Omelija ta’ l-Isqof Mario Grech fil-festa ta’ San Pietru u San Pawl, Parroċċa Nadur – 29 ta’ Ġunju 2007
Viżjoni kristjana ta’ l-istorja
Madwar ħamsa u għoxrin sena ilu l-kittieb amerikan Alvin Toffler ippublika ktieb bl-isem “Shock of the Future”. Fih l-awtur jipprova janalizza x’inhuma l-isfidi ta’ dik li tissejjah il-modernità. Il-modernità hija tema li tkellem dwarha ġimgħa ilu l-Papa Benedittu XVI meta indirizza lir-Retturi u professuri ġejjin mill-universitajiet Ewropej; allura dan huwa suġġett attwali, anke jekk għaddew ħamsa u għoxrin sena minn dan il-ktieb. Jien nistaqsi jekk il-modernità tal-lum tixxukjaniex.
Dak li jinteressana dalgħodu huwa dwar iċ-ċiviltà umana: fejn hija sejra ċ-ċiviltà tagħna l-bnedmin? Iċ-ċivilita tagħna hija xokkanti jew le? Meta nitkellmu dwar iċ-ċiviltà umana qed nitkellmu dwar l-istorja tal-bniedem.
Hemm diversi teoriji dwar kif tiżvolgi l-istorja. Hemm filosofi li jgħidu li l-istorja hija proċess għami, u l-bniedem m’għandu l-ebda setgħa li b’mod jew ieħor ibiddel il-kors ta’ l-istorja. Fost dawn inisbu lil Nietzsche u lil Shopenhauer. Din hija viżjoni ftit pessimista.
Imbagħad hemm dawk li jemmnu fil-qawwa tar-raġuni waħidha, u jgħidu illi l-istorja taċ-ċiviltà hija l-frott ta’ kemm il-bniedem kapaċi jħaddem ir-razzjonalità tiegħu. Hekk, per eżempju, il-Marxiżmu jinterpreta l-istorja bħala rizultat ta’ fatturi ekonomiċi.
Imma imbagħad hemm il-viżjoni kristjana ta’ l-istorja, li temmen li l-bniedem huwa maħluq ħieles, imżejjen bid-doni ta’ l-intelliġenza u l-volontà, u allura għandu l-possibilità biex jagħti d-direzzjoni lill-istorja kif jidhirlu li huwa l-aħjar. Imma hemm ukoll il-Providenza Divina, li xi drabi anke mill-iżbalji umani kapaċi toħroġ it-tajjeb: hemm Alla li lil bniedem mhux ser iħallih waħdu.
Fi Kristu nxandru ċiviltà li tixraq lid-dinjità tal-bniedem
F’din is-sitwazzjoni x’inhi l-proposta tal-komunità nisranija? Hija dik li tipproponi ċiviltà kristjana. Aħna nemmnu li l-bniedem huwa esseri miftuħ għal Alla – għandu fih id-desiderium Dei (ix-xewqa għal Alla). Nemmnu li l-bniedem huwa esseri morali, u allura jixtieq jagħżel dejjem dak li huwa tajjeb, anke jekk forsi mhux dejjem jirnexxielu. Aħna nemmnu li dan Alla jgħin lill-bniedem biex jgħix ħajja moralment tajba, u dan kollu deher fil-persuna ta’ Ġesù Kristu li huwa it-tweġiba definittiva li ta Alla lill-bnedmin biex jaqtgħu x-xewqa li għandom għas-sagru, għal Alla.
F’dan il-kuntest jien nixtieq inħares lejn Pawlu u Pietru, li l-bierah l-Q.T. il-Papa Benedittu XVI, waqt it-tnedija tas-Sena Pawlina, mar isejħilhom bħala “dawk li taw bidu għal ċiviltà ġdida”. Huma dawk li taw bidu għaċ-ċiviltà umana u inawguraw iċ-ċiviltà kristjana. Jekk aħna tassew inħobbu lil dawn l-appostli l-kbar, li bir-raġun insejħulhom kolonni tal-Knisja, irrridu nilqgħu l-bxara t-tajba li huma ħabbrulna. Din mhix bxara tajba ivvintata minnhom, imma huma rċivewha mingħand Kristu li sar bniedem. Jekk aħna tassew inħobbu lil Pietru u Pawlu, irridu nissieħbu magħhom biex anke llum fis-sena 2007 nikkontribwixxu ħalli l-futur ma jixxokkjaniex, u ċ-ċiviltà tal-lum, li tirrifletti ċ-ċiviltà ta’ għada, tkun ċiviltà li tassew tixraq lill-bnedmin.
