Il-bniedem isallab lil sieħbu u lil Kristu
Omelija waqt iturġija ta’ l-Adorazzjoni tas-Salib, nhar il-Ġimgħa l-Kbira
Katidral (6 ta’ April 2007)

IL-BNIEDEM ISALLAB LIL SIEĦBU U LIL KRISTU

Omelija ta’ Mons Isqof Mario Grech waqt il-liturġija ta’ l-Adorazzjoni tas-Salib, nhar il-Ġimgħa l-Kbira (Katidral – 6 ta’ April 2007)

Jum ta’ skiet
Għall-poplu t’Alla illum huwa jum ta’ skiet; forsi jkun xieraq jekk nitgħallmu li kif illum nagħmlu sawma mill-ikel, nagħmlu wkoll sawma fl-użu ta’ l-ilsien biex nosservaw dan is-silenzju! Għaliex dan is-silenzju quddiem il-ġrajja tal-mewt ta’ Kristu fuq is-salib?

Forsi aħna siekta għax ma nsibux kliem biex nesprimu l-ammirazzjoni tagħna għal dan il-“monument ta’ l-imħabba” t’Alla għalina! Forsi nistgħu ninterpretaw dan is-silenzju bħala espressjoni tal-kontemplazzjoni u l-adorazzjoni tagħna quddiem Kristu msallab għax fiH naraw il-Feddej tagħna.

Is-Salib: sinjal ta’ mħabba u sinjal ta’ vjolenza
Imma jista’ jkun ukoll li dan is-silenzju tagħna jikxef il-mistħija tagħna quddiem din il-ġrajja. Nistqarr magħkom li nixtieq ħafna li lkoll kemm aħna quddiem is-salib ta’ Ġesù nġarrbu ftit mistħija. Għax meta nħares lejn il-Kurċifiss jien nilmaħ mhux biss l-imħabba infinita tal-Missier u ta’ l-Iben, imma nilmaħ ukoll l-essenza tal-misteru tal-ħażen (misterium iniquitatis). Kristu jinsab fuq is-salib għax kien il-bniedem li għażel li jsallbu. Il-mewt ta’ Kristu hija mewt vjolenta. Kristu qiegħed fuq is-salib għax il-bniedem huwa vjolenti. San Pietru fl-ewwel Għid il-Ħamsin mimli bil-qawwa ta’ l-Ispirtu s-Santu ma staħax u anqas beża’ jgħid lil-Lhud: “Intom neħħejtu lil Ġesù ta’ Nazaret billi sallabtuh permezz ta’ nies ħżiena” (Atti 2,23), u “intom ċħadtu lill-Qaddis u l-Ġust … u qtiltu lill-Awtur tal-Ħajja” (Atti 3,14).

Meta llum nitfgħu l-ħarsa tagħna fuq il-Kurċifiss huwa normali li nsibu ċertu faraġ, għax naraw fi Kristu lil xi ħadd li bata bħalna u allura jista jifhem it-tabtija tagħna u jaqsam magħna; fi Kristu msallab aħna nsibu  persuna bħalna ġġorr is-salib u għalhekk tgħinna nerfgħu salibna.

Kristu għadu jġarrab it-tbatija fil-bniedem sofferenti
Imma llum nixtieq nagħmlilkom stedina: flok ma nħarsu lejn il-Kurċifiss biex nifhmu t-tbatija tagħna, għaliex ma nharsux lejn il-bniedem sofferenti ta’ żmienna biex nifhmu r-raġuni għaliex Kristu ssallab? Minflok ma nikkontempla lil Kristu msallab bħala xi ħadd li jtaffi t-tbatija tagħna, ejjew nagħmlu biċċa xogħol aktar tqila u impenjattiva: inħarsu lejn il-bniedem sofferenti tal-lum biex nifhmu għaliex Kristu jinsab fuq is-salib. Ħa naraw flimkien liema huwa d-dnub tad-dinja kontemporanja, dnub li fih jien u inti għandna sehem, biex naraw x’wassal biex Kristu jirċievi mewt daqshekk atroċi.

Kristu sab ruħu fuq is-salib frott ta’ l-injoranza reliġjuza jew aħjar minħabba d-dnub ta’ l-apostasija. Infatti fuq is-salib Ġesù jitlob lil Missieru: “Aħfrilhom, għax ma jafux x’inhuma jagħmlu”. Kieku l-Lhud kienu jafu x’qegħdin jagħmlu, ma kienux iwassluh fuq is-salib! Kieku l-poplu ta’ Israel ma ħalliex l-injoranza reliġjuża taqa’ bħal għamad fuq għajnejh u ddallamlu l-intelliġenza u l-kuxjenza tiegħu, kieku l-Lhud ħallew il-Kelma tiggwidahom u tħejjijhom, kieku lil Kristu kienu jitrattawh b’mod differenti!

Jien nibża’ li aħna llum nsallbu mhux biss lil Kristu imma lil xulxin frott ta’ l-injoranza kristjana tagħna jew aktar agħar riżultat ta’ l-apostasija, fis-sens li konna nafu l-verità u ttraskurajniha. Jekk ma rridux li l-kruċifissjoni titkompla fil-preżent, jekk aħna kontra li d-dnub ikompli jinfirex fostna, hemm bżonn niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla. Hemm bżonn nitħeġġu biex nieħdu darba għal dejjem impenn serju f’dak li jirrigwarda l-formazzjoni kattolika tagħna. Għeżież uliedi, dan qed ngħidulkom b’responsabiltà kollha bħala ragħaj tagħkom, u minn din il-katedra nixtieq inwasslu lill-Knisja kollha f’Għawdex.

