Is-Saċerdot Missier (Katidral - Victoria, 5 ta’ April 2007)

Omelija tat-Tberik taż-Żjut f’Ħamis ix-Xirka

Katidral, Victoria

Il-Ħamis 5 ta’ April 2007

Is-Saċerdot Missier

San Luqa jippreżenta lil Ġesù fil-bidu tal-ministeru pubbliku tiegħu u jpoġġilna dettall li għalija huwa sinifikattiv. Qabel ma Kristu jinawgura fażi ġdida fil-ħajja tiegħu, imur lura Nazaret, u Luqa jgħid, “fejn kien trabba”. Qisu Kristu, qabel ma jidħol għall-missjoni tiegħu, ifittex punt ta’ riferiment f’Nazaret fejn kien trabba. Naturalment mhux biss Nazaret bħala post, imma nistħajjel li Kristu mar lura għaż-żmien li fih kien qiegħed jitrabba fil-Familja Mqaddsa. Huwa ried jerġa’ jsib iċ-ċertezza li tagħtih il-familja, partikularment il-figura tal-missier, tant li n-nies meta semgħuh qalu: “Dan m’hux iben Ġużeppi?” Dawk in-nies affermaw ir-rabta naturali li kien hemm bejn Ġesù u l-familja tiegħu, ir-rabta bejn Ġesù u l-kenn li kien jagħtih il-missier.


U jien, f’din iċ-ċirkustanza tant għal qalbi u li nqis bħala l-aqwa waħda fil-kalendarju pastorali tiegħi għaliex inħossni tant marbut magħkom, għeżież ħuti fis-saċerdozju, nara li hemm messaġġ għalina. Ħafna Kristjani llum, meta mnebbħin mill-Ispirtu s-Santu biex jibdew fażi ġdida fil-ħajja Kristjana tagħhom, iħossu li għandhom jirritornaw għaż-żmien li fih ikunu trabbew, anki jekk ħafna drabi jkunu kibru. Jien m’inix nirriferi issa għall-familja naturali imma għal dak ir-riferiment li joffri s-saċerdot bħala missier spiritwali. Il-Konċilju Vatikan II fl-Optatam totius jgħallimna li l-missjoni tagħna bħala saċerdoti hija dmir ta’ paternità lejn il-merħla, lejn il-poplu ta’ Alla. U f’din il-ġurnata jien irrid nitlob lil Alla l-Missier biex jgħinna napprofondixxu iktar l-identità tal-Missier, li tgħinna napprofondixxu din il-missjoni paterna tagħna.

Nisilhom ikun magħruf

Fl-ewwel qari tal-quddiesa tal-lum il-profeta Isaija jgħidilna: “Lilkom isejħulkom il-qassisin tal-Mulej, qaddejja ta’ Alla tagħna isemmukom; nisilhom ikun magħruf fost il-ġnus u wliedhom qalb il-popli”. Lilna Alla jsejħilna qaddejja li għandna nisel u li għandna l-ulied. Liema wlied aħna għandna? X’nisel sa nħallu warajna? Dan ifakkarni f’dak li hemm fis-salm 15 meta s-salmista jgħid: “Il-Mulej huwa s-sehem tiegħi”; sentenza li intom li qegħdin tiċċelebraw il-ħamsin u s-sittin sena tas-saċerdozju tiftakruha iżjed minna li aħna iżgħar, għaliex kontu tagħmlu t-tonsura, u f’dak ir-rit kienet titkanta din is-sentenza: “Il-wirt tiegħi l-Mulej”.

Għaliex is-salmista jgħid: “Il-wirt tiegħi l-Mulej”? Aħna nafu li meta l-poplu ta’ Alla daħal fl-Art Imwiegħda t-tribujiet kollha ħadu parti mill-wirt li mess lilhom mill-art li kienet tipprovdilhom l-għixien tagħhom, minbarra t-tribù ta’ Levi, li ma messitux parti mill-art. Il-wirt tat-tribù ta’ Levi kien il-Mulej. Kienu proprju dan it-twaħħid ma’ Alla u dan is-sehem mill-wirt ta’ Alla li wassluhom ħalli jkunu jistgħu jgħidu: “In-nisel tiegħi huwa n-nisel ta’ Alla”, b’riferenza għall-poplu ta’ Alla.

