PJAGI F’ĠISEM GLORJUŻ
Omelija ta’ Mons Isqof Mario Grech waqt il-Funzjoni ta’ l-Acies, tal-Legion of Mary
Parroċċa Xewkija - 30 ta’ Marzu 2008

Nhar il-Ħadd 30 ta’ Marzu, fil-knisja parrokjali ta’ San Ġwann Battista fix-Xewkija sar l-Acies tal-Leġjunarji ta’ Marija, li kien presedut minn Mons Isqof Mario Grech. Hu wassal dan il-messaġġ:

PJAGI F’ĠISEM GLORJUŻ

Messaġġiera tal-qawmien ta’ Kristu
“Wara li smajt it-tħabbira ta’ l- Evanġelju (Ġw 20,19-31), nistħajjilna qisna l-knisja miġbura fiċ-ċenaklu, u Kristu li qam mill-mewt jinsab fostna u qed jgħidilna dak li qal lid-dixxipli: “Il-paċi magħkom. Kif il-Missier bagħat lili, hekk jien nibgħat lilkom”. Jekk dan nista’ ngħidu għal kull ġemgħa nisranija li llum tinġabar biex tiċċelebra Jum il-Mulej, b’qawwa ikbar ngħidu għalikom il-Leġjunarji li l-Leġjun ta’ Marija, bħala għaqda ta’ l-apostolat, jagħtikom il-mandat ħalli twettqu din ix-xewqa ta’ Kristu: “Kif il-Missier bagħat lili, hekk jiena nibgħat lilkom”. Kull ġimgħa, il-Leġjun jibgħatkom tnejn tnejn biex tagħmlu x-xogħol legjunarju.
Meta Kristu jibgħat lid-dixxipli, x’riedhom iwasslu lill-bnedmin ta’ żmienhom u ta’ żmienna? Fid-dawl tal-Evanġelju li għadu kif tħabbrilna nagħti waħda mit-tweġibiet: Kristu jibgħathom ixandru l-Qawmien tiegħu mill-mewt “Il-Mulej qam”! Din il-verità, li Kristu rebaħ il-mewt u kisser il-ktajjen ta’ kull dnub, jeħtieġ jismagħha anke l-bniedem tal-lum. Fl-apostolat tagħna u fid-diversi realtajiet li niltaqgħu magħhom fil-ħidma leġjunarja, aħna mibgħuta biex inxandru din il-Bxara t-Tajba mimlija ħajja u tama.

Pjagi f’ġisem glorjuż

Imma lid-dixxipli Kristu jgħidilhom iktar minn hekk. Wara li bil-preżenza tiegħu jikkonfermalhom li huwa qam mill-mewt, jurihom il-pjagi tiegħu. Qisu qiegħed jgħidilhom: “Dan il-ġisem fih il-marka ta’ l-imsiemer f’idejja u f’riġlejja, imma huwa ġisem glorjuż; dan il-ġisem għadda mill-mumenti tat-tbatija, mill-prova l-kbira tal-mewt tant li għandu fuqu s-sinjali ta’ din it-tbatija, imma madankollu huwa ġisem glorjuż għax rebaħ il-mewt”.

Aħna li aħna mibgħuta biex inxandru din il-Bxara t-Tajba tal-qawmien ta’ Kristu, jeħtieġ li ngħidu wkoll lill-bniedem tal-lum li l-ġisem ta’ Kristu fih il-pjagi, imma b’danakollu huwa ġisem glorjuż.

Qiegħed nirreferi mhux biss għall-ġisem fiżiku ta’ Kristu, imma għall-ġisem mistiku tiegħu li huwa l-Knisja. Anke l-Knisja, ladarba hija magħmula mill-bnedmin, għandha l-pjagi tagħha; imma dejjem tibqa’ ġisem glorjuż. Għalkemm hemm il-pjagi, nemmnu li dawn il-pjagi għad jingħalqu. Huwa għalhekk li lill-appostli dakinhar Kristu jgħidilhom ukoll: “Ħudu l-Ispirtu s-Santu. Id-dnubiet ta’ dawk li taħfru jkunu maħfura, u dnubiet ta’ dawk li żżommu ikunu miżmuma.” Il-pjagi tal-Knisja huma d-dnubiet tagħna.

Illum bgħattilkom “Ittra” li nqrat lill-kommunitajiet kollha, u nixtieqkom tirriflettu fuqha anke fil-jiem li ġejjin biex inkomplu nagħrfu l-kobor tal-Ħniena Divina. Jien spiċċajt din l-ittra b’appell biex f’dan iż-żmien ta’ tħejjija għal Pentekoste titolbu lill-Ispirtu s-Santu jgħin lill-Knisja f’Għawdex biex ma tibżax issejjaħ fuqha l-Ħniena Divina u ma tistħix tinżel fuq irkubbtejha quddiem Alla titolbu jsawwab il-balzmu tiegħu fuq il-grieħi tagħha.