Jien timmeraviljani l-affluwenza tan-nies f’dan it-tridu ta’ l-Għid. Hija sorprendenti l-parteċipazzjoni ta’ eluf ta’ nies f’attivitajiet liturġiċi jew paraliturġiċi li għandhom x’jaqsmu mal-misteru ta’ l-Għid! Imma bis-sinċerità kollha, nistgħu ngħidu li dawn il-persuni huma serjament impenjati biex jimmaturaw fil-vokazzjoni nisranija tagħhom? Għalhekk, għal darba oħra nappellalkom biex naħdmu flimkien ħalli negħlbu din il-pjaga ta’ l-injoranza reliġjuża; għax jekk intaffu l-injoranza tal-Kelma t’Alla, inkunu nistgħu mhux biss ma nkattrux is-slaleb biex insallbu n-nies fuqhom, imma bħall-Qaddej Sofferenti nkunu nistgħu nerfgħu l-piż tal-bniedem sofferenti.

Vjolenza kontra l-bniedem
Għidna li Kristu miet mewta vjolenti. Għalhekk nistgħu ngħidu li kull fejn hemm xi forma ta’ vjolenza aħna nkunu qegħdin nipperpetraw il-mewt ta’ Kristu.  Kull meta minħabba xi inġustizzja aħna nweġġgħu persuna oħra, aħna nkunu qegħdin inkattru t-tbatija tal-Kurċifiss, partikularment jekk din tkun vjolenza strutturata fis-sens li tkun vjolenza maħsuba u mwettqa mhux minn persuna singola imma minn kollettività!

Hemm il-vjolenza kontra l-ħajja umana. Dak kollu li jnaqqas jew ixellef id-dinjità tal-ħajja umana huwa dnub. Nibdew mill-ħarsien tal-ħajja sa mill-bidunett tat-tnissil tagħha sat-tmien naturali tagħha. Imbagħad f’dan l-ispazju bejn it-tnissil sal-mewt jista’ jkun hemm diversi azzjonijiet vjolenti kontra l-ħajja umana.  Per eżempju, sikwit nisimgħu bil-vittmi tad-droga. Nistgħu nibqgħu daqshekk passivi u indifferenti quddiem din it-theddida għall-ħajja u sakemm dan il-flaġell ma jolqotx lill-familja tagħna nibqgħu b’fommna mitbuq? Għaliex ma għandniex noħolqu opinjoni pubblika aktar qawwija biex kull min b’mod jew ieħor, direttament jew indirettament, qed jinnegozja d-droga jew qed jiffaċilità t-tixrid ta’ din l-arma qerrieda tal-ħajja, ikun ikkontrollat ?

Imbagħad hemm il-vjolenza kontra t-tfal. Naf b’każ ta’ tifel li jmur l-iskola u jgħid lill-għalliema tiegħu li ma jixtieqx imur id-dar għax fid-dar hemm xi ħadd li jaħqru. Hemm ġenituri li jabbużaw mill-awtorità paterna tagħhom u jużaw vjolenza morali u xi drabi anke fiżika ma wliedhom, anke meta dawn ikunu kibru.

Barra mill-vjolenza fil-familja bejn l-istess miżżewġin, partikularment nisa maħqura, hemm il-vjolenza lill-familja, bħal meta xi ħadd mill-miżżewġin jabbanduna l-familja, jew xi ħadd “jisraq” il-mara jew raġel ta’ ħaddiehor. Nassistu wkoll għal vjolenza ma’ persuni anzjani, u ħafna drabi jkunu nies ta’ ġewwa li jużaw din ix-xorta ta’ vjolenza.

Hemm vjolenza fuq il-postijiet tax-xogħol fejn id-drittijiet tal-ħaddiema, speċjalment ta’ dik il-kateogrija li għandha riskju, bħal dawk li m’għandhomx dejjem il-protezzjoni tal-liġi, m’humiex imħarsa, fejn il-ħaddiem qed jiġi abbużat. Id-diskriminazzjoni bejn il-ħaddiema u t-theddid u n-nuqqas ta’ garanziji fuq ix-xogħol huma forom oħra ta’ vjolenza. Dawn huwa d-dnubiet kontra l-bniedem li llum qed isallbu lil Kristu mas-salib!

Dawn huma ftit eżempji mill-ħajja ta’ kuljum, li meta nirrifletti dwarhom nasal biex nifhem ftit aktar għaliex Kristu huwa msallab! Ħwejjeġ bħal dawn huma tal-mistħija u forsi allura għalhekk quddiem is-salib ta’ Kristu nagħżlu li nibqgħu siekta!

Il-bewsa tas-Salib
Minn hawn u ftit mumenti oħra aħna ser nagħmlu ġest sinifikattiv ħafna: ser nersqu nagħtu bewsa lis-salib li fuqu kien imsallab is-Salvatur tagħna. Jien konvint li lkoll kemm aħna ser nagħmlu din it-talba b’devozzjoni kbira.

Nimmaġina li hemm min jersaq lejn dan is-salib u jbus xi pjaga partikulari biex jimmedeżima ruħu mal-ġisem sofferenti ta’ Kristu. Din hija ħaġa tajba. Imma nixtieq li x’ħin nersqu lejn dan is-salib niftakru x’qegħdin nagħmlu jew x’m’aħniex nagħmlu biex noħolqu salib għal ħaddieħor u nsallbuh fuqu.

Nixtieq li l-bewsa tagħna lis-salib illejla tnissel fina impenn biex noħorġu minn hawn determinati li ma nibqgħux insallbu bnedmin innoċenti oħra. Hekk, dan il-jum tal-Ġimgħa l-Kbira jispirana biex filwaqt li nikkontemplaw il-mewt ta’ Kristu aħna nagħtu valur akbar lill-ħajja.