ĊIVILTÀ KRISTJANA
Omelija fil-festa ta’ San Pubbliju
Knisja Floriana (6 ta’ April 2008)

ĊIVILTÀ KRISTJANA

Omelija ta’ Mons Isqof Mario Grech fil-festa ta’ San Pubbliju, Floriana, Malta – 6 ta’ April 2008

Il-wirt għani tar-Reliġjon Kristjana

“Il- film “Quo Vadis” jirrakkonta li meta Pietru kien riesaq lejn Ruma, huwa ltaqa’ ma’ uffiċċjal Ruman li staqsih: “Il-Greċja tatna l-għerf, Ruma kisbitilna l-poter, u din ir-reliġjon ġdida tiegħek x’ser toffrilna?” Pietru jagħti twegiba sempliċi: “L-imħabba!”


Nistħajjel lil Pubbliju, il-Prinċep ta’ din il-gżira, meta laqa’ lil Pawlu fi gżiritina, għamillu l-istess domanda: X’ġibtilna ġdid li la l-Greċja u anqas Ruma ma tawna? U Pawlu jagħti l-istess risposta li ta Pietru: l-Imħabba. Pawlu, li huwa nnifsu għamel esperjenza ta’ l-imħabba, kif jixhdulna l-Atti ta’ l-Apposlti u l-istess epistolarju tiegħu, ċertament li lil Pubbliju u lil ġensna jgħidilhom: “Ġibtilkom il-karità ta’ Alla, biex din tkun il-liġi tad-deheb illi tgħaqqadkom flimkien”. Matul it-tliet xhur li għamel fostna, Pawlu ikkonsolida l-ġenerożità li kellu ġensna, anzi tahom motivazzjoni wisq iktar superjuri għax ħabbrilhom dak li smajna fl-Evanġelju tal-lum: dak kollu li intom tagħmlu ma’ l-iċken wieħed fostkom, ma’ dawk li intom tlibbsu, titimgħu, tilqgħu,… intom qegħdin tagħmluh ma’ Ġesù (ara Mt 25).

It-tradizzjoni tgħidilna li qabel ma telaq minn Malta, lil Pubbliju Pawlu għamlu presbiteru u isqof. Din mhix ħaġa impossibbli, għaliex nafu li Pawlu meta jwaqqaf Knisja jħalli l-presbiteri biex jieħdu ħsiebha. Fl-Atti ta’ l-Appostli naqraw li meta għadda minn Listra, Ikonju u Antjokja Pawlu għamlilhom presbiteri u afdahom fit-talb u s-sawm f’idejn Alla (Atti 14,21-28). Għalhekk mhix ħaġa remota, anke jekk l-istorja hija skarsa, li Pawlu qabel telaq minn hawn ħallielna lil Pubbliju bħala l-presbiteru u l-isqof tal-Knisja li huwa waqqaf. Imma jekk lil Pubbliju għamlu isqof, Pawlu dan m’għamlux bħala figura imma biex jafdalu l-Evanġelju; u kif jgħid lil Timotju, Pawlu ċertament ma setax jonqos li jgħid lil Pubbliju biex ixandar f’ħinu u barrra minn ħinu lil Kristu, kif għandna f’dan il-ktieb ta’ l-imħabbba – il-ktieb tal-Vanġelu.

Inħoss li bil-preżenza ta’ l-Apposltu Missierna Pawlu, u warajh bil-preżenza ta’ Pubbliju, f’pajiżna telaq proċess fejn iċ-ċiviltà ta’ ġensna bil-mod il-mod bdiet tiġi trasformata. Il-kultura tagħna bdiet tieħu sura kristjana u l-Vanġelu sar il-ħmira li gradwalment bdiet tgħolli din l-għaġna. Hekk illum aħna stajna nirtu ċiviltà li hija msejsa fuq il-valuri kristjani. Kien ta’ sodisfazzjon għalija, Eċċellenza President tagħna, meta dan l-aħħar smajtek tosserva li l-kultura tagħna hija magħġuna bil-valuri nsara! Iva, aħna għandna kultura permeata bil-Vanġelu ta’ Kristu, u dan nattribwuh għall-ħidma ewlenija li wettaq Pubbliju matul il-ministeru tiegħu.

