Irgħu l-merħla ta’ Alla (Katidral, 30 ta’ Ġunju 2007)

Omelija ta’ Mons. Isqof Mario Grech fl-okkażjoni ta’ l-ordinazzjoni presbiterali tad-djakni Michael Curmi (mill-parroċċa tax-Xagħra) u Joshua Muscat (mill-parroċċa tan-Nadur) li saret fil-Knisja Katidrali fit-30 ta’ Ġunju 2007.

IRGĦU L-MERĦLA TA’ ALLA

Għeziez djakni, li minn hawn u ftit mumenti oħra sejrin tirċievu d-don tal-presbiterat, x’tixtiequni ngħidilkom f’dan il-mument tant importanti għalikom u għall-ħajja tal-Knisja? Jiena nħossni mnebbaħ mill-kliem ta’ Pietru li għadna kemm smajnieh flimkien jinqara fit-tieni lezzjoni, kliem mehud mill-ewwel ittra ta’ Pietru.

Irgħu l-merħla ta’ Alla afdata f’idejkom

Pietru lill-presbiteri li kien hemm madwaru jgħidilhom: “Irgħu l-merħla ta’ Alla afdata f’idejkom”. Hawnhekk għandna eku ta’ dak il-mandat illi Kristu jagħti lil Pietru kif rakkontat fil-Vanġelu ta’ San Ġwann, meta Ġesù lil Pietru jsaqsih: “Tħobbni int, Pietru? Irgħa n-nagħaġ tiegħi”. U Pietru hawnhekk fl-ewwel ittra tiegħu juża l-istess kelma: ”Intom, presbiteri ġodda, irgħu l-merħla ta’ Alla afdata f’idejkom”. Mhix il-merħla tagħkom, imma il-merħla ta’ Alla.

Dan kien ukoll id-diskors ta’ Pawlu lill-presbiteri f’Miletu, meta qalilhom: “Irgħu l-Knisja ta’ Alla”. U hawnhekk Pietru qed jgħidilna: ”Irgħu l-merħla ta’ Alla afdata f’idejkom”. U biex jien inkun nista’ ngħidilkom dan il-kliem u nafdalkom bħal Pietru dan il-mandat, ħaġa waħda nitlob minnkom: “Tħobbu intom lil Kristu?” Intennihielkom għal tliet darbiet: “Tħobbu intom lil Kristu?”

Kunu xhud tat-tbatijiet ta’ Kristu

U jekk tħobbu lil Kristu tridu tkunu wkoll bħal Pietru, li fil-bidu ta’ l-ittra jgħid: “Pietru appostlu”, u issa f’dan il-qari li smajna jgħid: “jiena presbiteru bħalkom”; u jkompli jgħid: “xhud tat-tbatijiet ta’ Kristu”. Qisu Pietru qed jagħti lill-presbiteri ċ-ċavetta ta’ kif għandom jgħixu l-ministeru presbiterali tagħhom bħala rgħajja tal-merħla: “kunu xhud tat-tbatijiet ta’ Kristu”.

U jekk aħna nqallbu dawk il-ftit kapitli li hemm fl-ittra ta’ Pietru, dan il-kliem li hemm dwar it-tbatija – u t-tbatija fi chiave kristjana –, jolqotna żgur. Per eżempju, Pietru jgħid lill-insara: “Ifirħu jekk intom tbatu minħabba l-isem tagħkom ta’ nsara.” Ifirħu u agħtu glorja lil Alla jekk intom, għax intom dixxipli ta’ Kristu, iġġarrbu t-tbatija.

Għeżież tiegħi, jien naf li dan mhux diskors ħafif jew li ser jifhmu kulħadd. Imma nerġa’ ntennilkom li Pietru fil-messaġġ tiegħu lill-presbiteri jgħidilhom: “Jien xhud tat-tbatija ta’ Kristu”; u jgħid ukoll li “għandu t-tama fil-glorja eterna”. U nixtieq li din tkun qawwija fikom u fina lkoll: li għalkemm hemm il-misteru tat-tbatija – b’mod partikulari fil-ministeru tagħna, aħna irridu ngħixu f’din il-prospettiva tal-ħajja eterna. U f’mument ieħor f’din l-ittra jgħid: “Għad nirċievu l-premju tal-kuruna eterna, premju li la jidbiel, la jinxef u lanqas jitħassar, imma qiegħed jisteniena.” (ara 1 Pt 1,3-4)

Hija din it-tama li lilna tgħinna ninqalgħu mill-problemi tal-ħajja ta’ kuljum, u hija din it-tama li tgħinna nkunu xandâra tat-tama għal dawn ħutna. Il-poplu ta’ Alla għandu bżonn ta’ saċerdoti li jxandru din it-tama, mhux tant bil-kliem imma bl-eżempju ta’ ħajjithom.

Irgħu din il-merħla minn qalbkom u mhux bilfors

U Pietru jkompli jgħidilkom: “Irgħu din il-merhla minn qalbkom, mhux bilfors”, u juża frażi interessanti ħafna meta jgħid: “kif jrid Alla”. U jien dan norbtu ma’ dik it-tema li akkumpanjatkom matul din is-sena fis-Seminarju, jigifieri l-ikona ta’ Marija ta’ Nazareth, li għadha kif ixxandret lilna fil-Vanġelu: ikona li turina b’mod ċar kif Marija hija dik li fittxet li tagħmel dak li jrid Alla. U nkunu nafu x’irid Alla minna jekk aħna nkunu midħla tal-Kelma, inkunu ministri li l-ewwel jitkissru fil-kelma biex imbagħad ixandru l-kelma kif hija mgħallma skond it-Tradizzjoni u l-maġisteru tal-Knisja, għax aħna presbiteri tal-Knisja.

U bħal Marija, jien nawguralkom li jkollkom din id-dispożizzjoni u din id-disponibilità ħalli l-kelma tgħammar fikom u intom tagħtu l-frott. Għandkom l-għajnuna ta’ l-Ispirtu. L-Ispirtu ser jistrieħ fuqkom. U ser jistrieħ fuqkom mhux minn hawn u ftit ieħor biss, jiġifieri bit-tqegħid ta’ jdejha. Anke hawnhekk nirreferi għall-ittra ta’ Pietru. Huwa interessanti għaliex Pietru jassoċja l-inżul ta’ l-Ispirtu s-Santu mat-tbatija. Nerġa’ ngħidilkom: ifirħu jekk hemm min ser iġagħlkom tbatu; u jista’ jġagħlkom tbatu kulħadd, mill-qrib u mill-bogħod; u dan ngħidulkom biex ma tilludux ruħkom. Imma Pietru jgħid li f’dak il-mument jinżel l-Ispirtu fuqkom, ħalli jkun l-Ispirtu ta’ Alla li jagħtikom il-forza u l-qawwa ħalli intom f’mumenti bħal dawn tagħtu xhieda tat-tama.

Għeżież tiegħi, intom li ser ikollkom id-don tal-ministeru presbiterali. Nerġa’ ngħidilkom: ħaddmuh dan id-don, mhux bil-ħila tagħkom imma bis-setgħa ta’ Alla, lilu glorja u ġieħ f’Ġesù Kristu Sidna. Amen.