L-ESKATOLOĠIJA
Ħajja bla skop?
Il-bniedem fl-era postmoderna, l-era tagħna, għamel itinerarju f’ħajtu, itinerarju mentali fil-baħħ. Dan hu dak illi fil-filosofija jissejjaħ in-Niħiliżmu, il-baħħ, ix-xejn. U minn dan il-kurrent inħakem mhux biss il-bniedem tal-kontinent Ewropew, imma anki l-bniedem fil-gżira tagħna. Anki aħna, għeżież tiegħi, aħna esposti għal dan ir-riskju kbir illi, jew diġà dħalna jew nistgħu naqbdu dan l-itinerarju mentali tax-xejn.
X’irrid infisser b’dan? Irrid infisser illi ngħixu ħajja mingħajr skop, jew aħjar, mingħajr skop aħħari. Għax ikollna skopijiet immedjati, imma m’humiex ankrati f’din il-viżjoni aħħarija. Ifisser illi m’għandniex futur u ngħixu f’dak li bit-Taljan insejħulu futur breve, “il-futur qasir”. U aħna għandna espressjoni bil-Malti: “naraw biss sa mneħirna”. Ma narawx lil hinn fid-dawl ta’ dan il-futur veru, il-futur aħħari. Dan il-kurrent tal-ħsieb ma jafx jagħti tweġiba għal ħafna “il-għaliex” u jħalli ċerti domandi sospiżi, u jasal f’mument fejn lanqas jibqa’ jagħmilhom ċerti domandi. Imma għaliex? Għaliex dan? Għaliex dik? Naturalment huma domandi eżistenzjali, domandi li jmissu l-qalba ta’ l-eżistenza tagħna individwali u tagħna bħala soċjetà.
Relaltiviżmu etiku u dekadenza morali
Huwa kurrent illi jwassal għal dak li jsejħulu relativiżmu etiku. Jiġifieri illi m’hemmx punti fermi illi norbtu magħhom, imma kulħadd kif jaqbillu. Ngħidu aħna, dak li hu negozju faċli li jiġi ttrasformat f’serq. Jew eżempju fil-ħajja familjari: wieħed ma jirrispettax ir-regoli tan-natura u r-regoli tal-Vanġelu fuq il-ħajja taż-żwieġ… u x’jimporta illi nkisser żwieġ u nidħol f’relazzjoni oħra, u qisu m’hu xejn! Din il-forma ta’ ħsieb vojt twassal għal ħafna xettiċiżmu. U l-ħajja tagħna tkun inċerta u m’għandna xejn sod fejn immiddu l-passi tagħna. Dan it-tip ta’ ħsieb iwassal biex nikkorrompu l-viżjoni tad-dinja u l-viżjoni tal-bniedem.
Dan jiena ninterpretah fir-realtà tagħna. U din hija waħda mir-raġunijiet għalfejn jiena nħoss illi f’dawn il-mumenti, għeżież tiegħi, mumenti solenni ħafna – u jiena nkun magħkom bħala isqof tagħkom – għandi nkellimkom. Qed inkellimkom mill-qalb tiegħi ta’ isqof tagħkom. Għalhekk għażilt – u forsi ma niżlitx lil kulħadd – illi f’dawn, nerġa’ ngħid, il-mumenti sbieħ li huma l-qofol tal-ħajja tal-komunità parrokkjali, inkellimkom jien, nagħmel riflessjoni jien fil-quddiesa pontifikali… ħalli intom tkunu tafu fejn qed tħabbat il-qalb ta’ l-isqof tagħkom. Forsi qed nagħmel lettura m’hix eżatta tar-realtà? Imma niggarantilkom illi din hija r-riflessjoni li qed issir fil-kontinent, u aħna xejn m’aħna ’l bogħod. Jiena nħoss illi tirrifletti l-ħajja tagħna.