Fil-Knisja hemm diversi pjagi; però nixtieq nagħmel riflessjoni fid-dawl ta’ l-ewwel Qari tal-lum, li jiddeskrivi lill-ewwel kommunità nisranija bħala dixxipli li jżommu sħiħ fit-tagħlim ta’ l-appostli, fl-għaqda ta’ bejniethom, u fil-qsim tal-ħobż u fit-talb (Atti 2,42). Jekk dawn huma t-tliet doti li jżejnu l-komunità nisranija, irridu ngħidu wkoll li meta dawn it-tliet elementi huma nieqsa, ikun hemm pjaga fil-Knisja.

Infatti, meta m’hemmx rabta mat-tagħlim ta’ l-appostli, jiġifieri meta nħaddnu jew inxerrdu tagħlim differenti minn dik id-duttrina li ħallewlna l-Appostli u s-suċċessuri tagħhom, din toħloq gerha fil-ġisem mistiku! Fejn il-komunjoni ekkleżjali fid-diversi livelli tagħha hija mfarrka, ikun hemm pjaga! Huwa fatt li għandna minn ħutna li jidhrilhom li jistgħu jgħaddu mingħajr ma jaqsmu l-ħobż flimkien u jitolbu flimkien fil-jum tal-Ħadd. Qed nirreferi għall-parteċipazzjoni tagħna fil-quddiesa. Sakemm aħna jkollna min minn ħutna Maltin li jittraskura ċ-ċelebrazzjoni tal-quddiesa, speċjalment il-quddiesa tal-Ħadd, dik tkun pjaga oħra. Anzi din il-pjaga tkun aktar serja jekk imbagħad ikun hemm min jiċċelebra l-Ewkaristija, imma ma jiċċelebrahiex kif suppost għax ma jagħmilx għażla bejn il-ħobż ta’ l-Ewkaristija u ħobż ieħor.

Ejjew fl-apostolat tagħna ma nibzgħux u ma nistħux nuru li dan il-“ġisem mistiku” għandu dawn il-pjagi. Imma nerġa’ ngħid: dawn huma pjagi ta’ ġisem glorjuż, fis-sens li huwa ġisem li għandu l-qawwa li jfejjaq dawn il-pjagi. Fejn kotor id-dnub, toktor fuq li toktor il-grazzja. Jekk aħna nkunu konxji ta’ dawn il-pjagi, nistgħu norganizzaw il-hidmiet ta’ l-apostolat tagħna aħjar. Hekk nippruvaw napplikaw il-mediċina u nfejquhom.

Jeħtieġ inkunu nsara kredibbli

Biex inkunu nistgħu nkomplu dan il-mandat li ħallielna Kristu meta bagħatna b’missjoni u biex l-apostolat tagħna jħalli l-frott jeħtieġ li nkunu komunità kredibbli. Meta d-dixxipli lil Tumas, li ma kienx magħhom meta Kristu dehrilhom għall-ewwel darba, qalulu: “Rajna l-Mulej”, huwa ma emminhomx. Għalfejn taħsbu li ma emminx? Jistax ikun li Tumas ma emminx għaliex min ikkomunikalu din il-Bxara t-Tajba ma kienx kredibbli biżżejjed? Xi kredibilità setgħu jispiraw f’Tumas id-dixxipli meta hu kien jaf li huma kienu dawk li abbandunaw lill-Mulej?

Għeżież tiegħi, jekk bħala Knisja kollha kemm hi – illum ngħid lilkom il-Leġjunarji – irridu nkunu effettivi, mhux biss irridu nwasslu messaġġ tajjeb u noffru mediċina ħalli jfiequ l-pjagi, imma rridu nkunu nsara awtentiċi u koerenti. Hekk il-messaġġ tagħna jkun msaħħaħ b’ xhieda li tagħmilna kredibbli. Xi drabi leġjunarju ma jħallix effett bil-kuntatt jew bil-ħidma tiegħu għax ma jkunx konvint hu nnifsu mill-verità evanġelika li jkun qed iwassal! Fejn m’kemmx koerenza bejn twemmin u ħajja pjuttost issir il-ħsara u, bħal ma seħħ lil Tumas, inħallu lil ħaddiehor fid-dubju!

Filwaqt li nirrikmandakom lill-Verġni mbierka, l-ewwel xhud tal-qawmien ta’ Kristu, inroddilkom ħajr ta’ l-apostolat fejjiedi li twettqu. Kull ċertu żmien nirċievi rapporti mill-Curiae u mill-Comitium tal-Leġjun u nkun nista’ nifli ftit kemm isir “xogħol leġjunarju”. Grazzi tal-ħidma ġeneruża tagħkom fis-saltna t’Alla. Inħeġġiġkom biex inkomplu naħdmu flimkien, għaliex il-bniedem tal-lum għandu bżonn li jisma’ l-aħbar li Kristu tassew qam mill-mewt u li lilna jseħibna fir-rebħa li huwa għamel fuq id-dnub.