Għaliex Pietru u Pawlu huma dawk li bdew ċiviltà gdida? Huma wasslu biex b’ħidmiethom, bil-predikazzjoni tagħhom u bil-ministeru tagħhom jinjettaw il-bxara t-tajba fiċ-ċiviltà ta’ żmienhom li kienet tinnega lil Alla. Dik ta’ żmienhom kienet ċiviltà li anke jekk kellha sens ta’ divinità, ma wasslitx biex tagħraf lil Kristu l-Iben ta’ Alla magħmul bniedem. Bħala eżempju nġibilkom dak li jgħid Pawlu fl-ittra tiegħu lir-Rumani.
Imma hawnhekk irrid ngħid li intom komunità vantaġġjata – għandkom privileġġ għaliex il-qaddisin protetturi tagħkom ħallewlkom dokumenti awtentiċi li huma l-Atti ta’ l-Appostli u l-ittri ta’ Pietru u Pawlu. Mhux kulhadd jista’ jgħid li għandu dan it-teżor bħalma għandkom intom. Dan ifisser iktar responsabilità, għax id-dmir jagħfas fuqkom iktar milli fuq ħaddiehor illi tkunu mkissrin fil-Kelma.
X’jgħallem Pawlu fl-ittra tiegħu lir-Rumani dwar id-dinja pagana li ma għarfitx lil Alla (Rum 1,18-32)? Huwa jgħid li ‘huma ħbew il-verità fl-inġustizzja tagħhom’. Huma li kienu jafu li hu Alla ma tawhx il-ġieħ li jistħoqq lilu bħala Alla, imma dak il-ġieħ tawh lil kreaturi oħrajn. Il-qalb tagħhom iddallmet u għalhekk fosthom nibtu vizzji koroh ħafna: nibtet il-mibgħeda, l-għira, is-serq, il-qtil, il-malizzja, is-sokor… u jkompli Pawlu jagħmel lista sħiħa. Nistaqsi jekk dak li jgħid Pawlu kważi elfejn sena ilu għas-soċjetà ta’ żmienu, jgħoddx ukoll għas-soċjetà tagħna!
U x’jgħid Pietru? Pietru, li kien bniedem imbeżża’ imma li meta rċieva l-Ispirtu s-Santu nhar Għid il-Ħamsin imtela bil-qawwa, ħallielna rikordju imprezzabbli f’dawk il-priedki li huwa għamel fil-belt ta’ Ġerusalemm – belt li suppost kienet reliġjuża. Pietru jgħidilhom li fi Kristu biss hemm is-salvazzjoni. Huwa jagħmel ħiltu kollha u jmur kontra kull kurrent ħalli jwassal il-verità ta’ l-imħabba ta’ Alla li dehret fi Kristu Ġesù li miet u qam għalina u hekk beda era ġdida.
Jekk aħna llum irridu npoġġu pedament sod għal dik li hija ċ-ċiviltà ta’ għada, hemm bżonn nagħtu widen għall-appostli Pietru u Pawlu u nagħrfu nsibu l-post ta’ Alla fostna. Ma nħallux l-għerf jimliena bil-bluha tiegħu, anke jekk l-għerf ta’ Alla mhux ħafif biex nifhmuh, għaliex “filwaqt li l-Griegi jfittxu l-għerf, aħna nippriedkaw lil Kristu msallab, bluha għal-Lhud u skandlu għal min huwa għaref” (ara 1 Kor 1,22-23). Hawn jinsab il-pedament ta’ kollox. Altrimenti jekk ma nagħmlux ħilitna u npoġġu lil Alla bħala l-pedament tal-ħajja tagħna, ikomplu joktru l-vizzji li diġà għandna – dawk il-vizzji li elenka San Pawl fl-ittra tiegħu lir-Rumani.
