Tliet santwarji (Parroċċa San Ġorġ, 13 ta’ Mejju 2007)

Fl-okkażjoni ta’ għeluq il-Kwaranturi li saru fil-parroċċa ta’ San Ġorġ, Rabat, Għawdex, nhar il-Ħadd 13 ta’ Mejju 2007, Mons. Isqof Mario Grech mexxa konċelebrazzjoni u għamel din l-omelija.

TLIET SANTWARJI

Fil-Vanġelu li għadu kif tħabbrilna Ġesù jesprimi xewqa: ”Jekk xi ħadd iħobbni, iħares kliemi, u Missieri jħobbu u aħna niġu għandu u nagħmlu l-għamara tagħna għandu” (Ġw 14.23). Kemm hija proposta kbira u sabiħa! Ġesù żamm kelmtu! Għax hemm diversi modi kif Alla jgħammar mal-poplu tiegħu, imma l-mod l-aktar eċċellenti huwa l-preżenza tiegħu fl-Ewkaristija!

Ejjew nieqfu naħsbu daqsxejn: aħna konxji li t-tabernaklu huwa t-tinda ta’ l-għamara ta’ Alla fostna? It-tieni qari jiddeskrivi kif inhi din l-għamara ta’ Alla fost il-bnedmin: “L-Ispirtu wrieni l-Belt il-Qaddisa, Ġerusalemm, nieżla mis-sema mingħand Alla, bis-sebħ t’Alla fiha, tiddi bħal ħaġra mill-aktar prezzjuża, bħal ġaspru jleqq daqs il-kristall… Ma teħtieġ la xemx u anqas qamar biex idawluha, għax biex idawwalha għandha s-sebħ ta’ Alla u l-musbieh tagħha huwa l-Haruf” (Apok 21,10.22-23). Hawn għandna referenza ċara għal Ġesù, ħaruf u vittma, illi joffri lilu nnifsu fis-sagrifiċċju tal-Kalvarju u fis-sagrament ta’ l-Ewkaristija.

Jeħtieġ nieħdu b’aktar impenn din il-proposta li qed jagħmlilna Kristu li jrid jigi jgħammar fostna, u nagħrfuh u nirrikonoxxuh. Fil-parroċċa kien hawn dawn it-tlitt’ijiem ta’ adorazzjoni imqaddsa: irnexxielna nsibu ħin biex niċċelebraw il-preżenza ta’ Kristu fl-għamara tiegħu fostna? Min verament jemmen li Ġesù huwa ħaj u preżenti fostna, ma jistax jittraskurah!

Nagħmlilkom appell biex iżżejnu iktar l-għamara ta’ Alla fostna. M’iniex ngħid li għandna nżejnu “t-tempju tal-ġebel”, li jixraq li jkun imsebbaħ ukoll, imma qed ngħid l-iktar għal tabernakli jew tined oħrajn li wkoll jilqgħu fihom il-preżenza ta’ Alla.

It-tabernaklu tal-kuxjenza

L-ewwel tabernaklu huwa dak tal-qalb u tal-kuxjenza. Kemm nistgħu ngħidu illi f’dan is-santwarju, li huwa aħna, m’hemmx dellijiet jekk mhux ukoll irqajja’ ta’ dlamijiet? Kemm dan is-santwarju qiegħed ileqq bħall-kristall? Naturalment kull wieħed u waħda minna jrid jirrispondi hu. Fl-ewwel qari, meħud mill-Atti ta’ l-Appostli, għandna indikazzjoni biex nżommu ruħna safja (Atti 15,28). San Luqa jeżortana espressament biex nitbegħdu miż-żìna.