Sfidi minn kultura sekularizzata


Fl-istess ħin irridu nirrikonoxxu li jekk irċevejna dan il-patrimonju sabiħ, ma għandna ebda garanzija li ser jibqa’ wirt li niftaħru bih, wirt li aħna sejrin ngħaddu lill-ġenerazzjonijiet ta’ warajna, għaliex sfortunatament hemm anke min fostna li mhux kuntent b’dan il-vanġelu tal-karità. Is-sekulariżmu dieħel sewwa fis-soċjetà u fil-ħajja tagħna. Bil-mod il-mod, dan ibarri kull sens ta’ reliġjon, inkluża r-reliġjon kristjana. Hekk, dik iċ-ċiviltà kristjana li bdiet permezz ta’ Pawlu u Pubbliju, faċilment tista’ ssir relikwa tal-passsat. Meta naspiraw illi ċ-ċiviltà tagħna tibqa mmarkata bil-valuri tal-vanġelu, aħna nkunu qegħdin nixtiequ xi ħaġa ta’ l-imgħoddi? Din hija nostalġija, tradizzjoni? Jew hija sistema li twiegeb għall-bżonnijiet tal-bniedem tal-lum?

L-istorja Ewropeja tixhdilna li l-esperjenza reliġjuża u l-ġrajjiet soċjo-politiċi minn dejjem kienu minsuġa flimkien, u li dawn iż-żewġ aspetti tal-ħajja umana, għalkemm distinti, huma kważi inseparabbli. Hemm nisġa bejn it-twemmin u l-ħajja soċjali u politika tal-bniedem Ewropew. Inħarsu ftit lejn l-istorja: fid-dinja politeista Greko-Rumana, kellhom is-sens ta’ Alla. Hemm imbagħad il-kontribut tar-rivelazzjoni Ġudejo-Kristjana; anke jekk hemm min ma jridx jirrikonoxxih! Hemm ukoll il-preżenza ta’ l-Iżlam u ta’ esperjenzi reliġjużi ġodda. Ħadd ma jista’ jiċħad li l-element reliġjuż jifforma parti essenzjali mill-istorja tal-popli Ewropej; anzi, sa zminijietna d-dimensjoni reliġjuża kienet tifforma l-bażi tal-ħajja soċjali. Dan ifisser li, kif jgħid Dostojevski, qatt fl-istorja ma kien hemm poplu li pprova jorganizza lilu nnifsu mmexxi biss bix-xjenza jew bir-raġuni! Jekk kien hemm xi esperjenza ta’ dan it-tip, din kienet għal ftit biss, għaliex malajr il-bniedem induna li kienet għażla żbaljata frott il-bluha. Għalhekk Dostojevski jkompli jgħid li jekk nanalizzaw l-istorja tal-popli nsibu li l-popli ffurmaw ruħhom b’qawwa li mhux dejjem nafu l-oriġini tagħha. Dawn ħadmu sistema li tinkorpora prinċipji filosofiċi, prinċipji etiċi, imma wkoll it-tfittix ta’ Alla.

Dan nistgħu nikkonstatawh mhux biss fl-istorja tal-Greċja imma wkoll f’dik ta’ l-Imperu Ruman. Ir-Rumani tant kellhom sens ta’ Alla, li meta Pawlu ġie fuq xtutna u gidmitu lifgħa, Pubbliju u n-nies tiegħu qalu: “dan il-bniedem bilfors li hu qattiel, għax għad li helisha mill-għarqa, il-Ġustizzja ma ħallietux jgħix” (Atti 28,4); u meta ma ġralu xejn ħasbu li kien xi “alla”. Meta mbagħad l-Imperu Ruman ikkrolla, nibet is-Sagru Imperu Ruman li kien imsejjes proprju fuq prinċipji kristjani. Dawn huma esperjenzi li kienu kapaċi jgħaqqdu lin-nies u jiggarantixxu konvivenza bejn popli ta’ estrazzjoni diversa fil-Punent u fil-Lvant. Imbagħad fis-seklu XVIII tfaċċa l-Illuminiżmu u l-ideoloġiji sekularisti li kkontribwew biex is-soċjetà bdiet tinfatam mir-rabtiet soprannaturali, u hekk ingħata bidu għal reliġjon ġdida: reliġjon sekulari! Meta l-esperjenza reliġjuża bdiet tiġi mifruda mis-soċjal, bdiet issir insistenza fuq l-irrivelanza tat-twemmin u tas-sagru fil-ħajja soċjali.

