Nemmnu fit-tajjeb li hemm f’kull bniedem (Assemblea Azzjoni Kattolika, 19 ta’ Ottubru 2007)

Nhar is-Sibt 19 ta’ Ottubru 2007, Mons Isqof Mario Grech mexxa l-konċelebrazzjoni fl-għeluq ta’ l-Assemblea ta’ l-Azzjoni Kattolika fl-okkażjoni tal-Ftuħ tas-Sena Soċjali 2007-2008, u għamel din l-omelija: 
 

Nemmnu fit-tajjeb li hemm f’kull bniedem

Il-parabola li jirrakkonta Kristu fl-Evanġelu tal-lum (Lq 18,1-8) tista’ u għanda tispirana f’diversi affarijiet.
Il-ħtieġa tat-talb
L-ewwel ispirazzjoni li nieħdu hija dwar it-talb; tema li nagħmlu sew nirriflettu dwarha għaliex llum il-ġurnata fost ħwejjeġ oħra donnu qegħdin nitilfu wkoll il-fiduċja tagħna fit-talb, fis-sens illi ftit nagħrfu l-valur ta’ dawk il-mumenti li fihom aħna npoġġu lilna nfusna fil-preżenza ta’ Alla. Għandna ħin għal kollox barra ħin biex nitolbu, u sfortunatament ħadd minna m’huwa ħieles minn din it-tentazzjoni, l-ewwel wieħed fostkom jiena, aħna s-saċerdoti u intom il-lajċi.
Ilkoll kemm aħna jeħtieġ nifhmu kemm hija meħtiega l-ħajja tat-talb, speċjalment għalina li aħna impenjati fl-apostolat, għalina membri fl-Azzjoni Kattolika msejħin biex inwettqu azzjoni kattolika fil-ħajja tagħna ta’ kuljum. Jekk ma nkunux imqawwijin mill-ħajja tat-talb – u t-talb ispirat mill-Kelma ta’ Alla, ftit nistgħu nkunu effettivi fil-ministeru u fl-apostolat tagħna. 
Lejn soċjetà li tneħħi l-inġustizzji
Imma l-parrabola ta’ l-imħallef inġust tispirani bi ħsieb ieħor. Dik il-mara armla tirrapreżenta wkoll lil dawk il-bnedmin li b’mod jew ieħor qegħdin isofru xi forma ta’ inġustizzja. Aħna nafu li fl-Iskrittura r-romol, flimkien mal-foqra u l-iltiema, jirrappreżentaw kategorija ta’ dawk li huma mċaħħdin mid-drittijiet tagħhom. Alla l-Imbierek jippreżenta lilu nnifsu bħala dak li jiddefendi liż-żgħir, lill-iltim, lill-fqir u lir-romol. Din is-sitwazzjoni kienet preżenti l-bieraħ, hija preżenti llum u tibqa preżenti għada. 
Jien nara li lilna tiftħilna viżjoni fil-bidu ta’ din is-sena soċjali biex nagħtu każ iktar ta’ dawk ħutna li bħall-armla ta’ l-Evanġelju qegħdin ibatu xi forma ta’ inġustizzja. Dawn għandhom ix-xewqat proprja tagħhom, imma xewqathom m’humiex rispettati lanqas minn min suppost qiegħed hemm biex iwettaq ġustizzja. Għax l-Evanġelju jitkellem minn uffiċċju li suppost qiegħed hemm biex jagħmel ġustizzja! Imma nħoss li din l-armla kienet temmen li dan l-imħallef inġust, għalkemm ma kienx qiegħed jagħmel dak li kellu jagħmel, kellu l-possibiltà li jagħraf it-tajjeb u jagħmel it-tajjeb; din l-armla, minkejja t-tbatija li kienet iġġarrab, emmnet illi l-bniedem f’mument jew ieħor, jekk ngħinuh u ndawwluh, kapaċi jagħraf x’inhu ġust jew inġust, x’inhu t-tajjeb minn dak li huwa ħażin, x’inhi l-verità minn dik li hija gidba. U din l-armla rnexxielha tagħmel dan, għax għat-talb mingħajr ma jaqta’ tagħha l-imħallef għaraf jagħmel ġustizzja magħha. 
Jekk aħna qegħdin ngħixu f’sitwazzjoni simili għal din, għandna din il-missjoni illi nippruvaw bl-apostolat tagħna nagħrfu ngħinu lil ħutna l-bnedmin joħorġu dak it-tajjeb li hemm fihom, u ngħinuhom jiżviluppaw il-potenzjal pożittiv li hemm fihom ħalli jekk jista’ jkun ma jkollniex iktar persuni li jġarrbu din it-tbatija frott l-inġustizzja.
