IL-MINISTERU PROPRJU TAR-RAGĦAJ TAL-KOMUNITÀ NISRANIJA
Omelija fil-konċelabrazzjoni tal-Festa ta’ San Girgor il-Kbir
(Parroċċa Kerċem - 2 ta’ Marzu 2008)

Nhar il-Ħadd 2 ta’ Marzu 2008, Mons Isqof Mario Grech mexxa l-konċelebrazzjoni solenni tal-Festa ta’ San Girgor il-Kbir fil-Knisja parrokkjali ta’ Kerċem, li fiha ħabbar in-nomina ta’ Dun Brian Mejlak bħala l-kappillan il-ġdid ta’ l-istess parroċċa. L-isqof għamel din l-omelija.

IL-MINISTERU PROPRJU TAR-RAGĦAJ TAL-KOMUNITÀ NISRANIJA

Smajna l-Evanġelju tal-miraklu ta’ dak li twieled agħma u ġie jara (Ġw 9,1-41). Dan l-agħma tal-Vanġelu kellu din il-possibilità illi jew iħalli lil Kristu jersaq lejh u jagħtih id-dawl, jew jibqa’ taħt it-tmexxija tal-kapijiet tiegħu, tal-Fariżej li kienu għomja. U allura mhux biss jibqa’ fil-għama imma, kif jgħid il-Malti, it-tnejn jaqgħu fil-ħofra. Alla l-Imbierek, bħal Kristu li jersaq fuq l-agħma u joffrilu d-dawl, tant jinteressah minna illi hekk ukoll jagħmel magħna. Huwa mhux biss bagħtilna lil Kristu li qal: “Jiena huwa d-dawl tad-dinja”, imma jagħżel persuni u jsejjaħ minn fostna bnedmin li għandhom proprju l-missjoni li jmexxu lil min huwa nieqes mid-dawl.


Smajna fl-ewwel qari dwar l-għażla li Alla jagħmel ta’ David (1 Sam 16,1-13). Huwa jibgħat lil Samwel għand Ġesse ħalli minn fost uliedu jagħżel lil dak li kellu jkun is-sultan ta’ Israel biex, kif jgħid San Pietru fl-ittra tiegħu, “dak li ma kienx poplu jagħmlu poplu; lil dak li kien poplu mifrux jgħaqqdu u jagħtih identità. Alla jsejjaħ lil David ħalli jmexxi lil dan il-poplu u jgħaddih mid-dlam għad-dawl, mill-għama għad-dawl.

Dak li fl-istorja seħħ ma’ David, jien nara li wkoll seħħ ma’ San Girgor, għaliex proprju meta d-dinja kienet għadddejja minn żminijiet ta’ dlam, Alla sejjaħ lil Gregorju biex ikun huwa r-ragħaj, is-sultan, il-profeta u s-saċerdot ħalli jmexxi l-poplu ta’ Alla u biex imexxi l-Knisja Universali.

Jien nara li hemm xebħ bejn dak li ġara lil David u lil San Girgor. Meta Ġesse ntalab iġib quddiem Samwel lil dawk illi fosthom ippretenda li kien hemm il-magħżul ta’ Alla biex ikun midluk, intenzjonalment lil David ħallewh barra, moħbi fl-għelieqi jirgħa n-nagħaġ. L-istorja tgħidilna li anke San Girgor, meta ntebaħ illi l-poplu ried jagħżlu bħala ragħaj mar jinħeba u ħarab biex possibilment ma jidħolx għal din is-sejħa. Imma kif il-Mulej sab lil David, hekk ukoll sab lil Girgor. Kif David hadha kontra Golija, hekk ukoll S.Girgor kellu jikkumbatti lil  Agilulfo!

Kwalitajiet meħtieġa fir-rgħajja

L-Iskrittura tgħidilna li David kien tfajjel sabiħ, imżejjen b’ħafna kwalitajiet; u jien nistħajjel li dan it-tfajjel li trabba fuq il-għolja Celio, f’Ruma, wkoll kien tfajjel żagħżugħ, sabiħ u mżejjen b’dawk id-doti naturali u soprannaturali. Liema huma d-doti li kellu San Girgor?