Is-seklu tagħna għadu suġġett għal dawn il-movimenti sekularisti, anke f’pajjiżna. Però, billi l-bniedem min-natura tiegħu huwa reliġjuż u qatt ma jista’ jifga dan is-sens reliġjuż li hemm fih, filwaqt li naraw mewġa qawwija ta’ sekulariżmu, naraw illi hemm ukoll żvilupp ta’ esperjenzi reliġjużi ġodda, forsi anke b’reazzjoni għall-esperjenza reliġjuza kristjana.

Djalogu bejn il-kulturi

Huwa f’dan il-kuntest li jien irrid nilmaħ lil Pubbliju! Għaliex kif fi żmien Pubbliju nibet djalogu bejn soċjetà pagana ta’ dak iż-żmien u l-kristjanità, anke llum jinħass il-bżonn ta’ djalogu bejn il-modernità u l-kristjanità. Din hija l-isfida li għandna bħala dixxipli tal-Mulej! Fiċ-ċirkustanzi li qegħdin ngħixu fihom, ma nistgħux nirtiraw mid-dinja, imma fuq l-eżempju ta’ Pubbliju nistinkaw biex noħolqu dan id-djalogu mas-soċjetà lajċizzata tal-lum.

Pubbliju kif ħoloq dan id-djalogu ħalli aħna nistgħu nispiraw ruħna minnu? Kif diġà għidt, l-istorja hija kattiva magħna, għaliex ftit li xejn insibu tagħrif dwar dak li wettaq Pubbliju u dwar l-ewwel zminijiet tal-Knisja ta’ Kristu f’pajjiżna. Imma, fid-dawl tal-Kelma t’Alla, naħseb li nista’ nagħmel ċerti konklużjonijiet.

Dak iz-zmien Malta kienet provinċja dipendenti minn Ruma. U jien nistħajjel li meta Pawlu telaq minn pajjiżna u ħalla l-Evanġelju f’idejn Pubbliju, Pubbliju xtaq illi jkollu kummentarju għall-Evanġelju. Nistħajjel li Pubbliju sar jaf li Pawlu kien jikteb l-ittri. Imma lil dan l-ewwel isqof ta’ Malta, ma kienitx tinteresah l-ittra li Pawlu kiteb lill-Efessin jew lill-Korintin, imma kellha tinteressah ittra partikulari li Pawlu kiteb lil Ruma u lir-Rumani, billi dawn kienu residenti f’dik il-belt li d-dell tagħha kien jasal fuq artna! Għalhekk nistħajjel lil Pubbliju jakkwista din l-ittra lir-Rumani li l-istudjużi ta’ l-Iskrittura jsejħulha christiane religionis Compendium – kompendju tat-tagħlim kristjan, u bl-għajnuna tat-tagħlim li hemm f’din l-ittra Pubbliju jipprova jidħol f’dan id-djalogu maċ-ċiviltà ta’ żmienu.

L-ittra ta’ San Pawl lir-Rumani

Mhux il-każ illi llum neżaminaw fid-dettal l-ittra lir-Rumani, imma ċertament it-tema fokali ta’ din l-ittra – il-ġustifikazzjoni fil-fidi – , animat il-Knisja f’pajjiżna fil-bidu tal-ħajja tagħha. Għax San Pawl f’din l-ittra lir-Rumani jgħid li “il-Vanġelu huwa l-qawwa ta’ Alla għal dawk kollha li jemmnu, l-ewwel il-Lhud imbagħad il-Griegi, u fih tidher il-ġustizzja ta’ Alla minn fidi għal fidi, skond ma hemm miktub, ‘il gust jgħix bil-fidi’.” (1,16-17) San Pawl ikompli jgħid lir-Rumani li Alla jagħti l-ġustizzja tiegħu permezz tal-fidi f’Ġesù Kristu lil dawk li jemmnu (ara 3,21ss).

X’inhi din il-ġustizzja ta’ Alla u l-ġustifikazzjoni tiegħu? Meta l-bniedem jemmen u jilqa’ l-Evanġelju ta’ Kristu, fih isib għajn ta’ verità li tgħinu biex jirrijabilita lilu nnifsu u d-dinja ta’ madwaru. Hekk il-bniedem u d-dinja jirnexxilhom jerġgħu lura għall-pjan oriġinali ta’ Alla u b’dan il-mod tkun seħħet il-ġustizzja ta’ Alla. Għalhekk, l-ittra lir-Rumani hija intiża biex l-umanità tagħraf dan id-don li Alla tana fi Kristu, li huwa l-istess Kelma t’Alla inkarnata u reġistrata fil-Vanġelu. Din hija ċ-ċiviltà kristjana. M’hemm l-ebda impożizzjoni fuq il-bniedem, imma hija ċiviltà li tgħin lill-bniedem ikun aktar bniedem – ċiviltà li tirrispetta lill-bniedem maħluq minn Alla.

