WordPress database error: [MySQL server has gone away]
SELECT * FROM wp_users WHERE ID = '1' LIMIT 1
WordPress database error: [MySQL server has gone away]
SELECT * FROM wp_users WHERE ID = '1' LIMIT 1
WordPress database error: [MySQL server has gone away]
SELECT * FROM wp_addressbook ORDER BY surname,first_name
Il-Prostituzzjoni
Il-bierah filgħaxija, il-Ħamis 6 ta’ Diċembru, l-Isqof t’Għawdex Mons. Mario Grech, f’quddiesa pontifikali li mexxa fil-parroċċa tas-Siġġiewi fl-okkażjoni tal-festa liturgika ta’ San Nikola, wassal dan il-messaġġ
“L-imħabba ta’ Alla ssuqna”
San Pawl jgħidilna li “l-imħabba ta’ Alla ssuqna” (ara 2 Kor 5,14). Liema mħabba? Dik l-imħabba li dehret fostna fi Kristu u li aħna sejrin niċċelebraw it-twelid tagħha ftit tal-jiem oħra; hija l-imħabba li saħħret tant bnedmin, fosthom lil San Nikola. Jiena konvint li hija din l-imħabba divina li tkompli tisseduċi lilna lkoll. Nixtieq nagħmel din ir-riflessjoni dwar kemm din l-imħabba ta’ Alla qegħdin nilqgħuha fis-safa tagħha u dwar kemm aħna qegħdin nikkorrispondu għaliha b’imħabba daqstant awtentika.
Meta nitkellmu dwar dan is-suġġett jiġini f’moħħi u f’qalbi dik it-tixbieħa li juża Kristu u li nsibu f’tant partijiet ta’ l-Iskrittura. Ġesù jitkellem minnu nnifsu bħala l-“għarus”, u jgħid: “Il-ħaddara ta’ l-għarus se jsumu meta l-għarus ikun għadu magħhom, jew meta jitteħdilhom?” (ara Lq 5,34-35)
Nistgħu ngħidu li din ir-relazzjoni ma’ Alla, mxebbħa ma’ relazzjoni ta’ mħabba li hemm fl-għerusija u fiż-żwieġ, insibu riferenza għaliha fl-Evanġelju ta’ San Ġwann fir-rakkont tal-ġrajja ta’ Kana, kif ukoll fil-parrabola ta’ l-għaxar xebbiet, dawk il-ħamsa boloh u l-ħamsa għaqlin. Din ir-relazzjoni ta’ mħabba li għandu jkun hemm bejna u bejn Alla hija relazzjoni mxebbħa ma’ relazzjoni bejn żewġ għarajjes – bejn tnejn li jinħabbu.
Jiena naf li dwar il-patrun tagħkom tafu ħafna, imma almenu jien ser nirriferi għall-istorja mill-ħajja tiegħu bit-tama li tgħin lili u lilkom nidħlu f’relazzjoni ta’ mħabba ma’ Alla. Hemm storja sabiħa rrappreżentata anke fl-ikonogorafija – u qed nara li anke l-istatwa sabiħa ta’ San Nikola tirrappreżentawha f’dawk it-tliet boroż tad-deheb. L-istorja tgħid li kien hemm raġel li kellu tliet xebbiet li kienu waslu fl-età taż-żwieġ; huwa ma kellux ġid biex jagħtihom id-dota u allura ma setax iressaqhom għaż-żwieġ. Għalhekk telaqhom jiġru mat-triq ħalli jingħataw lil dak u lill-ieħor. Hekk kienu ser jingħataw għall-prostituzjoni. L-Isqof Nikola ta’ Mira jinduna b’dan u jintervjeni biex b’xi mod jakkwista xi deheb, għamel tliet boroż u ta waħda lil kull waħda minn dawn. Hekk lil dawn it-tliet xebbiet ħelishom milli jipprostitwixxu ruħhom u milli jidħlu fi storja ta’ taħlit u ta’ infedeltajiet.
