Ħelsien veru
Omelija fl-okkażjoni ta’ l-ewwel dehra tal-Madonna ta’ Fatima
Knisja ta’ Ħamet (15 ta’ Mejju 2007)

ĦELSIEN VERU

Omelija ta’ Mons Isqof Mario Grech fl-okkażjoni ta’ l-ewwel dehra tal-Madonna ta’ Fatima u fil-ftuħ tal-“Kampanja favur ambjent moralment nadif” (Knisja ta’ Ħamet – 15 ta’ Mejju 2007).

Fl-Atti ta’ l-Appostli (16,22-34) naqraw li Pawlu u sħabu bil-qawwa tat-talb u l-kant ta’ l-innijiet lil Alla nħelsu mill-irbit tal-ktajjen u kienu ħielsa. Mhux hekk biss, imma dan kollu ġab stagħġib fl-għassies; x’ħin ra lil Pawlu u lil sħabu meħlusa minn kull irbit, huwa stess staqsa x’għandu jagħmel biex isalva, jew ahjar biex hu wkoll ikun “ħieles”.

Illum il-bniedem huwa mxekkel, għandu irbit li jista’ jkun ġej minn ktajjen ħoxnin u oħrajn inqas ħoxnin; ħafna drabi l-bniedem għandu piż ma’ riġlejh li jfixklu milli jimxi; kemm jekk jkun piż moderat u kemm jekk ikun tqil, il-mixi tiegħu ikunu imxekkel. Anzi, xi darba l-mażra tkun tant tqila li l-bniedem jistalla u ma jagħmel ebda pass!

Imma mbagħad il-bniedem li bħal Pawlu jemmen f’Alla u jiftaħ qalbu għaliH, jaf iġarrab il-qawwa ta’ Alla u jagħmel l-esperjenza tal-ħelsien! Jaf ikun hemm terremot f’ħajtu li jgħinu jinħeles minn dak kollu illi qiegħed jorbtu u jnaqqarlu il-libertà.

Meta llum qegħdin infakkru l-ewwel dehra tal-Madonna ġewwa Fatima, qegħdin ukoll inniedu kampanja favur ambjent moralment nadif fid-djoċesi. Nappellalkom biex fil-ġimgħat li ġejjin nirriflettu u nieħdu azzjoni dwar x’inhu meħtieġ biex tassew ikollna ambjent moralment nadif. Għaldaqstant f’din iċ-ċirkustanza, xieraq nirriflettu dwar x’tip ta’ rbit jew xkiel immorali hemm fil-ħajja tagħna u li aħna għandna neħilsu minnu.

Iż-żmien tas-Sajf qed joqrob. Irridu nagħtu każ ta’ ċerta immoralità li teżisti f’dak li huwa atteġġjamenti, ilbies u kliem. Meta nhar il-Ħadd kont mal-komunità parrokkjali ta’ San Ġorġ, fid-dawl tal-qari meħud mill-Atti ta’ l-Appostli (15,28) appellajt biex kemm jista’ jkun inżommu s-santwarju tal-qalb tal-bniedem nadif, partikularment miż-żìna. Din ix-xorta ta’ immoralità qegħda taqbad f’pajjiżna, fil-kbar u fiż-żgħar. Il-Papa Benedettu XVI fiż-żjara li qiegħed jagħmel fil-Brażil ukoll appella ħalli l-insara jaħarbu ż-żìna u jikkomettu lilhom nfushom sabiex jissieħbu f’kampanja ħalli jkollna ambjent li tassew jirrispetta l-ġisem tal-bniedem u li aħna nuru li nemmnu tassew li l-ġisem tagħna huwa tempju ta’ l-Ispirtu s-Santu. Il-ġisem huwa nobbli u għandna nkunu attenti biex ma nċedux għal dak kollu li jtappan din id-dinjità u din is-sagralità tiegħu. Huwa fatt li din it-tip ta’ immoralità tiġġenera problemi oħrajn. U min għandu widnejn biex jisma, ħa jisma.

Forsi tistaqsuni: kif ser immorru kontra l-kurrent tad-dinja u kif ser niksbu dan il-ħelsien? Dan nagħmluh bil-qawwa tat-talb. Wieħed jawgura li l-imġiba u l-istess reżistenza tagħna għal ċertu stil ta’ ħajja jqanqal fl-oħrajn domanda simili għal dik li għamel l-għassies meta osserva l-ħelsien li ġarrbu Pawlu u sħabu: “Għiduli x’għandi nagħmel biex jien ukoll nikseb dan il-ħelsien tal-qalb u nkun kapaċi ngħix ċerti valuri fil-ħajja tiegħi ta’ kuljum”.

Ġewwa Fatima l-Madonna dehret diversi drabi imma l-messaġġ tagħha huwa wieħed biex nikkonvertu, biex jirnexxilna negħlbu d-dnub u hekk naraw dak li huwa sabiħ. Il-gmiel li kienet tirrifletti Marija f’ilbiesha u fil-persuna tagħha, li ġibed l-attenzjoni tat-tliet rgħajja ċkejknin, huwa ġmiel li jista’ jirrifletti fil-ħajja tagħna jekk aħna fil-ħajja interjuri u anke esterjuri ngħixu dawk il-valuri li tgħallimna r-reliġjon kattolika, u jekk aħna jirnexxilna ngħixu l-vera ħajja morali kif iridna l-Imgħallem Ġesù.

Imma l-gwaj huwa dak li jgħid il-Vanġelu: li tlifna s-sens tad-dnub! Jeħtieġ li aħna niskopru l-kruha tad-dnub; li kull wieħed u waġda minnha nimpenjaw lilna nfusna biex xejn fil-ħajja tagħna ma jwassalna biex nitilfu l-ħajja tal-grazzja. Dan jikkawża fina d-dnub: itellifna l-ħbiberija tagħna ma’ Alla. U meta nitilfu din il-ħbiberija u jkunx hemm din il-grazzja, fejn m’hemmx il-preżenza ta’ Alla fil-bniedem nitilfu wkoll dak il-ġmiel li kien rifless f’Marija.

Għalhekk, filwaqt li nkomplu din il-ħajja li hija sejħa għal konverżjoni kontinwa, filwaqt li nimmiraw biex fil-ħajja tagħna ta’ kuljum nilħqu ċerti valuri u ngħixu l-virtujiet insara, nagħmlu wkoll ħilitna biex bi kliemna u għemilna nikkontribwixxu biex ikollna ambjent moralment nadif.

Il-Verġni mbierka ta’ Fatima tieqaf magħna.