F’dan l-ordni ġust nilmaħ tliet elementi li huma attwali għas-soċjetà ta’ żmienna. Nimmaġina li Pubbliju, dejjem imnebbaħ mill-Vanġelu u minn din l-ittra lir-Rumani, mhux biss tkellem dwarhom imma ħadem biex iqegħedhom bħala pedament għas-soċjetà ta’ żmienu. U dan b’eżempju għalina llum.

Id-dinjità tal-bniedem

Il-bniedem huwa mżejjen b’dinjità u għandu drittijiet inerenti għan-natura umana tiegħu. Fl-ittra tiegħu lir-Rumani, San Pawl jelabora ħafna dan il-punt. Huwa jgħid illi din il-liġi superjuri, li għandha lil Alla bħala awtur tagħha, hija miktuba fil-qalb ta’ kull wieħed. Għalhekk il-bniedem igawdi drittijiet u dinjità li jistħoqqilhom rispett mhux għax xi ħadd ikkonċedielu dawn id-drittijiet jew għax kien hemm xi għażliet politiċi li akkwistawlu dawn id-drittijiet umani tiegħu, imma dawn huma drittijiet li jiġu qabel kull Stat u kull awtorità, għaliex huma drittijiet li tahomlu Alla. Meta l-bniedem jikkalpesta lill-persuna umana u d-drittijiet tagħha, hu jkun qed jagħmel sfreġju lilu nnifsu. Naħseb li Pubbliju, għalkemm kien qed jgħix f’soċjetà li kienet mibnija fuq id-dritt, meta tqis il-mankanzi li kellhom ir-Rumani fil-kamp tar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, kellu biċċa xogħol mhux ħażin biex jagħġen ċiviltà mibnija fuq din il-viżjoni kristjana tal-bniedem.

Jekk qed nitkellem minn drittijiet fundamentali tal-bniedem, l-ewwel dritt li jiġini f’moħħi huwa d-dritt għall-ħajja. Għalhekk nistgħaġeb, biex ma ngħidx kelma oħra, kif fi Strasburg, fiċ-ċentru tal-poter tal-lum kif kienet Ruma dak iż-żmien, beda u għaddej diskors biex ikun hemm riżoluzzjoni favur l-abort! Fl-istess ħin napprezza dak li r-rappreżentanti tal-poplu tagħna, almenu f’din il-ħaġa, huma moħħ wieħed u ħa jieħdu pożiżżjoni kontra l-abort u favur il-ħajja!

Is-sens ta’ Alla

Fl-ittra tiegħu lir-Rumani Pawlu jitkellem b’mod elaborat fuq is-sens ta’ Alla u fuq il-qima, ir-rispett u r-radd il-ħajr li Alla jixraqlu: “Għax dak li wieħed jista’ jagħraf minn Alla kien, iva, irrivelat: Alla stess urihulhom. Il-kobor tiegħu li ma jidhirx, jiġifieri s-setgħa tiegħu għal dejjem, u d-divinità tiegħu, huma setgħu jagħrfuh sa mill-ħolqien tad-dinja, permezz tal-ħlejjaq, u għalhekk ma għandhomx skuża. Imma għad li lil Alla għarfuh, huma la tawh ġieħ ta’ Alla li hu u lanqas raddewlu ħajr” (1,19-21). Skond Pawlu, il-bnedmin bil-blugħa u l-korruzzjoni ta’ qalbhom waslu biex jagħtu glorja lill-bniedem li jintemm u ma tawx glorja lil Alla li ma jintemmx. Għalhekk Alla ħallihom fil-ħażen tagħhom.