Nagħmel riferenza għal dak li jgħid San Girgor stess meta jagħti indikazzjoni ta’ min għandu jkun ir-ragħaj. Fost il-kitbiet sbieħ tiegħu, San Girgor għandu dik li tissejjaħ ir-Regola Pastorali, ktieb li fih ħafna indikazzjonijiet li fihom livell għoli ta’ teoloġija u wkoll ta’ psikoloġija. F’dan il-ktieb, fost l-oħrajn, San Girgor jgħid li meta Alla jagħżel għalih ragħaj, isejjaħ wieħed li għandu dawk il-kwalitajiet li kellu Aron. Però, biex nifhmu dan, aħna rridu nkunu nafu l-Iskrittura! Fil-ktieb ta’ l-Eżodu nsibu li Mosè, fuq mandat li tah Alla, għażel lil Aron għas-servizz ta’ l-altar u allura kellu jkun ħieles minn dawn id-difetti: li ma jkunx agħma, zopp jew ħotbi.

Rigward l-għama, San Girgor, li kellu l-ħila speċjali kif jinterpreta l-Iskrittura, jgħid li Mosè ma fittixx wieħed li għandu biss il-kapacita viżwali, jiġifieri wieħed li kapaċi jara, imma wieħed li jista’ jara spiritwalment għax għandu l-viżjoni ta’ Alla u li għandu l-għajnejn spiritwali biex bihom jippenetra l-misteru ta’ Alla.

Alla lil Mosè jgħidlu jagħżel wieħed li mhux zopp; u San Girgor fl-interpretazzjoni tiegħu jgħid li dan ma jfissirx li qed jirreferi għal difett fiżiku biss, imma jfisser wieħed li għandu riġlejh sodi u muskolatura tajba biex ikun jista’ jagħmel passi sodi f’direzzjoni tajba, għaliex dan irid imexxi lil oħrajn fid-direzzjoni t-tajba li jindikalna Kristu, li jgħid: ‘Jiena huwa t-triq’.

Alla lil Mosè jgħidlu: “għażel wieħed li mhux ħotbi”. San Girgor jinterpreta dan billi jgħid li biex wieħed jidħol għall-uffiċċju ta’ ragħaj, jeħtieġ li ma jkunx mgħobbi bil-piżijiet u l-preokkupazzjonijiet tad-dinja, biex ikun jista’ jingħata kollu kemm hu għas-servizz ta’ Alla u tal-poplu tiegħu.

Lil Mosè Alla jgħidlu wkoll li jrid ikun “bniedem li jxomm”; u San Girgor jinterpreta dan bħala l-fakultà li biha il-magħżul ta’ Alla jkun kapaċi jagħmel dixxerniment: li wieħed ifittex li jara x’inhi r-rieda ta’ Alla u fejn hemm ir-rieda ta’ Alla.

Alla lil Mosè jgħidlu li l-maghzul m’ għandux ikollu dabra bajda fuq għajnejh!. San Girgor ifisser dan billi jgħid li ma jridx ikun bniedem supperv, imma wieħed li bl-umiltà kollha jagħraf jitbaxxa bħalma għamel Kristu; bl-umiltà kollha jinżel bħalma “Kristu li kien Alla ma qagħadx ifittex tiegħu li huwa daqs Alla, imma tneżża’ minn kollox u sar bniedem bħalna f’kollox”.

Dawn il-kwalitajiet li San Girgor jikkumenta fuqhom meta jitkellem dwar l-għażla tar-ragħaj jeħodhom minn test fl-Iskrittura. U ladarba li dak li kiteb ħareġ mill-konvinċiment tiegħu, tant li kien hemm min qal li l-kitbiet tiegħu huma l-awtobijografija tiegħu, jiġifieri rifless tiegħu nnifsu, ikollna nikkonkludu li huwa għex dak li kiteb dwaru u kien ħieles minn dawn il-mankanzi u d-difetti, tant li naslu biex ngħidu li bħal David San Girgor kien “sbejjaħ”.

