L-abort huwa qtil

STQARRIJA TA’ L-ARĊISQOF TA’ MALTA
U L-ISQOF TA’ GĦAWDEX
 

L-abort huwa qtil

L-ewwel dritt u l-iktar fundamentali tal-bniedem huwa d-dritt għall-ħajja.  Min ma jibqagħlux il-ħajja ma jista’ jgawdi l-ebda dritt jew benefiċċju ieħor f’din id-dinja.

Għalhekk, għalina li nemmnu, għandna nirringrazzjaw lill-Mulej tar-rigal tal-ħajja li huwa tana.  Permezz ta’ dan ir-rigal nistgħu ngawdu l-ħolqien u l-mixja tagħna f’din id-dinja.  Minħabba f’hekk ukoll aħna għandna d-dmir li niddefendu l-ħajja ta’ kull bniedem, u l-aktar ta’ dawk li huma dgħajfa u ma jistgħux jiddefendu lilhom infushom.

Il-Knisja tgħallem li l-ħajja tal-bniedem jeħtiġilha ħarsien u rispett sa mill-ewwel mument ta’ l-eżistenza tagħha.  Għalhekk kull abort li jkun frott tar-rieda tagħna huwa moralment ħażin.  Is-Sid tal-ħajja huwa Alla u ebda liġi tal-bniedem jew rieda tal-poplu ma tista’ tibdel dan il-fatt.

Aħna, bħala Rgħajja tal-poplu Malti qed inħossu r-responsabbiltà li nfakkru dan.  L-abort mhuwiex għażla.  L-abort huwa qtil.  L-abort mhuwiex dritt.  L-abort huwa caħda ta’ dritt.  L-abort mhux ta’ ġid għas-soċjetà.  L-abort huwa qerda tal-bniedem u tas-soċjetà ċivili.

Inħeġġu lil kull min hu nisrani veru biex iħaddan din il-verità b’mod sħiħ. 

Inħeġġu lil kull nisrani biex jaħdem ħalli dan ikun ukoll fil-qafas tas-soċjetà Maltija.  Irridu nifirħu u nkunu kburin fil-protezzjoni tat-tarbija fil-ġuf.  Pajjiżna hu differenti minn pajjiżi oħrajn anke jekk ikun waħdu.  L-ewwel komunità nisranija kienet tiftaħar li kienet differenti fid-dinja Lhudija u Rumana fil-valuri li kien taha Sidna Ġesù Kristu.

Nappellaw lill-Maltin u l-Għawdxin ħutna biex jitolbu lill-Mulej jagħtina d-dawl tal-grazzja tiegħu biex nibqgħu ngħożżu dan id-don tal-ħajja kif ukoll ngħinu lil kull min isib ruħu f’diffikultà u jkun qed jaħseb biex jagħmel jew ġa għamel abort.  Nappellaw ukoll lill-membri tal-professjoni medika u paramediċi biex iwettqu l-missjoni tagħhom favur il-ħajja u s-saħħa tal-bniedem bil-fedeltà u jgħinu lill-bnedmin isibu l-fejqan u mhux il-mewt, u nitolbu wkoll lill-Mulej jgħinhom fit-twettiq ta’ din il-missjoni.
PAWL CREMONA O.P.     
Arċisqof ta’ Malta 

MARIO GRECH
Isqof ta’ Għawdex