Preżentazzjoni tal-Vanġelu lill-Istudenti ta’ l-Iskola Sekondarja Agius De Soldanis

Illum il-Ġimgħa 30 ta’ Novembru 2007, fl-iskola sekondarja tal-bniet Aguis De Soldanis, ir-Rabat Għawdex, saret ċelebrazzjoni tal-Kelma ta’ Alla li fiha saret il-preżentazzjoni tat-Testment il-Ġdid lill-istudenti tal-Form I.

Għaċ-ċelebrazzjoni, li tmexxiet mir-Religious Counsellor Fr Mark Demanuele MSSP flimkien ma’ l-equipe pastorali ta’ l-istess skola, kien preżenti Mons Isqof Mario Grech li ta l-Ktieb tal-Vanġelu lil dawn l-adolexxenti li fix-xhur li ġejjin se jirċievu s-Sagrament tal-Konfirmazzjoni fil-parroċċi tagħhom.

Waqt din iċ-ċelebrazzjoni l-istudenti għamlu powerpoint presentation dwar il-fejqan ta’ l-agħma ta’ Ġeriko, silta meħuda mill-Evanġelju ta’ San Ġwann (Kap 9).

Matul iċ-ċelebrazzjoni Mons Isqof wassal messaġġ u stieden lill-istudenti preżenti biex jagħmlu minn kollox sabiex il-Kelma ta’ Alla ma tibqax xi ħaġa miktuba bħal ħafna kotba l-oħra li jistudjaw minnhom, imma ħeġġiġhom biex din il-Kelma jisimgħuha bil-ġabra u jpoġġuha fil-prattika fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum. Mons Isqof fakkar lil dawk preżenti li matul din is-sena pastorali l-Knisja f’Għawdex qed tagħmel sejħa lill-insara kollha sabiex jimpenjaw iktar lilhom infushom ħalli jsiru ”Ħbieb ta’ l-Evanġelju’, kif xtaq ħafna San Ġorġ Preca mill-insara kollha ta’ pajjiżna.