Naħseb li hemm żewġ aspetti li sewwa l-poplu ta’ Alla anki fi żmienna jirrifletti dwarhom: dwar jekk aħniex safja fil-menti u fil-qalb, u dwar jekk aħniex nitbegħdu miż-żìna! Din il-ġimgħa kelli laqgħa mas-saċerdoti, anke dawk tal-komunità tagħkom, u ssemmiet din il-pjaga ta’ l-immoralità f’dak kollu li għandu x’jaqsam maż-żìna. Nemmnu jew ma nemmnux li Alla jgħammar fil-ġisem tagħna? “Jien u l-Missier ngħammru għandkom”, jgħidilna Ġesù.

It-tabernaku tal-familja

Hemm tabernaklu ieħor li jeħtieġ inżejnuh u ma nkomplux inżarmawh: il-familja. Din ukoll hija knisja u santwarju li Alla jixraqlu post fiha. Anzi l-ewwel esperjenza ta’ Alla aħna nagħmluha fi ħdan il-familja. U hemm bżonn li nsemmgħu leħinnha ħalli dan is-santwarju ma jinħattx. U meta l-Knisja titkellem favur il-familja li għandha l-pedament tagħha fiż-żwieġ, mhux qed tkun konfessjonali imma tkun qed ixxandar verità li tixraq lil kull bniedem.

Fl-Italja l-bierah (12 ta’ Mejju) iċċelebraw il-“Family Day”. Jien ma narax għaliex aħna wkoll m’għandniex niċċelebraw il-“Jum tal-familja”, għaliex it-theddid li hemm dwar il-familja f’dan il-pajjiż ġar tagħna, mhux biss qiegħed qrib xtutna, imma qiegħed ukoll isserrep fostna. Jekk il-Knisja tgħid li l-għaqda bejn żewġt irġiel jew żewġ nisa qatt ma tista’ tiġi rikonoxxuta, mhix qed tgħid hekk biss għax temmen fil-Vanġelu, imma wkoll għax temmen fil-bniedem. U min jgħid li b’dan il-mod il-Knisja qed timponi jew tindaħal, ngħidlu li l-iżball ikun jekk il-Knisja ma titkellimx, għax il-Knisja mhux biss tħobb lil uliedha imma tħobb lil kull bniedem, u tixtieq tħares il-patrimonju uman; u l-familja kif nafuha aħna tappartjeni lill-patrimonju uman. Qed ngħid dan għaliex ċerti vuċijiet jinstemgħu anke llum. Min jaqra l-ġurnali jaf x’jien ngħid!

It-tabernaklu tas-soċjetà

Tabernaklu ieħor li nixtieq li nħarsuh biex ikun tassew għamara ta’ Alla huwa s-soċjetà tagħna. Minn hawn u ftit iehor noħorġu purċissjoni bl-Ewkaristija fit-toroq ta’ beltna. Kemm nixtieq li Ġesù joħroġ u ma jidħolx!… mhux biex jibqa’ hemm barra, imma biex it-toroq tagħna u dak kollu li jimla t-toroq tagħna jkun jixraqlu l-preżenza ta’ l-Ewkaristija: ikun ambjent li tassew jirrifletti l-ġmiel u s-sebħ ta’ Alla.

Meta l-Knisja – u meta ngħid il-Knisja nifhem il-poplu ta’ Alla – issemma’ leħinha kif inhu dmir tagħha dwar issues ta’ natura soċjali, hija tkun tinteressa ruħha mill-ħajja politika tas-soċjetà mingħajr ma tkun partiġġjana. Il-Knisja ma tistax tkun imsieħba fil-politika partiġġjana, imma ma tistax tabdika milli ssemmi l-verità dwar il-bniedem u dwar il-ħajja tal-bniedem fil-belt. Anke dwar dan illum intqalu ċerti affarijiet li jistonaw, jew aħjar iridu jxekklu l-ħidma tagħna lkoll biex nagħmlu mis-soċjetà ta’ madwarna tabernaklu fejn Alla jkun preżenti.

Dawn huma l-ħsibijiet li xtaqt naqsam magħkom b’rispett lejn Ġesù Ewkaristija, imma wkoll b’impenn biex dak kollu li nagħmlu jkanta l-preżenza ta’ Alla fostna l-bnedmin.