Għalfejn ħassejt illi għandi nkellimkom fuq dan il-punt, proprju meta qiegħed magħkom, wieħed minnkom, biex niċċelebra din il-festa f’ġieħ San Ġorġ martri? Għaliex nara xebħ bejn is-soċjetà tagħna u s-soċjetà li kien jgħix fiha Ġorġi ta’ Lidda. Anki f’dak iż-żmien kien żmien fejn il-poplu kien mingħalih jagħti qima lil Alla; kellu ħafna allat, imma ma kienx kapaċi jagħraf lil Alla veru, dak Alla veru illi ħaddan San Ġorġ tagħna. Kienet soċjetà fejn kien hemm dekadenza morali, anki fil-ħajja pubblika. Kienet soċjetà fejn kien hemm kriżi ta’ tmexxija, kriżi politika, għaliex kien hemm reġim totalitarju, bil-lingwaġġ tal-lum, fil-persuna ta’ Djoklezjanu. Kienet soċjetà fejn kien hemm għatx għall-ġustizzja, għatx għal ħajja dinjituża li tixraq lill-bniedem. Kienet soċjetà illi kienet nieqsa mill-fundamenti, minn dawk il-punti fermi. Kienet soċjetà li tara biss sa mneħirha. U f’dan il-kuntest jiena nara tilma din l-“istilla” li lilha qegħdin nagħtu ġieħ, lil Ġorġi tagħna.
Għeżież tiegħi, irid ikollna daqsxejn viżjoni wiesgħa ta’ kif il-martri ta’ Kristu, f’liema kuntest taw ix-xhieda tagħhom. F’realtà bħal dik, u bħal din tagħna, x’jgħallimna San Ġorġ? L-istorja tgħidilna – l-istorja tal-Knisja – illi diġà fi żmien San Ġorġ, min ried jagħmel esperjenza intima ta’ Kristu seta’ jieħu l-eżempju ta’ San Anton abbati, ngħidu aħna, u jgħix ħajja fl-eremitaġġ, ’il bogħod mid-dinja. Seta’ jidħol f’dak il-moviment tal-monastiċiżmu, ukoll moviment illi huwa distakkat mill-ħajja tad-dinja. Imma San Ġorġ m’għamilx din l-għażla. Din nafuha b’ċertezza. San Ġorġ m’għażilx illi jirtira mid-dinja ħalli hemmhekk ikun jista’ jitgħaxxaq bil-ġmiel ta’ Kristu. Imma għażel it-triq l-oħra: illi jkun preżenti fid-dinja. Għażel illi jassumi uffiċċju bħala tribun fil-milizzja ta’ Djoklezjanu. Imma jien persważ illi dan għażlu għax kellu motivazzjoni, kien konxju illi r-realtà soċjali ta’ żmienu kellha bżonn ta’ proposta. U San Ġorġ, għalkemm swietlu – kellu jħallas prezz għoli –, jagħżel illi jkun fid-dinja imma ma jkunx tad-dinja.
Żewġ prinċipji teoloġiċi
U dak li mmotivah jien nista’ nfissru b’żewġ prinċipji konċiljari li fuqhom huwa mibni dokument importanti tal-Konċilju Vatikan II: Il-Knisja fid-dinja ta’ llum. Kellu storja daqsxejn interessanti dan id-dokument, anki t-titlu: “Il-Knisja u d-dinja”. Kien hemm min riedu qishom żewġ poli opposti għal xulxin. Imma, jien ngħid, l-Ispirtu s-Santu nebbaħ lill-Padri Konċiljari biex jagħtuna isem li fih programm: Il-Knisja fid-dinja tal-lum… id-dinja, minkejja l-konnotazzjonijiet negattivi tagħha. U x’inhuma dawn iż-żewġ prinċipji illi huma bażiċi għal din il-kostituzzjoni u, jien ngħid, huma l-motivi moħbija, impliċiti ta’ San Ġorġ?
