Mons Isqof Mario Grech jiċċelebra t-tieni anniversarju mill-konsagrazzjoni episkopali tiegħu

Iktar ritratti minn hawn

Il-bieraħ, it-Tlieta 22 ta’ Jannar Mons Isqof Mario Grech iċċelebra t-tieni anniversarju mill-konsagrazzjoni episkopali tiegħu. Numru kbir ta’ saċerdoti u diversi lajċi nsara ngħaqdu miegħu fil-Knisja tar-Ragħaj it-Tajjeb, Victoria għal quddiesa ta’ radd il-ħajr. Preżenti wkoll għal din l-okkażjoni kien hemm Mons Nikol Cauchi, Isqof Emeritu, li kien ikkonsagra lil Mons Mario Grech bħala l-isqof suċċessur tiegħu.

F’rabta mal-qari tal-quddiesa, meħud mill-festa ta’ San Pubbliju, Mons Isqof irrefera għall-miġja ta’ San Pawl fostna u għall-kapaċità ta’ l-Appostlu li jdakkar il-kultura ta’ dak iż-żmien bil-Vanġelu ta’ Kristu, bl-Aħbar it-Tajba. Mons Isqof kompla li din għandha tkompli tkun il-ħidma tal-Knisja llum f’pajjiżna, kemm tas-saċerdoti kif ukoll tal-lajċi, li, bħal ħmira, itejbu l-għaġna tas-soċjetà u jgħinu biex tinbena kultura mibnija fuq dak li hu tajjeb u veru, u fl-istess waqt tissaffa minn dak li hu ħażin u ta’ dannu għall-ġid veru tal-bniedem u ta’ l-istess soċjetà.

Wara l-quddiesa, animata b’kant sabiħ mill-kor ta’ l-istess knisja “Fraternitas”, Mons Isqof Mario Grech qasam kejk ta’ l-okkażjoni flimkien mas-saċerdoti u l-familjari tiegħu. Iil-quddiesa kienet imxandra fuq l-istazzjonijiet ta’ Radju RTK u Radju Marija.