Min-naha l-oħra, jekk aħna nilqgħu lil Kristu bħala ċ-ċavetta ta’ kull interpretazzjoni, x’ikollna? Ikollna dak li l-Papa Pawlu VI jsejhilha “iċ-ċiviltà ta’ l-imħabba” li hija nieqsa minn żminijietna. Pawlu jgħid: “Kieku kelli l-ilsna tal-bnedmin kollha u l-ilsna ta’ l-anġli kollha imma ma nħobbx, inkun qisni strument iżarżar! Kieku kelli d-don tal-profezija imma m’għandix l-imħabba, kieku jien ma jien xejn” (ara 1 Kor 13). Jekk is-soċjetà tagħna, għandha kemm għandha ġid, tkun skarsa mill-imħabba, tkun bħal strument tar-ram iżarżar, tkun bħal plattini jċekċku.
Pietru wkoll fl-ittri tiegħu b’mod partikulari jinsisti li għandna negħlbu l-injoranza biex nilqgħu fina l-imħabba ta’ Alla, u hekk din l-imħabba ta’ Alla twassalna biex ikollna viżjoni akbar.
Ser nipprova nisslet tliet aspetti dwar kif nistgħu ngħixu l-imħabba biex ikollna iċ-ċiviltà ta’ l-imħabba.
Soċjetà li ma toħloqx skjavitù
L-ewwelnett billi jkollna soċjetà li ma tkomplix toħloq dipendenzi. Pietru u Pawlu jissieltu kontra kull xorta ta’ skjavitù. Per eżempju, insibu fl-Atti ta’ l-Appostli li darba Pawlu kien ma’ Silas u ltaqgħu ma’ tfajla li kienet taqra x-xorti, u bix-xogħol tagħha kien hemm min kien jagħmel il-flus minn fuqha (ara Atti 16,16ss). Huwa ħass għaliha u keċċa minnha l-ispirtu ħażin u lliberaha. Xejn ma ħadu gost dawk li kienu jikkumissjonawha u dawk li kienu jħaddmuha.
Fis-soċjetà tagħna m’għandniex din il-forma ta’ skjavitù? M’għandniex nies li huma apposta dipendenti minn ħaddiehor? M’għandniex nies li jiġu sfruttati biex ħaddieħor jiggwadanja minn fuqhom? Din hija skjavitù. Pawlu għandu ittra qasira ħafna miktuba lil Filemon. Filemon kellu skjav jismu Oneżimu, u Pawlu jgħidlu li kien qed jibgħatlu lura lil dan Oneżimu imma fl-istess waqt jitolbu biex jilqgħu bl-imħabba: “ilqgħu f’ismi ħalli jaqdik imma tikkunsidrahx iżjed bħala skjav tiegħek, bħala dipendenti tiegħek, iżda bħala ħuk”. (ara Film 1,15-16)
Anke Pietru fl-ewwel ittra tiegħu jikteb lil dawk li huma qaddejja domestiċi u jgħidilhom: “Ħobbu lis-sidien tagħkom, mhux biss lil dawk li huma tajbin u kollhom ħlewwa magħkom, imma anke lil dawk li huma ħorox magħkom” (ara 1 Pt 2,18). Għaliex Pietru jitlob dan? Għax permezz tat-tbatija “intom issiru tixbħu lil Kristu”. Dan il-kliem huwa interessanti, għaliex f’sitwazzjoni li llum aħna nifhmu li m’għandniex naċċettaw, Pietru u Pawlu ma jissiltux kontra l-iskjavitù ta’ żminijiethom imma jagħtu interpretazzjoni Kristoloġika lil dik is-sitwazzjoni soċjoloġika fejn għandek l-iskjavitù. Lil Filemon, Pawlu jgħidlu biex jaċċetta lil Oneżimu f’isem Kristu u Pietru lill-iskjavi jgħilhom: Ħobbu anke lil dawk li huma ħorox magħkom għax jekk intom tbatu tkunu qegħdin tixbħu lil Kristu. Interessanti din l-interpretazzjoni anke fis-sitwazzjoni tagħna llum, għax mhux dejjem faċli nilliberaw lilna nfusna u lill-oħrajna minn kull forma ta’ dipendenza jew skjavitù. F’ċirkustanzi bħal dawn, Pietru u Pawlu jagħtuna din l-interpretazzjoni Kristoloġika biex jgħinuna ngħixu dawn il-waqtiet bil-fidi, maqgħudin ma’ Kristu, bit-tama li jasal il-mument fejn min ikun qed jagħmel il-ħażin jinduna.
