Messaġġ tal-Milied ta’ Mons. Isqof Mario Grech (Diċembru 2007)

It-twelid ta’ Ġesù – aħbar ta’ ferħ veru għal kull bniedem

nativityofjesus.jpgIl-Milied dalwaqt magħna! Madwari nara ħafna attività u tiżjin, li mingħajr ebda dubju joħloq ambjent ta’ ferħ u festa. Din hi x-xewqa li hemm fil-qalb tal-kotra f’dan iż-żmien. Ftit jiem ilu xi ħadd bagħatli kartolina tal-Milied u kitibli messaġġ li ġagħalni naħseb. Din il-persuna kitbitli li għaliha ż-żmien tal-Milied huwa żmien ta’ dwejjaq kbar. Faċli għal ħafna minna li f’dawn il-festi “niskru” bil-festeġġjamenti u ninsew li ħdejna u madwarna hawn individwi li f’dawn il-jiem jgħaddu minn tbatija kbira!

Min jistgħu jkunu dawn il-persuni? Huma dawk li tilfu lil xi ħadd mill-familjari tagħhom; huma xi ġenituri li jixtiequ jaraw lil uliedhom aħjar, imma kważi qatgħu qalbhom minnhom; huma aħwa li ma humiex jitkellmu ma’ xulxin; huwa dak iż-żagħżugħ li qed jassisti lill-maħbuba ta’ ħajtu fuq is-sodda tal-mard tagħha; huwa dak in-negozjant li għandu diffikultajiet finanzjarji kbar; hija dik il-mara ttraduta mill-persuna li tħobb; hija dik il-persuna li għandha dubji ta’ fidi, jew trid tinfatam mid-dnub tagħha imma ssib li hija inkapaċi. Filwaqt li ħafna jistennew li jasal il-Milied, din il-kategorija ta’ persuni li semmejt u oħrajn bħalhom jixtiequ “jħassru” din il-festa mill-kalendarju!

Dawn huma l-foqra tal-lum – mhux għax ma għandhomx flus, imma għax huma foqra fil-kundizzjoni umana tagħhom!Imma lil dawn il-persuni li jaħsbu li l-Milied m’huwiex għalihom, nixtieq ngħidilhom li l-Milied huwa proprju l-festa tagħhom! Għax bit-twelid tiegħu, Ġesù “xejjen lilu nnifsu billi ħa n-natura ta’ lsir u sar jixbaħ lill-bnedmin” (Fil 2,7). Huwa ftaqar mhux biss biex ikun fqir bħall-foqra u mal-foqra, imma biex lill-foqra jgħinhom jirbħu l-“faqar” tagħhom! Il-kelma tiegħu għandha qawwa li tlibbes lill-bniedem imneżża’ mid-dinjità tiegħu, li timla bl-imħabba l-qalb maqsuma, li tfawwar bit-tama li min tilef il-kuraġġ, li terġa’ tqajjem għall-ħajja li min tilef kull ħajra li jgħix! Il-ġrajja tal-Milied tfakkar it-twelid tal-Feddej! Iċ-ċelebrazzjoni tagħna f’din l-okkażjoni tkun duħħan jekk ma nagħrfux napprofittaw minn din il-laqgħa ma’ Ġesù tarbija u ma nħalluhx idewwaqna l-qawwa tiegħu. Aktar ma nkunu fqar u dgħajfa, aktar nistgħu nagħmlu esperjenza tal-ħelsien li jagħtina Ġesù.Dawn huma l-awguri tiegħi għal kulħadd, partikularment għal dawk li l-Milied se jsibhom f’sitwazzjoni ta’ dwejjaq, imsieħba bit-talb u l-barka tiegħi.