Hemm dik li tissejjaħ id-dimensjoni kristika tal-kreat: illi naraw il-ħolqien fid-dawl ta’ Kristu. San Pawl jgħid: “Kollox kien maħluq bih u għalih”, bi Kristu u għal Kristu… kollox. U allura fil-kreat, fl-univers, fid-dinja tagħna kollox għandu fih l-impronta u n-nostalġija għal Kristu… impronta u nostalġija moħbija, ħafna drabi. Imma f’kollox hemm iż-żerriegħa tal-veru, tat-tajjeb, tas-sabiħ. U hu għalina illi b’impenn serju ħafna, b’impenn għaref, aħna nagħmlu dixxerniment u valutazzjoni tad-dinja ta’ madwarna, biex fid-dawl tar-Rivelazzjoni noħorġu din id-dimensjoni fid-dinja, dimensjoni moħbija u xi drabi miċħuda, innegata.
Il-prinċipju l-ieħor, bażiku għall-Gaudium et Spes, – u jien irrid narah ukoll fil-qaddis tagħna San Ġorġ – huwa d-dimensjoni kożmika ta’ l-Inkarnazzjoni, li toħroġ minn assjoma tal-Patristika fejn il-Padri jgħallmu illi dak li ma ġiex assunt mill-Verb Inkarnat m’hux salvat. Imma ladarba s-salvazzjoni ta’ Kristu tħaddan lil kulħadd, hemm din id-dimensjoni universali tal-fidwa li ġab Kristu, m’hemm xejn, m’hemm l-ebda sitwazzjoni fil-ħajja, ħażina kemm hi ħażina, illi ma tistax tiġi redenta, illi ma tistax tiġi mifdija. San Pawl: “Kollox jgħix bih”; jew fl-ittra tiegħu lir-Rumani jgħid illi “l-ħolqien qiegħed jitniegħed bl-uġigħ tal-ħlas ħalli jagħraf ir-Rivelazzjoni ta’ wlied Alla”. Il-ħlejjaq kollha qed jistennew illi jkollhom din ir-Rivelazzjoni.
Għeżież tiegħi, taħsbu illi nkunu qegħdin nagħtu interpretazzjoni azzardata jekk ngħidu illi dawn iż-żewġ prinċipji kienu janimaw il-qalb Kristjana ta’ dan it-tribun ta’ Lidda, hu li kien mhux biss ġarrab il-qawwa tal-fidwa ta’ Kristu, imma emmen illi Kristu Feddej kellu tweġiba anki għal Djoklezjanu? Anzi Kristu Feddej kien it-tweġiba għas-soċjetà korrotta ta’ żmienu. San Ġorġ żgur li kien konvint illi anki fid-dinja ta’ madwaru, pagana, kien hemm ħjiel tat-tajjeb, kien hemm ħjiel tal-veru. U allura ma eskluda lil ħadd, anki lit-tiranni, anki lil dawk li kienu jippersegwitaw lill-insara, bit-tama – u ma ninsewx illi t-tama hija l-karatteristika tan-nisrani – illi b’dan id-djalogu mad-dinja jirnexxielu joħroġ dan it-tajjeb li hemm fil-bniedem. U hekk ikun hemm restawrazzjoni tal-kreat.
U dak li qed ngħid għal San Ġorġ irrid ngħidu għalina lkoll, għeżież tiegħi. Hemm bżonn li aħna, b’katekeżi iktar serja u impenjattiva, li mbagħad ikollha anki ċ-ċelebrazzjoni tagħha, aħna nixtarru sew dawn iż-żewġ dimensjonijiet fis-soċjetà li qegħdin ngħixu: id-dimensjoni kristika tal-kreat – m’hawn l-ebda realtà umana illi ma tistax tiġi mifdija; u d-dimensjoni kożmika ta’ l-Inkarnazzjoni – m’hawn l-ebda esperjenza umana, għeżież tiegħi, illi m’hix disposta ħalli tirċievi l-fidwa li ġabilna Kristu.
