INNEĦĦU L-BLATA MILL-QABAR TA’ KRISTU
Kristu qam mill-mewt!
Kristu qam mill-mewt! Din hija l-Bxara t-tajba li tidwi fil-katidral, fil-knejjes u fil-kappelli tagħna. Jien nixtieq li din l-aħbar tidwi mhux biss fil-kuxjenzi u l-qlub tagħna, imma fil-familji tagħna, fit-toroq tagħna, fil-postijiet fejn aħna niżvolġu l-attività ordinarja tagħna. Inħalli għalikom, għeżież ħuti, ħalli din il-Bxara t-Tajba tipproklamawha, għax id-dinja għandha bżonn tisma’ din il-verità. Xi ħadd ifisser is-soċjetà tagħna bħala soċjetà qed tbati minn “dipressjoni kollettiva”. Quddiem dan il-fenomenu l-Knisja għandha dan il-Vanġelu: Kristu qam! Kristu rebaħ il-mewt u dak kollu li jista’ jtaqqallek il-ħsieb, il-qalb u l-kuxjenza tiegħek.
Il-Liturġija tal-Kelma li smajna f’dan il-Lejl tant għandha kontenut għani li kważi nistgħu ngħaddu l-lejl kollu nisimgħu katekeżi fuqha u nimmeditawha. Ma ninsewx dak li jgħid Santu Wistin: din hija l-Velja tal-velji kollha tal-Knisja! Dan huwa l-lejl li fih aħna ma norqdux!
Il-meditazzjoni li nixtieq naqsam magħkom illejla, imnebbħa mill-Vanġelu (Mk 16,1-8), hija waħda ħafifa imma fl-istess ħin programmatika għalija u għalikom.
M’hux ġisem ibbalzmat!
San Mark jgħidilna li Marija ta’ Magdala, Marija omm Ġakbu, u Salome xtraw xi fwejjaħ biex imorru jidilku lil Ġesù bihom. Sa hawn tasal il-“pietas” tan-nisa twajba – drawwa li kienet komuni fiċ-ċiviltà pre-Kristjana, anki f’dawk profondament reliġjużi. Dawn kienu jirreaġixxu, quddiem il-qerda tal-mewt, billi jikkonservaw il-ġisem mejjet biż-żjut u l-balzmu! Kienu jtaffu l-piena tal-mewt billi jżommu l-“ġisem” ibbalzmat. Hekk għamlu n-nisa twajba, dixxipli ta’ Ġesù: tant kienu jħobbuh li riedu jidilkuh biż-żejt biex “jibbalzmawh” u hekk ġisem Kristu jibqa’ għandhom! Imma dejjem ġisem mejjet ibbalzmat. X’jiswa li jkollok korp ta’ bniedem li tgħaddih mill-proċess kollu biex jibqa’ kkonservat, meta dan il-ġisem huwa bla ħajja? Dan il-ġisem jibqa’ biss bħala fdal u relikwa ta’ xi ħaġa ta’ l-imgħoddi. Li jissorprendi huwa li anki dawn in-nisa twajba, dixxipli ta’ Ġesù, jirraġunaw b’dan il-mod meta suppost kienu mkissrin b’katekeżi mibnija fuq il-Kelma li għadna kif smajna aħna llejla – siltiet mit-Testment il-Qadim li kollha huma tħejjija remota għal dan il-misteru ta’ l-Għid ta’ Kristu!
L-appell tiegħi f’dan il-Lejl Qaddis huwa biex aħna ma naqgħux fl-iżball li għamlu Marija ta’ Magdala, Marija omm Ġakbu, u Salome. Bħalhom aħna nħobbu lil Kristu, għax kieku m’aħniex hawn illejla. Ara ma nitqarrqux u bħalhom nibbalzmaw lil Kristu, u hekk ikun biss parti mill-wirt u t-tradizzjoni tagħna, u hekk Kristu jsir ukoll “oġġett” ieħor, anki jekk l-aqwa fost il-ħwejjeġ esebiti fuq l-ixkaffi tal-mużewijiet tagħna! Il-possibbiltà li nirrendu l-knejjes tagħna mużewijiet u l-liturġija tagħna sempliċi attrazzjoni għat-turisti hija waħda reali! Kristu jaf ikun skomdu għalina u għalhekk nistgħu nippreferu lil Kristu tal-ktieb, tal-ġibs, tal-kartapesta, milli lil Kristu ħaj. Kristu qam mill-mewt. Jinsab fostna u l-preżenza tiegħu hija vibranti. Magħna jaqsam il-Kelma, il-“ħobż” u l-istess ġrajja tagħna.
Fuq il-preżenza ħajja ta’ Kristu fostna jitkellem tant tajjeb il-papa Benedittu XVI fl-aħħar eżortazzjoni apostolika Sacramentum caritatis. Kristu jrid jagħmel parti mill-istorja kontemporanja. Kristu jrid iġedded mhux biss lilek bħala persuna imma wkoll l-istess strutturi li aħna nħaddmu u ngħixu fihom. Imma Kristu għandu bżonn tiegħek u tiegħi – għandu bżonn tagħna – biex ikun jista’ jġedded id-dinja u jkollna ħolqien ġdid. Hekk verament ikollna jum mingħajr għabex u negħlbu d-dlam bid-dawl tiegħu.
Blata li tagħlaq il-qabar
Waqt li Marija ta’ Magdala, Marija omm Ġakbu, u Salome kienu sejrin lejn il-qabar, bdew jistaqsu lil xulxin: “Min sa jgerrbilna l-ġebla mid-daħla tal-qabar?”. Huma xtaqu jaraw lil Ġesù, imma kien hemm il-blata tal-qabar iżżommhom. F’dan kollu jien nilmaħ l-esperjenza tal-bniedem tal-lum li, konxjament jew inkonxjament, huwa miġbud lejn Kristu, imma hemm “blata” li qed iżżommu milli jarah “wiċċ imb’wiċċ”.