Jekk għadna kif tkellimna mid-drittijiet tal-bniedem, huwa wkoll wieħed mid-drittijiet ewlenin illi l-bniedem ikollu l-libertà reliġjuża, fis-sens illi jkollu l-libertà biex it-twemmin tiegħu jeżerċitah kif irid. Anke f’din il-ħaġa, Pubbliju, li kien qed jgħix f’soċjetà li kellha s-sens ta’ Alla imma li kienet soċjetà politejista, kellu ħidma pastorali mhux faċli biex jgħin lill-poplu tagħna jifhem illi dak Alla li naduraw u nqimu huwa Alla u Missier Sidna Ġesù Kristu. Pubbliju ħaseb ukoll biex jorganizza l-qima lejn dan Alla billi ta stuttura ekkleżjali lill-ewwel komunità nisranija. Irrid nittama li anke f’pajjiżna l-komunità kattolika jibqalha libertà sħiħa biex tkun tista’ tiċċelebra l-kult tagħħa, u ma jkunx hemm tentattivi sottili biex ikun hemm indħil fil-ħajja interna tal-poplu ta’ Alla.

Iż-żwieġ monogamiku u indissolubbli

It-tielet punt li dwaru Pawlu jitkellem fl-ittra lir-Rumani,huwa dwar iż-żwieġ monogamiku u indissolubli: “Il-mara miżżewġa hi marbuta ma’ żewġha sakemm hu jdum ħaj; jekk żewġha jmut tinħall mil-liġi ta’ żewġha. Għalhekk, sakemm żewġha jkun għadu ħaj, jekk tiżżewweġ raġel iehor, tkun adultera” (7,2-3).

Huwa fatt illi fil-kontinent tagħna llum hemm bżonn li nxandru l-evanġelju taż-żwieġ u tal-familja, u dan mhux biss għaliex sfortunatament xi wħud qed jaqtgħu qalbhom mit-tfixkil li jiltaqgħu miegħu biex jgħixu żwieġ monogamiku u indissolubbli sa l-aħħar, imma wkoll għaliex kultant jingħad illi hemm min irid jestendi l-kunċett taż-żwieġ mhux biss bejn mara u raġel – esperjenza li nsibuha f’kull kultura – , imma wkoll bejn tnejn ta’ l-istess sess. Meta bħala Knisja, biex niddefendu ż-żwieġ u l-familja ngħidu li mhux sew li jkun hemm rikonoxximent ġuridiku li jekwipara dawn l-esperjenzi ma’ esperjenza ta’ żwieġ u familja, bl-ebda mod ma nkunu qegħdin inħeġġu xi forma ta’ diskriminazzjoni. Għax għarfien bħal dan huwa biss dissoluzzjoni tax-xbieha tal-persuna umana, il-mara u r-raġel, li n-natura u l-liġi naturali tiddisponihom ħalli jgħixu r-relazzjoni tagħhom f’għaqda intima ta’ mħabba fiż-żwieġ. Jekk aħna nċedu għal din il-pressjoni, fiċ-ċiviltà tagħna jkun hemm ċaħda ta’ dan il-kunċett tad-dinjità tal-persuna umana.

Nibnu ċiviltà aktar umana permezz tal-Vanġelu

Dawn huma ftit punti li jiena slitt mill-ittra ta’ San Pawl lir-Rumani, kompendju tat-tagħlim nisrani, u li nimmaġina li kienet f’idejn San Pubbliju – li kellu sfida kbira biex jgħin ħalli l-kultura ta’ żmienu tinbidel f’waħda kristjana. Din ir-riflessjoni għamiltha mhux biex nagħmlu eloġju lil Pubbliju, imma biex nifhmu x’responsabiltà nġorru fuq spallejna jekk rridu nkunu kristjani nhux ta’ l-isem imma tassew.

Illum aħna wkoll imsejħin u mibgħuta biex fid-dinja tal-lum inwasslu l-Vanġelu tal-Karità. Il-karità mhix biss li ddaħal idek fil-but u tgħin lil ħaddieħor finanzjarament, imma wkoll li xxandar il-verità, anke jekk din il-verità tiswielna l-martirju. Pubbliju ma baqax lura milli jwassal il-Vanġelu. Hu kien lest ukoll li jogħqod għall-martirju. Aħna rridu nkunu determinati biex ngħixu l-esperjenza tal-martirju. B’dan il-mod, inkunu qegħdin mhux biss nippreservaw il-patrimonju li rċivejna minn San Pubbliju, imma nkomplu nwettqu l-ħidma tagħna f’pajjiżna u barra minn pajjiżna ħalli ċ-ċiviltà Ewropeja tibqa’ ċiviltà kristjana.