Nitlob lil San Nikola biex lilna, li aħna msejħin biex ngħixu din ir-relazzjoni ta’ mħabba lejn Alla, jeħlisna mit-tentazzjoni reali u vera li nipprostitwixxu rwieħna! Anke fl-Iskrittura, il-profeta Ħosegħa jsejjaħ lill-poplu ta’ Alla “mara żienja”. Dan għaliex għakemm il-poplu ta’ Alla kien magħzul u msejjaħ biex jidħol f’din ir-relazzjoni ta’ mħabba ma’ Alla, f’mumenti ta’ l-istorja tiegħu deherlu li kellu jagħti wiċċ lil allat oħra. Din l-infedeltà tiegħu lejn Alla wasslet lill-profeta biex ixebbħu ma’ mara żienja: jekk qed ngħid “mara” tat-triq, nista ngħid ukoll “raġel” tat-triq!
Kif San Nikola ħadha kontra l-prostituzzjoni, hekk in-nisrani llum jehtieg li jgħasses kontra tliett tipi ta’ prostituzzjoni.
Prostituzzjoni bħala tali
Aħna m’aħniex ħielsa minn din it-tentazzjoni. Nafu kemm żdiedu l-flaġelli tal-familja u tas-soċjetà frott il-prostituzzjoni. Qed nuża l-kelma “prostituzzjoni” fis-sens wiesgħa tagħha li tinkludi kull xorta ta’ relazzjoni intima illeċita, bħalma hija l-infedeltà u l-“partner swapping”. Din l-imġieba immorali hija ta’ dannu kbir għall-istess individwi, għall-koppji, għall-familji u għas-soċjetà. Kull min huwa responsabbli fis-soċjetà għandu jagħti każ din il-kultura ġdida ta’ zmienna li qed tiffavorixxi dan it-taġlit. Ilkoll kemm aħna jeħtieġ nagħmlu eżami tal-kuxjenza u nużaw ir-raġuni – u fejn ma tasalx ir-raġuni nirrikorru għand Alla! – biex naraw jekk din l-imġieba skorretta hijiex skond id-dinjità tal-persuna u jekk hijiex ta’ ġid jew ta’ deni.
Meta nitkellmu dwar infedeltajiet nistgħu nagħmlu diskors aktar wiesgħa. Nistgħu nitkellmu dwar inizjattivi illi jittieħdu biex taparsi nilqgħu kontra xi epidimiji; imma fil-fatt dawn l-istess inizjattivi jistgħu jkunu interpretati bħala tolleranza jekk mhux ukoll approvazzjoni ta’ imġieba soċjali.
Għalhekk nitolbu lil San Nikola biex jipprovdielna waħda minn dawk it-tliett boroż li għandu ħalli naġixxu qabel ma jkun tard wisq. L-imħabba ta’ Alla għandha ssib l-espressjoni tagħha fil-ħajja u fl-imħabba ta’ bejn il-koppja u fil-ħajja tal-familja.
Prostituzzjoni reliġjuża
Il-prostituzzjoni reliġjuża sseħħ meta nħawdu l-veritajiet tar-reliġjon nisranija ma’ twemmin ieħor preżenti fis-soċjetà tagħna u nibdew inqisu r-reliġjonijiet kollha l-istess. Dan ifisser li aħna m’aħniex ħielsa mit-tentazzjoni li nixxennqu għal esperjenzi reliġjużi oħrajn, u allura naqgħu fl-infedeltà tagħna lejn Alla u nibdlu lill-maħbub tagħna. Dan huwa fenomenu li bil-mod il-mod qiegħed iserrep anke fil-Knisja tagħna. Hemm it-tentazzjoni li nibdew nikkunsidraw it-tagħlim kattoliku bħala wieħed inferjuri jew relattiv. Is-supervja tagħna, li ma tħalliniex nilqgħu b’umiltà dak li jrid jgħidilna Alla permezz tal-Knisja tiegħu, tista’ twassalna biex ngħoddu ċerti teoriji tagħna bħala assoluti, u dan b’esklużjoni jew f’kuntrast mat-tagħlim ta’ l-Evanġelju kif imfisser mill-Maġisteru.