Hemm diversi forom ta’skjavitù. Nixtieq insemmi waħda partikulari: l-infamja użura! Hawn min mingħajr kuxjenza ta’ xejn jgħix minn fuq dahar min m’għandux u jirrendih jew jirrendi l-familja tiegħu fl-iskjavitù, jekk mhux ukoll iwassalhom għall-marġini tad-distruzzjoni. Din hija pjaga soċjali preżenti f’pajjiżna, u hemm bżonn li b’mod jew ieħor, jekk tassew inħobbu lil Pietru u lil Pawlu, niġġieldu kontra din l-iskjavitù, niddenunzjaw din l-iskjavitù, għax inkella tkun tassew ċiviltà xokkanti.
Ċiviltà ta’ l-imħabba
Kif ngħixu ċ-ċiviltà ta’ l-imħabba? Kemm Pietru kif ukoll Pawlu fit-tagħlim tagħhom u bl-azzjonijiet tagħhom jaħdmu biex ikun hemm soċjetà inklussiva, soċjetà li tilqa’ lil kulħadd u ma tiddiskrimina kontra ħadd, ma temarġina lil ħadd, hu x’inhu l-kredu tiegħu, il-kulur politiku tiegħu, is-sitwazzjoni finanzjarja tiegħu.
L-Atti ta’ l-Appostli jgħidulna li Pietru kien Ġaffa u hemmhekk jidhirlu l-anġlu tal-Mulej u jgħidlu biex imur għand Kornelju – li ma kienx wieħed mill-poplu Lhudi, u allura pagan (ara Atti 10). Għalkemm fil-bidu sab diffikultà, Pietru jmur fid-dar ta’ Kornelju u hemmhekk jgħammed lil dik il-familja. Hemmhekk Pietru jasal biex jgħid li għalih la hemm pagan u lanqas profan, imma lkoll ulied Missier wieħed, ġejjin minn fejn ġejjin.
L-istess titlu li Pawlu akkwista – “Appostlu mhux tal-Lhud imma tal-Ġnus” – jixhed kemm kien miftuħ biex lil dawk li ma kienux ċittadini ta’ Iżrael, lil dawk li ma kienux poplu ta’ Alla jagħmilhom poplu ta’ Alla. U għalhekk Pawlu jgħid li l-Mulej waqqa’ l-hajt li kien jifridna biex sirna poplu wieħed (ara Ef 2,14). Kellna l-waqgħa tal-ħajt ta’ Berlin, imma bnejna ħitan oħra. Inbena ħajt ieħor f’Iżrael li huwa tal-mistħija. U anke fostna kapaċi nibnu l-ħitan; u b’weġgħa ta’ qalb ngħid li anke fil-komunitajiet parrokkjali tagħna ma nsibuhiex bi tqila biex intellgħu l-ħitan u neskludu lil min huwa inqas tajjeb, lil min huwa inqas sabiħ, lil min huwa inqas qaddis… almenu fl-għajnejn tagħna. Imma dan m’għandux ikun. Jekk irridu li jkollna ċ-ċiviltà ta’ l-imħabba, irridu nkunu poplu li jħaddan lil kulħadd. Għandi f’moħħi r-riħa ta’ razziżmu li xi kultant timla l-arja tagħna, speċjalment meta jkun hemm xi mewġa li twassal l-emigranti llegali fuq xtutna. Kif ma nistħux magħmlu ċerti diskorsi? Għandna nistħu iktar u iktar jekk diskors bħal dan nagħmluh f’isem ir-reliġjon ta’ Kristu u jekk f’isem l-Evanġelju ngħidu li ma naċċettawx lil ħaddieħor.
