhom hija parabbola li titkellem kontinwament dwar Kristu, dwar Alla. U ladarba ħajjithom hija rakkont kontinwu tal-misteru ta’ Alla u ta’ Kristu, dik lilna tgħinna, tfakkarna, issaħħaħna fil-mixja tagħna wara Kristu biex ħajjitna ma tkunx dawgħa.

Il-vokazzjoni għall-ħajja reliġjuża

Tafu għal min qed nirreferi? Qed nirreferi għar-reliġjużi! Insellmilkom. Qed nara żewġ patrijiet, u numru sabiħ ta’ sorijiet! Insellmilkom, u meta nsellem lilkom qed insellem lir-reliġjużi kollha li jżejnu l-Knisja tagħna. Iva, għeżież tiegħi. il-Knisja tkun fqira mhux materjalment, imma spiritwalment u fil-qdusija jekk tonqos minn fostna l-preżenza ta’ rġiel u nisa illi jikkonsagraw ħajjithom lil Alla permezz ta’ ħajja reliġjuża. Ir-reliġjużi huma dawk illi jħaddnu lil Kristu u jippruvaw jimitawh: Kristu fqir, Kristu safi u Kristu ubbidjenti. U l-Knisja tikkunsidrahom bħala ġawhra lil dawn il-persuni illi jwieġbu lil Alla li jsejħilhom ħalli jkunu fid-dinja xhieda, anzi preżenza ta’ Kristu, ilkoll skond il-kariżma partikulari tagħhom.

Hawnhekk għandna Dumnikan, għandna Franġiskan Konventwali, u għandna Franġiskani u Agostinjani. Għandna oħrajn fid-Djoċesi: għandna Sorijiet Karmelitani, Dumnikani, Salesjani u Sorijiet tal-Karità. Għandna wkoll it-tliet Ordnijiet Patrijiet Franġiskani, l-Agostinjani, il-Ġiżwiti u l-Missjunarji ta’ San Pawl. Iva, għeżież tiegħi, il-Knisja tagħna u d-dinja tkun jonqosha ingredjent importanti ħafna li huma reliġjużi, illi huma mportanti mhux għal dak li jagħmlu. Ħafna jaraw ir-reliġjużi li għandhom valur jew għax jagħmlu l-ostji, jew għax jaħslu ħwejjeġ tat-tieġ jew għax il-qassisin ħelwin. Mhux dak! Ostji jista’ jagħmilhom il-furnar, il-ħwejjeġ nista’ mmur għand ħajjat, imma ħadd ma jista’ jissupplixxi l-preżenza tagħhom siekta moħbija fil-kunvent ta’ ħajja mogħtija lil Alla, ta’ ħajja mogħtija lill-poplu t’Alla bit-talb tagħhom u bl-appostolat tagħhom.

Mela nhar il-Għid jiena mort nara komunità tas-sorijiet u kien hemm waħda anzjana, u jien staqsejtha : “Kif int?” Qaltli, “Ruħi, jien qed nistenna li niltaqa’ ma’ Ġesù!” Qaltli : “Jiena ommi u missieri m’għadhomx hawn, ħuti l-anqas, neputijiet m’għandix, kull ma’ għandi f’ħajti huwa Hu; u ngħix għalih.” Għeżież tiegħi, din waħda mill-ħafna sorijiet li għandna fid-Djoċesi illi jien ngħidilkom qed jgħixu livell għoli ta’ ħajja spiritwali, jekk mhux ukoll ħajja mistika. Għalfejn qed insemmi dan kollu l-lejla? Għax proprju għada, fil-Knisja lokali, fil-Knisja f’Malta u Għawdex, ser jiġi inawgurat Kungress Nazzjonali dwar il-Ħajja Reliġjuża. Ir-reliġjużi huma fid-djalogu kontinwu ma’ Alla; ir-reliġjużi huma fid-djalogu kontinwu mal-Knisja, mal-Poplu t’Alla; u r-reliġjużi li huma fi djalogu kontinwu mad-dinja. U allura l-lejla jiena nixtieq nitlob lil Alla - u intom ingħaqdu miegħi - biex dan il-Kungress fuq il-ħajja reliġjuża li ser isir Malta jkun mument ta’ grazzja mhux biss għalikom, għeżież reliġjużi, imma għall-Knisja u għal pajjiżna.

Imma rrid inżid intenzjoni oħra. Jien nixtieq illi nkunu iktar konvinti mill-valur inestimabbli tal-ħajja reliġjuża. U jekk nindunaw li hemm xi ħadd li għandu sejħa - il-Ħadd li ġej, jekk il-Bambin irid, hu Jum il-Vokazzjonijiet -, jekk nindunaw li xi ħadd għandu sejħa, mhux infixklu u ntellfu jew naqtgħulu qalbu jew qalbha, imma inħeġġu u nakkumpanjaw; għax nerġa’ ngħidilkom, inkunu qegħdin inċaħħdu lil Alla milli jkollu persuna li hija tiegħu kollha kemm hi, li tgħix fil-faqar u fl-ubbidjenza u l-kastità, u nkunu nċaħħdu lill-Knisja u lil pajjiżna minn preżenza ta’ persuna reliġjuża li, kif għedtilkom, hija parabbola li lilna tgħinna biex ma nkunux dawgħa, jekk nippreżentaw ruħna bħala dixxipli ta’ Kristu.

Noħolqu ambjent familjari li jiffavorixxi l-vokazzjonijiet

Huwa fatt, għeżież tiegħi, illi l-kunventi qegħdin jitbattlu. Hemm diversi raġunijet. Hemm ir-raġuni illi anke l-popolazzjoni qed tonqos, ir-rata tat-twelid qed tonqos. Però mhux dik biss. L-arja li tidħol fid-djar tagħna hija arja tqila illi tnissik lil Alla; u allura jekk il-lejla rridu nkunu pożittivi u naħdma favur l-Isem Imqaddes t’Alla, ejjew nimpenjaw lill-Knisja illi taħdem bis-serjetà - u meta ngħid Knisja, ngħid lilkom, għeżież familji -, biex ikollna ambjent li jiffavorixxi l-vokazzjonijiet, partikolarment il-vokazzjonijiet għall-ħajja reliġjuża.

Għadna kif rajna din l-istorja li ppreżentawlna ż-żgħażagħ. Adolfu kkonverta mhux għaliex xi ħadd għamillu priedka imma għax ra dak is-saċerdot għaddej mit-triq, u rah li huwa bniedem t’Alla. U għeżież tiegħi, Adolfu mhux biss ma baqax jidgħi, imma ħajtu ma baqgħetx dawgħa għaliex bix-xhieda ta’ dak is-saċerdot għaraf jikkonverti u jsib lil Alla, isib lil Kristu u l-Madonna. Jien naħseb li dik hija l-esperjenza wkoll tal-lum. Illum hemm bżonn illi fit-toroq tagħna jkollna iktar preżenza mhux biss ta’ saċerdoti imma anke ta’ reliġjużi illi bil-preżenza tagħhom biss lilna jqanqluna, iħarrkuna biex nagħtu glorja lil Alla u biex l-Isem ta’ Kristu jkun imsebbaħ.

Ikun imfaħħar Ġesù Kristu.