Il-kura ta’ l-erwieħ u l-ħidma pastorali

San Girgor fil-ktieb tiegħu Regola Pastorali għandu iktar dettalji speċifiċi ta’ kif għandu jkun ir-ragħaj f’dak li għandu x’jaqsam mal-kura ta’ l-erwieħ u l-ħidma pastorali, li huwa jsejħilha ‘ars artium’.. Huwa jgħid li ma tistax timproviża biex inti tkun dak li tmexxi lil oħrajn. M’hijiex xi ħaġa li wieħed jivvvintaha dak il-ħin, imma hija frott ta’ kollaborazzjoni ma’ l-Ispirtu li jsawwar lill-persuna u jagħmilha idonja għall-uffiċċju ta’ ragħaj. San Girgor jgħid li dan huwa dmir importanti ħafna għalina r-rgħajja, għaliex daqskemm jista’ jagħmel ġid min għandu xi uffiċċju fil-Knisja daqshekk ieħor jista’ jagħmel deni u ħsara lill-poplu ta’ Alla. Hemm bżonn li kieku din it-tagħlima nisimgħuha lkoll kemm aħna, anke min għandu xi uffiċċju fil-Knisja, ħalli ma ssirx ħsara.

San Girgor jgħid li r-ragħaj irid ikun imżejjen b’dawk il-kwalitajiet fejn il-poplu ta’ Alla, “x’ħin iħossu mgħobbi bil-piż tal-ħajja, imur għandu qisu sejjer fi ħdan ommu”. Huwa juża din l-espressjoni biex juri li kif l-omm toffri dak il-kenn, l-imħabba u s-sigurtà lill-ulied, hekk ukoll għandu jagħmel ir-ragħaj. Huwa jkompli jgħid li “waqt li l-insara kollha huma qaddejja ta’ Kristu, ir-ragħaj huwa l-qaddej tal-komunità tal-qaddejja ta’ Kristu”. U allura jrid ikollu dak li San Girgor isejħlu ‘magisterium umilitatis’ – ir-ragħaj irid iħalli l-umiltà tkun l-għalliema tiegħu biex ikun jista’ jwettaq il-missjoni tiegħu bħala l-qaddej tal-komunità ta’ Kristu. Għalhekk nifhmu għaliex San Girgor baqa’ magħruf li kien jiffirma bħala ‘Il-qaddej tal-qaddejja ta’ Alla’.

Biex tissawwar din il-figura ta rgħajja fina, biex dan il-ministeru li mmexxu lil oħrajn mid-dlam għad-dawl u lil min huwa agħma nagħtuh id-dawl, huma meħtieġa diversi ħwejjeġ. Jien ser insemmi tlieta.

Predikaturi tajba

Dawk li Alla jsejħilhom biex ikunu gwida (‘rector’) iridu jkunu predikaturi tajbin. Huwa juża l-espressjoni ‘rector’ għaliex ir-riforma fil-Knisja tibda bix-xandir ta’ l-Evanġelju. X’ħin qrajt din l-espressjoni tant sabiħa, jien raddejt ħajr lil Alla li din is-sena fil-Pjan Pastorali tad-Djoċesi qiegħed nagħmlilkom sejħa: “Kunu ħbieb ta’ l-Evanġelju”. Dan jghodd  jekk aħna rridu nirriformaw il-Knisja; u meta nirriformaw lill-Knisja, nirriformaw anke lis-soċjetà li qegħdin ngħixu fiha. Għalhekk San Girgor jgħid li ladarba r-riforma fil-Knisja trid tibda bix-xandir ta’ l-Evanġelju, dak li huwa fl-uffiċċju tat-tmexxija jrid ikun predikatur tajjeb.