Minn fejn ser inġibu dik il-qawwa u d-dawl biex inkunu din il-ħmira fis-soċjetà, biex bi kliemna u għemilna nikkontribwixxu għal soċjetà iktar umana li tirrispetta tassew lill-bniedem? 
Mill-Kelma ta’ Alla għall-ħidma ta’ evanġelizzazzjoni
Fil-Pjan Pastorali li qegħdin nipproponu bħala djoċesi għal din is-sena – u li ġie spjegat lilkom il-lejla mis-Segretarju Pastorali, qegħdin nistednukom biex inkunu ‘Ħbieb ta’ l-Evanġelju’. Dan huwa f’sintonija mat-tema magħżula mill-Azzjoni Kattolika għal din is-sena: ‘Il-Kelma ta’ Alla tistedinna biex niġġeddu’. 
Bil-ħsieb li aħna nikbru f’din l-attitudni, qegħdin nipproponu l-ikona tat-Tħabbira ta’ l-Anġlu lil Marija. Marija hija dik li kkontemplat il-Kelma, dik li rċiviet il-Kelma u ħolqot spazju fiha biex il-Kelma tgħammar fiha, u permezz tagħha din il-Kelma tas-salvazzjoni tasal għand l-oħrajn. Wara li kellha din l-esperjenza mal-Kelma, Marija timtela bil-ħeġġa biex titlaq minn Nazaret u tmur għand il-qariba tagħha Eliżabbetta, vjaġġ li nistgħu ninterpretawh bħala l-ewwel vjaġġ missjunarju li għamlet Marija; vjaġġ li fih Marija wettqet l-ewwel apostolat tagħha. Hekk ukoll aħna, jekk irridu nkunu din il-ħmira fis-soċjetà tagħna, irridu nwettqu l-missjoni tagħna fid-dinja. 
F’dan il-jum dinji ta’ talb għall-missjonijiet, nixħtu ħarsitna fuq dawk il-pajjiżi fejn il-Knisja għadha qed tibda l-preżenza tagħha, f’dawk il-pajjiżi fejn Kristu għadu mhux magħruf. Fl-istess waqt però jkollna nammettu li hemm waqtiet fejn anke f’pajjiżna u fit-toroq tagħna hemm bżonn ta’ ħidma missjunarja u ta’ xandâra tal-Bxara t-Tajba illi jħabbru lil Kristu, peress li anke fostna hemm dawk li huma mbegħdin minn Alla, minn Kristu u mill-Knisja tiegħu. Anke fostna jeżistu dawk il-kategoriji tal-foqra, tar-romol, ta’ l-orfni li rridu nagħtu każ tagħhom. Imma biex aħna nwettqu din il-ħidma missjunarja fil-bogħod u fil-qrib, ma nistgħux ma ngħaddux minn dik l-ewwel fażi tal-meditazzjoni tal-Kelma kif għamlet Marija f’Nazaret. L-ewwel irridu nixtarru l-Kelma, nitolbu bil-Kelma, nistudjaw il-Kelma ta’ Alla, imbagħad inħallu li din il-kelma toħroġna fit-toroq tagħna biex inwettqu din il-ħidma missjunarja, bil-ħsieb u x-xewqa li jkollna soċjetà li tegħleb kull forma ta’ ħażen u ta’ inġustizzja. 
Nemmnu fil-bniedem
Għalhekk, filwaqt li nirringrazzjakom għall-preżenza tagħkom fid-diversi ċirkoli ta’ l-Azzjoni Kattolika, inħeġġiġkom biex nibdew sena oħra li matulha nkomplu nimmaturaw spiritwalment u kristjanament, filwaqt li nikbru fl-ispirtu ta’ talb. Permezz ta’ l-Azzjoni Kattolika, li din is-sena qed tipproponilna programm ta’ formazzjoni imnebbaħ mill-Kelma ta’ Alla, aħna niksbu dik il-formazzjoni meħtieġa biex inwettqu din il-ħidma missjunarja fid-dinja, u bħall-armla ta’ l-Evanġelju nagħtu l-kontribut tagħna biex kull bniedem, ħażin kemm huwa ħażin, jingħata l-possibiltà li jħalli ż-żerriegħa tal-verità tiżviluppa u tikber, filwaqt li nkomplu wkoll bl-impenn tagħna ħalli jkollna ambjent u soċjetà li fiha ntaffu dak kollu li jtaqqal il-ħajja tagħna l-bnedmin.