Mons Isqof jiltaqa’ ma’ Reliġjużi Maltin f’Ġerusalemm

[Show picture list]

Nhar il-Ħadd 17 ta’ Frar wara nofs nhar, l-Isqof Mario Grech kellu laqgħa fraterna ma’ xi wħud mir-reliġjużi Maltin u Għawdxin li jinsabu fit-Art Imqaddsa. Uħud joqogħdu Ġerusalemm stess, waqt li tnejn waslu minn Betlem u soru oħra ġiet minn Nazaret. Fost dawk preżenti kien hemm Fr Aurelio Mulè Stagno SDB, Patri Noel Muscat OFM, Sr Mary Borg, Sr Tiburzia Cilia, Sr Fedelina Galea (Sorijiet Franġiskani tal-Qalb ta’ Ġesù), Sr Maria Grech (Sorijiet Franġiskani Missjunarji ta’ Marija), Sr Carmen Farrugia (Sisters of Our Lady of Sion), Sr Josephine Barbara u Sr Patricia Crockford (Sisters of Saint Joseph).

Din il-laqgħa kienet parti minn pellegrinaġġ li Mons Isqof għamel fl-Art Imqaddsa bejn l-10 u t-18 ta’ Frar 2008.


Matul din il-laqgħa, li saret fid-dar tas-Sorijiet Franġiskani tal-Qalb ta’ Ġesù, l-Isqof tkellem personalment mar-reliġjużi li fissrulu l-ħidma varja li huma qed iwettqu hemmhekk: fosthom ta’ min isemmi ħidma ta’ għalliema fl-iskejjel, fl-isptarijiet bħala infermiera, ħidma fil-kura ma’ l-anzjani, ħidma pastorali fil-ħabs, u min imexxi ċentru ta’ pastorali għall-familja.

Kien preżenti wkoll Dun Anton Teuma, saċerdot Għawdxi, li bħalissa qed jagħmel is-sena sabbatika fĠerusalemm. Għal din il-laqgħa attenda wkoll il- Konslu Ġenerali għal Malta Julio Mario Blankleder.

Matul iż-żjara tiegħu f’Nazaret, l-Isqof għamel żjara lil Sr M. Antoinette du St. Esprit, soru Maltija li ilha tgħix ħajja klawstrali fil-Karmelu għal dawn l-aħħar 63 sena.