Huwa jgħid li “ma tistax tkun predikatur tajjeb jekk qabel ma tħallix il-kelma tikkonverti lilek, ħalli mbagħad tkun tista’ tirgħa lill-oħrajn”. Il-frażi sabiħa li huwa juża hija: ‘Evangelizzare pascere est’ – li tirgħa jfisser li xxandar il-Vanġelu. Imma biex ir-ragħaj ixandar il-Vanġelu, l-ewwel irid jagħmlu tiegħu billi jħallih jibdel lilu ħalli mbagħad il-kelma – imma iktar mill-kelma l-ħajja tiegħu! – flimkien mall-koerenza ikunu effettivi. F’dan ir-rigward huwa jgħid li min għandu dan l-uffiċċju ser jidħol għal ħafna attività, imma mbagħad irid iżewweġ il-ħajja attiva mal-ħajja kontemplattiva.

U hawnhekk naraw l-esperjenza li Gregorju kellu bħala reliġjuż Benedittin, fejn huwa jwaħħad il-mssjoni ta’ ragħaj mal-missjoni tiegħu ta’ monaku, għaliex altrimenti l-kelma tibqa’ magħluqa u ma toħroġx, u tħalli n-nies fil-għama jew inkella tkattrilhom l-għama tagħhom. Huwa jgħidilna li dan ma jfissirx li tkun intelliġenti, għax hemm dik li jsejħulha ‘docta ignorantia’. Huwa jsemmi l-każ ta’ saċerdot minn Norcia li ma kienx kapaċi jaqra u qatt ma qara l-paġni tal-Vanġelu, imma jgħid li kien wieħed mill-aqwa predikaturi għaliex ħalla lill-Ispirtu s-Santu jimlielu qalbu bl-imħabba biex din l-imħabba ikun jista’ jxandarha. Allura nistgħu ngħidu li ma tridx kwalitajiet straordinarji u ħiliet xjentifiċi, imma trid biss id-doċilità ta’ l-Ispirtu. San Girgor jgħid li r-ragħaj u l-predikatur irid ikollu dik il-ħila li jitkellem linġwaġġ li jifhmuh in-nies; in-nies jinbidlu u huwa jrid ibiddel il-lingwaġġ. Kif Eżekjel kien ibiddel l-ilbies tiegħu hekk kif jidħol u joħroġ fit-tempju, hekk il-predikatur irid ibiddel il-kliem tiegħu biex ikun jista’ jwassal il-Bxara t-Tajba lill-oħrajn.

Il-virtù tal-kompassjoni

Kwalità oħra li jsemmi San Girgor hija l-kompassjoni – il-mogħdrija u l-imħabba li għandu jkollu minn għandu uffiċċju fi ħdan il-poplu ta’ Alla. Filwaqt li huwa jeżorta għal dan, jgħid ukoll li dak li għandu jsir b’ġustizzja m’għandekx tagħmlu bil-ħniena u l-kompassjoni. Jiġifieri lir-rgħajja qiegħed jgħidilhom li fejn hemm l-inġustizzja din trid tissewwa b’ġustizzja u mhux bil-ħniena. Ħafna drabi aħna nużaw il-kompassjoni biex qisu nfejjqu l-inġustizzja li nagħmlu aħna stess. Mentri m’huwiex hekk, għax dak li għandu jsir b’ġustizzja m’għandux jitwettaq bħala opra ta’ ħniena. Huwa jgħid ukoll li hija ħafifa toħroġ idejk biex tgħin lill-fqir, imma huwa iktar impenjattiv li wieħed mhux biss jgħinhom imma li jerfa’ fuq spallejh it-tbatija tagħhom. Lili dan ifakkarni fil-qaddej sofferenti li huwa Kristu, li refa’ fuqu d-dnubiet kollha tagħna. U din hija l-missjoni tagħna r-rgħajja kif jimmaġinaha San Girgor.