Tqassim ġust tal-ġid tagħna
Nibnu ċiviltà ta’l-imħabba, dejjem fit-tagħlim ta’ Pietru u Pawlu, jekk ikun hemm tqassim ġust tal-ġid tagħna l-bnedmin.
Smajna fl-ewwel qari (Atti 3,1-10) kif Pietru kien dieħel fit-tempju u ħdejn il-bieb is-sabiħ tat-Tempju jilmaħ raġel batut jitlob l-karità. Pietru jieqaf ħdejn dan ir-raġel u jgħidlu: “Fidda u deheb m’għandix. Minn dak li għandi ser nagħtik. Qiegħed nordnalek f’isem Ġesù ta’ Nazaret: qum u imxi”.
Pawlu fit-tieni ittra lill-Korintin jerġa’ jtennilhom l-istess ħsieb meta jgħidilhom: “Min jiġbor ħafna jagħti miż-żejjed, biex min ma jiġborx ma jkollux in-nieqes” (2 Kor 8,15). Huwa jħeġġiġhom biex jagħtu dawk li huwa jsejjaħ “offerti tal-ħniena”.
Nistgħu ngħidu li ċ-ċiviltà tagħna hija mnebbħa minn dan il-prinċipju ta’ l-imħabba fattiva, minn dan is-sens ta’ solidarjetà ma min huwa inqas ixxurtjat minnha? Xi kultant ninkwieta għaliex anke il-komunitajiet insara tagħna mhux dejjem jifhmu li l-offerti tagħna l-ewwel u qabel kollox iridu jmorru għal min huwa fil-bżonn, għal min huwa fqir. Jekk aħna napplikaw dawn il-mezzi mod ieħor u nittraskuraw lil min hu fqir u qiegħed imut bil-ġuħ, allura aħna parteċipi ma’ dan l-omiċidju. Inħalli għalikom tapplikaw dan li qed ngħid jien.
Jien nitlob lil San Pietru u San Pawl ħalli f’dan ir-rigward, kif fl-imgħoddi konna ġenerużi mal-missjoni, –u hawnhekk qed nara lil Patri Pawl Mejlaq OFM missjunarju fil-Honduras li jixhed għal dan – , hekk nawgura u nitlob li l-ġenerożità li kienet timmarka lill-poplu tagħna il-bieraħ, tibqa’ l-karatteristika li tiddistingwina, u l-offerti tagħna nużawhom bl-ikbar responsabiltà. Aħna accountable mhux biss lejn min tana l-flus imma wkoll quddiem Alla, iktar u iktar jekk dan qegħdin nagħmluh f’isem il-Knisja jew f’isem attività organizzata mill-Knisja.
“Maħsulin bid-demm ta’ Kristu”
Dawn huma l-ftit ħsibijiet li xtaqt naqsam magħkom bħala ragħaj tagħkom f’din il-festa ta’ Pietru u Pawlu. Fil-bidu ta’ l-ittra tiegħu Pietru jikteb: “Intom il-magħżulin sa minn dejjem ta’ Alla l-Missier, intom imqaddsin mill-Ispirtu s-Santu, u bl-ubbidjenza ta’ Ġesù Kristu maħsulin bid-demm imxerred tiegħu” (1 Pt 1,2). Kemm hija sabiħa din id-definizzjoni Trinitarja tagħna bħala komunità u bħala Knisja! Ejjew ma nġibux fix-xejn dan id-don li Alla l-Imbierek mar jafdalna! Ejjew ma nġibux fix-xejn il-preżenza ta’ Pietru u Pawlu li ssebbaħ dan it-tempju!
Wieħed mill-għorrief tal-Knisja jgħidilna li jekk ix-xemx issebbaħ l-ġurnata matul il-jum, dawn l-appostli huma bħal fjamma li għalkemm taħraq bil-lejl imma xorta ddawwal lil Ruma u lid-dinja. Ċert li ħadd minna ma jixtieq li jkollna dawn il-fjammi jixegħlu fostna u ma nħallux dan id-dawl jispirana biex nibqgħu nikkontribwixxu ħalli llum u għada jkollna ċiviltà umana, ċiviltà kristjana li tagħmel ġieħ lil kull bniedem.