“L-uffiċċju eskatoloġiku”
Aħna nistgħu nagħżlu t-triq illi nisseparaw irwieħna mid-dinja. Aħna nistgħu nagħlqu għajnejna u ngħidu, “inħallu d-dinja tieħu l-kors tagħha”. Imma nkunu qed nagħmlu dnub kbir. Huwa l-Konċilju illi jindikalna t-triq: Il-Knisja fid-dinja tal-lum. U l-Knisja tkun preżenti fid-dinja tal-lum jekk aħna, bħal San Ġorġ, ninserixxu rwieħna fil-qafas tas-soċjetà tagħna, basta fis-soċjetà tagħna l-preżenza tagħna tkun preżenza Kristjana u effettiva, anki jekk dan jiswielna prezz għoli, bħalma sewa lill-martri San Ġorġ.
Imma x’inhi l-proposta li aħna għandna nagħmlu lil din il-kultura li medhija biss fil-preżent, li m’għandhiex din l-apertura għall-futur ultimu? Ir-risposta hija waħda: illi aħna nxandru l-bxara eskatoloġika, jiġifieri illi aħna b’konvinzjoni nitkellmu mad-dinja fuq veritajiet illi d-dinja jew ma tafhomx – anki f’pajjiżna hawn min ma jafhomx; tista’ tinstema’ stonata, imma hekk hi – jew ma tridx tismagħhom… jiġifieri li hemm ħajja oħra, għeżież tiegħi; illi hemm għamajjar fid-dar tal-Missier għalina lkoll; illi rridu nagħtu kont ta’ għemilna quddiem l-Imħallef ġust li huwa Alla l-imbierek.
Qabel fil-Katekiżmu konna nitkellmu minn dawk li jissejħu n-Novissmi. Ma tkunx ħaġa ħażina illi nerġgħu nieqfu nirriflettu fuqhom, għax ipoġġuna ftit f’postna jekk irridu. Mela t-teologu Protestant Karl Barth jgħid illi fis-seklu dsatax, li kien immarkat bil-liberaliżmu, l-“uffiċċju eskatoloġiku għalaq”… Qisna qed ngħidu: l-uffiċċju tal-VAT għalaq! L-“uffiċċju eskatoloġiku għalaq”, ħadd ma baqa’ jirrikorri għandu, anzi mbarrawh, għax id-diskors fuq il-ħajja l-oħra ma baqax jagħmel sens. Tgħid l-“uffiċċju eskatoloġiku” fid-djoċesi tagħna miftuħ jew magħluq?!
Imbagħad it-teologu von Balthasar ikompli jibni fuq din il-metafora u jgħid: “Imma għadda s-seklu dsatax, u l-uffiċċju eskatoloġiku kellu jerġa’ jiftaħ… mhux biss jerġa’ jiftaħ, imma jaħdem bl-overtime, bil-ħin straordinarju!”. Għax kien dan l-“uffiċċju” illi seta’ jagħti tweġiba bis-sens lill-moħħ mitluf tal-bniedem wara l-baħħ. U nistaqsi: l-“uffiċċju eskatoloġiku” tagħna qed jaħdem bil-ħin straordinarju? Qegħdin infittxuh? Fi kliem ieħor, qegħdin aħna nixtarru dawn il-veritajiet tal-ħajja ta’ dejjem illi jagħtu tifsira totalment differenti lill-ħajja tal-bniedem u jgħinuh jiskopri dak li m’għandux illum?
Il-ħsieb ta’ l-eternità jdawwal il-ħajja tal-bniedem
U hawnhekk nerġa’ nitfa’ l-ħarsa tiegħi fuq l-istatwa sabiħa u devota li żżejjen dan it-tempju ta’ San Ġorġ. U nitlob lil Alla biex xħin illum iddur it-toroq ta’ beltna, il-ħarsa ta’ tant nies minn gżiritna u minn bnadi oħra, xħin tistrieħ fuq San Ġorġ, jaqraw fih dak li jgħid San Injazju ta’ Antjokja. San Injazju, meta kien sejjer għall-martirju, u dawk li kienu jħobbuh ippruvaw iwaqqfuh, qalilhom: “Ħalluni mmur għall-martirju, ħalli nsir Kelma ħajja, Kelma intelliġibbli ta’ Alla għall-bniedem tal-lum”. U jien dak li nixtieq f’din l-għodwa, f’din il-ġurnata, illi San Ġorġ, bil-martirju tiegħu, ikun Kelma ħajja, intelliġibbli, għall-bniedem tal-lum, illi huwa skjav tal-mentalità ta’ żmienna, vittma tal-mentalità ta’ żmienna.