Li San Girgor kellu ħniena u mħabba lejn il-foqra jirriżulta mill-istorja tiegħu, kif rappreżentata anke fl-ikoni li jżejnu din il-knisja. Huwa kien jagħmel ikla darba fil-ġimgħa li għaliha kien jistieden tnax mill-foqra ta’ Ruma u kien jaħslilhom idejhom qabel jibdew jieklu. Darba waħda ma’ dawk it-tnax kien hemm ieħor u staqsa lilu nnifsu min kien dak. L-interpretazzjoni hija li dak kien anġlu; qisu konferma min-naħa ta’ Alla għall-karità li kien jagħmel. Hemm interpretazzjoni iktar sabiħa għal dan. Jgħidu li darba kien hemm wieħed fqir u San Girgor iltaqa’ miegħu u tah platt tal-fidda li ommu Sylvia kienet tibgħatlu l-ikel fih. Dan il-fqir miet bil-ġuħ u San Girgor x’ħin ra din l-istorja quddiemu tant ħass li għamel jiem sħaħ ma jqaddisx, u dan għax ħass li ma kienx huwa li ġablu l-mewt imma għax b’xi mod jew ieħor huwa naqas milli jintervieni biex dik il-persuna ma tmutx. Daqshekk kienet kbira l-kompassjoni tiegħu u daqshekk trid tkun kbira l-kompassjoni tagħna!

Il-virtù tas-silenzju

L-aħħar kwalità li ser insemmi hija dwar is-silenzju. Ir-ragħaj irid ikun persuna li tagħraf il-valur tas-silenzju u fl-istess ħin titkellem b’mod elokwenti u sod. U dan ifakkarni f’dak li tgħid l-Iskrittura: “Hemm żmien li titkellem u żmien li tiskot”. San Girgor jgħid li daqskemm it-tpaċpiċ żejjed jagħmel il-ħsara – u dan japplika għal kulħadd, daqshekk ieħor ssir ħsara jekk għandek id-dmir li titkellem u tibqa’ sieket. Huwa jħeġġeġ lir-rgħajja biex jibqgħu siekta meta għandhom jibqgħu siekta, imma jitkellmu meta għandhom jitkellmu.

Hawnhekk, biex jagħmlilna kuraġġ, huwa jitkellem mill-esperjenza ta’ Pentekoste u jgħid li meta l-Ispirtu s-Santu niżel f’dawk l-ilsna tan-nar fuq l-appostli, huwa tahom id-don ta’ l-elokwenza; u allura jħeġġeġ lir-rgħajja biex ma jibqgħux siekta x’ħin għandhom jitkellmu imma jitkellmu x’ħin għandhom jitkellmu. Jekk xi ħadd ma jibżax minn Alla, lanqas aħna ma għandna nibżgħu nkellmuh f’isem Alla. Xi drabi tassew ninhakmu mill-omertà. Hemm biża’ eżaġerat illi jagħlaq fomm il-profeta u fomm in-nisrani. Hawnhekk ukoll huwa jġib tixbiha u jgħid: kif l-qassis il-kbir x’ħin kien jidħol u joħrog fis-santwarju kien jilbes libsa li mdendlin magħha kellu l-ġlieġel tad-deheb, u allura kien jagħmel il-ħsejjes għax altrimenti jmut, hekk ukoll il-fomm tar-ragħaj irid jitkellem sew jekk ikun dieħel fit-tempju u sewwa jekk ikun ħiereġ mit-tempju, għax jekk ma jitkellimx imut.

X’qed infittxu fir-rgħajja spiritwali?

Imma nistħajjilkom tgħidu: imma għalfejn dalgħodu l-Isqof tagħna qiegħed ikellimna b’dan il-mod? L-ewwelnett għax hekk tispirani l-kelma ta’ Alla li għadna kif smajna flimkien fis-Salm Responsorjali: “Il-Mulej huwa r-ragħaj tiegħi, xejn ma jonqosni”. U x’figura iktar f’postha minn San Girgor, ragħaj tal-Knisja universali, tista’ tispirani biex nagħmel din il-meditazzjoni!