X’tista’ tkun din il-blata? Jista’ jkun li hija l-“Knisja” stess li qed tfixkel din il-laqgħa tal-bniedem ma’ Kristu? Naf x’qed ngħid! Meta qed ngħid “Knisja” qed nirriferi għalina, aħna li tgħammidna. Jistax ikun li l-“Knisja lokali” – jiġifieri jiena, l-isqof; intom, saċerdoti; intom, reliġjużi; u intom, lajċi – qed nagħmlu xi ħaġa li biha qegħdin inżommu lura lill-bniedem tal-lum milli jiltaqa’ ma’ Kristu rxoxt? Inħoss li hemm barra hemm min qed jgħajjat b’garġi kbar: “Neħħu l-‘blata’… iftħu beraħ il-bieb tal-Knisja ħalli nista’ niltaqa’ ma’ Kristu!”.
Hemm diversi forom ta’ xkiel; illejla nillimita ruħi għal żewġ forom. Ħafna drabi n-nuqqas ta’ awtentiċità fil-ħajja tiegħi u tagħkom – in-nuqqas ta’ koerenza bejn dak li nistqarru u niċċelebraw, bħalma qed nagħmlu llejla, u l-ħajja tagħna ordinarja, id-diskors li ngħidu fil-beraħ u fil-moħbi; il-gidba faħxija li nissejħu “Kristjani” imma ngħixu ta “pagani”! – jien naf u intom tafu li ġieli jkun hemm min jitfixkel minħabba l-iskandlu li nagħtu. Qatt ma nistgħu nifirdu l-ħajja privata mill-ħajja pubblika tagħna, il-ħajja tiegħi fil-“Knisja” u l-ħajja tiegħi fit-Tokk.
Huwiex il-każ li l-firda li teżisti bejnietna hija waħda minn dawn il-blatiet li qed jimblukkaw il-qabar biex il-bniedem li qed ifittex lil Kristu jsibu? Qed nirriferi għall-firda f’kull livell fejn huwa preżenti d-dixxiplu ta’ Kristu. Hija firda li xi drabi twassal għar-ridikolu. Sfortunatament hemm min għandu interess djaboliku li jipperpetra u jkabbar dawn il-firdiet. Qed nirriferi għall-firda fil-familji, fil-post tax-xogħol, bejn il-partiti – “partiti” fis-sens wiesa’ tal-kelma… Anki fil-komunitajiet ekkleżjali jeżistu l-firdiet. Veru li jista’ jkun hemm ġerħat, forsi wkoll li ilhom idennu, imma nemmen li Kristu rxoxt għandu qawwa li tfejjaq, u mill-pjagi ma toħroġx aktar riħa tinten imma fwieħa! Jien nemmen u nixtieq li anki intom temmnu f’dan!
X’responsabbiltà kbira għandna quddiem Alla u d-dinja meta aħna bħala komunità kristjana nfixklu lil min jixtieq isib min ineħħilu l-blata tal-qabar u minflok aħna noħolqu l-blata! Verament hija tqila l-blata u ċertament trid il-ħin biex iċċaqlaqha, imma bil-qawwa ta’ l-Ispirtu naslu wkoll.
Mhux biss l-iskandli f’dak li għandu x’jaqsam mal-ħajja evanġelika u ekkleżjali tagħna jistgħu jtellfu din il-laqgħa tal-bniedem ma’ Kristu, imma wkoll dak kollu li nagħmlu kontra d-dinjità tal-persuna umana. Għalhekk meħtieġ skrutinju tal-ħajja soċjali u ċivili tagħna. “Il-bniedem ħaj huwa l-glorja ta’ Alla”. Il-bniedem li għandu d-dinjità tiegħu mħarsa huwa r-rifless ta’ Kristu rxoxt – Kristu li sar bniedem biex il-bniedem jiġi mifdi. Għalhekk dik l-attività umana, partikularment fil-kummerċ, fis-sanità, fil-politika, li ma tirrispettax id-dinjità tal-bniedem hija wkoll ostaklu milli nagħmlu lil Kristu rxoxt aktar trasparenti fid-dinja tal-lum.
Tiġdid tal-wegħdiet b’responsabiltà
Dan qed ngħidulkom għax nemmen bis-sħiħ f’dak li ġara f’dan il-Lejl ta’ l-Għid: Kristu qam mill-mewt. Ir-rebħa ta’ Kristu tiġbor kull esperjenza umana. Nixtieq li jkollkom din il-fehma qawwija. Aħna poplu mgħammed. Minn hawn u ftit waqtiet oħra sa nġeddu l-wegħdiet tal-Magħmudija tagħna. Nitlobkom li dawn il-wegħdiet tagħmluhom b’mod konxju u responsabbli: inġeddu dan l-impenn tal-Magħmudija tagħna biex ngħixuh. Permezz tal-Magħmudija tagħna aħna mhux biss nieħdu sehem fil-misteru ta’ l-Għid ta’ Kristu, imma bil-qawwa ta’ din il-konsagrazzjoni batteżimali aħna nikkonsagraw id-dinja ta’ madwarna.
L-Ispirtu s-Santu jgħinna biex din iċ-ċelebrazzjoni ta’ l-Għid tkun stimolu għalina biex, filwaqt li Kristu msallab u rxoxt janimana bil-preżenza ħajja tiegħu, aħna jirnexxilna ngħixu l-vokazzjoni tagħna bħala Knisja, poplu kollu kemm hu mogħti lil Alla, mibgħut fid-dinja biex jagħmel il-ħajja umana aktar sabiħa.