X’inhi din il-Kelma ħajja? Li kieku San Ġorġ ma kellux ċari fil-menti u l-qalb tiegħu l-veritajiet eskatoloġiċi, minfejn kien sa jġib il-forza biex joqgħod għall-martirju? X’sens fiha li wieħed jissagrifika ħajtu, jekk mhux għax jemmen illi meta nagħtu ħajjitna, meta ħajjitna tmut, aħna nqumu għall-ħajja ta’ dejjem? U allura jiena ma nistax nissepara lill-martri San Ġorġ mill-Misteru Paskwali ta’ Kristu, li huwa ċ-ċavetta tad-diskors eskatoloġiku. U bir-raġun, San Pier Damiani, meta jitkellem fuq il-festa tal-martirju ta’ San Ġorġ, jgħid li “quddiemna għandna ġawhra illi tingasta tajjeb bil-ġmiel tagħha fil-kuruna kollha deheb tal-Misteru Paskwali ta’ Kristu”. Għaliex San Ġorġ, u bħalu l-martri kollha, bil-martirju tagħhom jerġgħu jxandrulna din il-verità eskatoloġika: li aħna rridu ngħaddu għal għand Alla l-imbierek.
U jekk aħna ngħixu f’din il-prospettiva, jekk aħna l-futur veru tagħna jkun futur miftuħ għal Alla, kemm jinbidlu r-realtajiet! Mur fejn wieħed marid, mur fejn persuna marida – u marida serjament – u ara jekk tibdilx ħafna drabi r-raġunament tagħha? Għaliex? Għaliex tibda tara ħajjitha fil-verità. Allura għandna bżonn aħna noqogħdu nistennew – jekk għandna x-xorti li nistennew, għax hemm min lanqas għandu l-ħin li jistenna l-mewt – biex nibdew nagħmlu din il-konverżjoni? Jekk aħna nitkellmu mill-futur, għeżież tiegħi, qed nitkellmu fuq programmazzjoni umana. Imma jekk qegħdin nitkellmu fuq l-eskatoloġija, allura qegħdin nitkellmu mill-futur ta’ Alla għall-bniedem.
U t-teologu Sanna juża espressjoni oħra. Jgħid illi hemm bżonn nidħlu fil-“cantiere eskatoloġiku”. Il-cantiere huwa dak il-post fejn joħolqu ħwejjeġ ġodda. U jekk aħna rridu noħolqu ċiviltà ġdida għal umanità ġdida, ma nibżgħux nidħlu f’dan il-“cantiere eskatoloġiku”. Jekk aħna rridu noħolqu kuxjenza ġdida, kuxjenza Ewropea, kuxjenza nazzjonali, imma kuxjenza li tagħmel ġieħ lill-bniedem, ma nibżgħux bħalma ma beżax San Ġorġ jagħmel din il-proposta, il-proposta eskatoloġika.
Din il-proposta toħroġ mill-fidi tagħna, mill-imħabba tagħna, imma wkoll mill-impenn tagħna biex nagħtu servizz għall-ġid komuni. Kieku bħala komunitajiet insara – għeżież tiegħi, ħa nitkellem magħkom – ikollna dejjem quddiem għajnejna din il-verità, kieku l-ħajja individwali u soċjali tagħna tkun ferm aħjar.