F’pajjiżna l-lajċiżmu huwa reliġjon relattivament ġdida, meta l-bniedem qed iħoss li ma għandux jagħmel referiment għal Alla. Niltaqgħu ma’ ċirkustanzi fejn min jistqarr li huwa kattoliku huwa pprojbit milli jesprimi l-fehma u l-pożizzjoni tiegħu, imbagħad min għandu twemmin ieħor jew ma għandu l-ebda twemmin, dan igawdi l-kredenzjali kollha u l-kelma tiegħu tqantar. Dan f’isem il-lajċità! Ma għandi xejn kontra l-lajċità, imma meta f’isem il-lajċità min jistqarr xi twemmin reliġjuż jiġi eskluż, dan isir lajċiżmu li kapaċi jkun dommatiku aktar mir-reliġjon nisranija bid-dommi tal-fidi li tħaddan. Tajjeb illi wieħed jiftaħ għajnejh dwar din “ir-reliġjon”, għax hemm il-possibiltà li nitħajru minnha u allura hekk inkunu nipprostitwixxu rwieħna.
San Nikola jaf xi jfisser meta l-fidi nisranija titħallat ma’ twemmin ieħor. Immorru sat-Turkija fejn għex San Nikola u naraw x’fadal minn dak li kien il-fjur tal-komunità nisranija! X’garanzija għandna li s-sinjali kristjani li għandna aħna ser jibqgħu fostna?
Il-prostituzzjoni kulturali
Il-prostituzzjoni kulturali tivverifika ruħha meta nitħajru ndakkru l-kultura nazzjonali tagħna, li hija msawra b’valuri umani u nsara – ippruvati mill-esperjenza –, ma’ tendenzi u kurrenti li huma bla valuri jew imsejsa fuq valuri ħżiena. Xi drabi, meta qed nagħmluha ma’ kulturi oħra u nikkupjaw minn għandhom, bħal fil-każ tal-life styles, inkunu qegħdin niġbru l-karfa tagħhom u narmu l-qamħ tagħna! M’aħniex ngħidu li l-kultura m’għandhiex tikber, imma għandha tiżviluppa b’mod koerenti u li ma tikkontradixxix l-identità tagħna bħala Maltin. Naħseb li dan l-isforz nistgħu nagħmluh ma’ ħafna minn ħutna, anke ma’ dawk li m’humiex konvinti kristjanament, għaliex ħafna mill-patrimonju tagħna huwa mibni fuq valuri umani.
Għalhekk lil San Nikola nitolbuh “borża” oħra biex jeħlisna mir-riskju illi ħwejjeġ li jleqqu jisirqulna moħħna u qalbna; aħna nafu li mhux kull ma jleqq huwa deheb.
Nikkontribwixxu biex nibnu soċjetà fidila lejn Alla
Għeżież tiegħi, l-imħabba ta’ Alla dehret fostna! L-imħabba ta’ Alla ssuqna! Minn qalbi nixtieq li tkun din il-motivazzjoni tal-ħajja personali, familjari u ekkleżjali tagħna: bħalma kien San Nikola, hekk aħna nkunu attenti mhux biss biex ma nċedux għal dan il-periklu tal-“prostituzzjoni”, imma wkoll biex jekk naraw “missier” li ċ-ċirkustanzi tal-ħajja jġibuh f’sitwazzjoni li jissagrifika l-ogħla don tiegħu, jigifieri l-ħajja ta’ wliedu, aħna nkunu lesti biex nikkontribwixxu ħalli s-soċjetà tibqa’ fidila lejn Alla, u dik ir-relazzjoni bejn Kristu, l-għarus, u l-poplu tiegħu, tibqa’ bla mittiefsa.