Imma hemm raġuni oħra għaliex intom għandkom id-dritt li jkollkom ir-rgħajja. Imma intom, x’tistennew mir-rgħajja u xi kwalitajiet qegħdin tfittxu fihom? X’tistennew minnhom? Qegħdin tfittxu fihom dak il-ġmiel li kien imżejjen bih San Girgor, jiġifieri dawk il-kwalitajiet li minnhom tkellimt illum, jew qegħdin nfittxu kwalitajiet oħra li ħafna drabi jirriflettu iktar l-bżonnijiet tagħna bħala bnedmin milli l-bżonnijiet tagħna bħala dixipli ta’ Kristu?

Vokazzjonijiet u formazzjoni għas-saċerdozju

Qiegħed ngħidilkom dan biex intom, għeżież tiegħi, titolbu għalina li fix-xejn tagħna l-Mulej afdalna din il-missjoni li nkunu gwida tagħkom għas-servizz u t-treġija tagħkom. Itolbu għaliha, u meta ngħid għaliha nifhem ngħid għal dawk il-kollaboraturi kollha tiegħi, imma partikularment għas-saċerdoti kollha għaliex ilkoll jikkondividu miegħi l-missjoni tiegħi ta’ ragħaj, u allaħares m’għandix lilhom! Nistqarr magħkom li jien preokkupat bil-problema tan-nuqaas ta’ vokazzjonijiet.

Imma anke nħoss li għandi nagħmel preċiżazzjoni għax hawn min jgħid li ladarba l-Knisja hija preokkupata bin-nuqqas ta’ vokazzjonijiet, għaliex ma taċċettax lil kull min jitlob li jsir saċerdot? u għaliex ikun hemm min jiġi mwaqqaf mis-superjuri fis-Seminarju?

Ir-raġuni hija għaliex aħna nitolbu ’l-Mulej jagħtina d-dawl ħalli naraw li min qed jitlob li jipparteċipa fil-ministeru ta’ ragħaj ikollu dawk il-kwalitajiet li jagħmluh idonju bħala ragħaj, għax jekk ma jkollux il-kwalitajiet meħtieġa nkunu nagħmlu ħsara lilu u lill-poplu ta’ Alla. Intom taħsbu li aħna daqshekk irresponsabbli li jkun hemm vokazzjoni u ser inwaqqfuha? Ma tafux kemm ngħaddu minn mumenti ta’ tbatija biex ikollna nieħdu ċerti deċiżjonijiet! Dan qiegħed ngħidulkom għax ċertu diskors taqrawh u tisimgħuh, u huwa sewwa li intom ikollkom risposta għalih.

Kappillan ġdid!

Però qiegħed ngħid dan għal raġuni oħra li hija partikulari għalina l-komunità f’din il-parroċċa ta’ Kerċem. Kif ktibtilkom fil-messaġġ tiegħi fir-rivista, għaddejna minn żmien ftit imqalleb għaliex konna merħla mingħajr ragħaj, imma l-Mulej tana dawl biex saċerdot mid-djoċesi, wara riflessjoni u talb, aċċetta li jkun amministratur parrokkjali. Illum, wara li jien flimkien miegħu komplejna nagħmlu d-dixxerniment meħtieġ, ninsab f’pożizzjoni biex fid-dawl ta’ dan kollu ngħidilkom li l-kappillan il-ġdid tagħna huwa Dun Brian Mejlak. Jien m’għandix dubju mill-kwalitajiet u mill-ġmiel ta’ dan is-saċerdot, għaliex fi żmien qasir tana prova li għandu ħafna minn dak li tkellimt minnu. Filwaqt li nirringrazzja lilek, għażiż Dun Brian, nirringrazzja ukoll lill-ġenituri tiegħek hawn preżenti għall-ġenerożità tagħhom mal-Knisja u ma’ din il-komunità parrokkjali. U lilkom, għeżież Kerċmin, nitlobkom biex tkomplu titolbu għalina ħalli nkunu rgħajja għall-qalb ta’ Kristu, u biex aħna nitgħallmu dawk il-kwalitajiet li jitkellem minnhom San Girgor.