U nerġa’ npoġġilkom żewġ punti prattiċi. Il-ħajja familjari. Jien nistaqsi: min qiegħed iħawwad, bi skandlu għal ħaddieħor, fil-ħajja matrimonjali? Kieku jkollu quddiem għajnejh dan il-futur eskatoloġiku żgur illi jirrivedi l-pożizzjoni tiegħu. Jien ma nistax nifhem – qed inkellimkom bħala isqof tagħkom – kif qegħdin nimxu tant malajr max-xejriet tad-dinja, dinja li fissirt fil-bidu, meta daqshekk malajr qegħdin nibdlu l-valuri tal-ħajja tagħna.
U jekk tkellimt fuq il-ħajja matrimonjali, irrid ukoll ngħid kelma fuq dik li hija d-diċenza pubblika, għeżież tiegħi: l-onestà fl-ilbies. Nittama ma jkunx hawn xi ħadd jgħid: l-isqof tagħna kemm hu moħħu magħluq! Qed nitkellem bl-ikbar responsabiltà. Barra l-iskandli, ma nissottovalutawx il-ħsara li ssir proprju minħabba l-ħajja laxka f’dik li hija l-modestja, id-diċenza. U mhux ħa ngħid id-diċenza fil-knisja, għax jien dan id-diskors ma nifhmu xejn, ma nifhmux… Jien ma nagħmilx separazzjoni bejn knisja u l-pjazza, għax qed nitkellem mill-istess persuni. Allura kif tispjegawli illi għandna “kodiċi” ta’ kif nilbsu għall-knisja, jekk inħarsuh – għax jiena l-arċiprieti jgħiduli kemm huma ppreokkupati fuq din, speċjalment meta jkun hemm ċerti ċelebrazzjonijiet – u mbagħad għandna “kodiċi” ta’ lbies ieħor għal barra? Mela aħna mhux l-istess ġisem? Mela aħna mhux l-istess persuna, għeżież tiegħi? Ma nimxux max-xejriet tad-dinja, imma nagħtu testimonjanza, anki b’ilbiesna, illi aħna nemmnu f’din il-proposta eskatoloġika.
Il-preżenza ta’ l-insara fid-dinja tal-lum
Li kieku kien jgħix fostna San Ġorġ, taħsbu intom illi ma kienx jinkwieta meta jara dan kollu fis-soċjetà tagħna? Għalhekk, jekk irridu li ċ-ċelebrazzjonijiet sbieħ li nagħmlu jkunu ċelebrazzjonijiet li fihom tifsira, u li jibdluna bil-mod il-mod minn sena għall-oħra, għeżież tiegħi, nimpenjaw lilna nfusna ħalli l-ewwel u qabel kollox ma nċedux għal dik il-pressjoni biex aħna nidħlu f’dan l-itinerarju mentali tal-baħħ. Nifhmu iktar il-vokazzjoni tagħna bħalma fehemha San Ġorġ: illi l-preżenza tagħna, doveruża, hija preżenza fid-dinja. U tkunu fejn tkunu, speċjalment intom il-lajċi, agħmlu l-preżenza tagħkom tinħass, imdawlin minn dawk iż-żewġ prinċipji li tkellimna minnhom. Fl-istess ħin, fuq l-eżempju ta’ San Ġorġ martri, inkunu minn dawk illi bil-kelma, imma iktar milli bil-kelma, bl-azzjonijiet tagħna, nibagħtu messaġġ lid-dinja.
“Soċjetà illi m’hix interessata fl-eskatoloġija hija soċjetà pagana”, jgħid wieħed teologu. U allura, kif bdejt nispiċċa. Ma tantx hemm differenza bejn is-soċjetà li kien jgħix fiha San Ġorġ, fi żmien Djoklezjanu, u s-soċjetà li qed ngħixu fiha aħna. Imma d-differenza għamilha San Ġorġ… u jalla aħna nkunu “Ġorġjani” fil-veru sens tal-kelma, billi fid-dinja tal-lum aħna nagħtu sinjal ta’ tama, tama li ġejja minn Kristu Rebbieħ fuq il-mewt, u li minn din ir-rebħa fuq il-mewt nipparteċipaw aħna lkoll.