Għalhekk, għeżież ħuti fis-saċerdozju, aħna wkoll illum irridu nkantaw dan il-vers: “Is-sehem tiegħi l-Mulej”. Għalkemm ma għandniex art li hija tagħna jew persuni li fiżikament huma l-estensjoni tagħna, bħalma għandhom il-missirijiet, aħna għandna l-wirt tagħna, uliedna u n-nisel tagħna, li huma dan il-poplu ta’ Alla.

Kristu ħalla lilna biex neżerċitaw il-paternità spiritwali

U jiena rrid irrodd ħajr lil Alla li fil-providenza tiegħu żejjen lill-Knisja bil-preżenza ta’ tant saċerdoti li għalikom il-lajċi aħna missirijiet spiritwali. Sant’Wistin, meta jikkummenta fuq is-salm 44, fejn is-salmista donnu jiġih dubju mill-attenzjoni ta’ Alla, jgħid: “Ċertament illi Kristu ma kienx sa jħallihom orfni, għaliex ħalla lill-Appostli, u l-Appostli ħallew lilna biex aħna neżerċitaw din il-paternità spiritwali”.

X’nifhmu meta ngħidu li aħna missirijiet spiritwali? Il-figura tal-missirijiet, bħalma kien Ġużeppi għal Ġesù, tgħinna u tgħallimna ħafna, anki jekk ċerti missirijiet fid-dinja tal-lum donnhom qegħdin jabdikaw mir-responsabbiltà paterna tagħhom. Imma hawn ħafna missirijiet li lili jgħallmuni kif ngħix il-paternità spiritwali tiegħi. Hawn missirijiet li jbatu għal uliedhom u jħobbu lil uliedhom, meta jkunu mqarbin jew forsi meta jitbiegħdu mid-dar. F’dawn il-ġranet ġie għandi missier u wrieni l-weġgħa ta’ qalb tiegħu għax ibnu m’hux qed jgħix sewwa għax qed jgħix ma’ persuna oħra u m’hux miżżewweġ. Huwa qalli: “Ġieli ma norqodx billejl”. Jien naf li hemm minnkom, għeżież saċerdoti, li quddiem id-diffikultajiet spiritwali ta’ wliedna ma torqdux, u għalhekk nirringrazzjakom. Imma tarawhiex bi tqila jekk aħna jkollna ngħaddu minn dawn il-mumenti tqal u iebsin. Dawn huma mumenti li jsaħħuna fil-missjoni paterna tagħna.

Hawn ukoll missirijiet li sfortunatament jitilquhom lil uliedhom. Oħrajn illi jisfruttaw lil uliedhom u oħrajn li jaħkmu fuq uliedhom. Imma dan m’hux missier, u għalhekk nitolbu lill-Mulej biex lilna s-saċerdoti jeħlisna minn tiġrib bħal dan, ħalli nkunu tassew missirijiet tajbin u mhux missirijiet ħżiena.

Kristu f’relazzjoni mal-Missier

L-aqwa lezzjoni li tgħallem Ġesù kif jgħix il-paternità tiegħu tgħallimha mingħand Missieru: “Dak li ngħidilkom jien irċivejtu mingħand il-Missier”. U anki aħna s-saċerdoti, filwaqt li nistgħu nitgħallmu ħafna mill-missirijiet ta’ din id-dinja, ma nistgħux nittraskuraw ir-relazzjoni tagħna mal-Missier ta’ Sidna Ġesù Kristu u mal-Missier tagħna. Anzi huwa minn din il-komunjoni tagħna mal-Missier li aħna nistgħu nispiraw fiduċja fl-ulied. Huwa proprju minn dan it-twaħħid tagħna mal-Missier li aħna nistgħu nnisslu wlied ġodda permezz tal-Kelma u tas-sagramenti.

Il-poplu tagħna għandu ħafna għalliema: għalliema tajbin u għalliema inqas tajbin, għalliema li għandhom il-mandat u għalliema li jieħdu f’idejhom dan il-mandat. Imma wieħed huwa li nissilhom – l-Appostlu! Kif jgħid San Pawl lill-Korintin: “Jekk għandkom bl-eluf pedagogi fi Krisu, m’għandkomx ħafna missirijiet, għax jien hu li bl-Evanġelju nissiltkom fi Kristu” (1 Kor 4,15). U hekk ukoll nistgħu ngħidu aħna, għeżież ħuti saċerdoti. Din il-qawwa li nnisslu hija qawwa li jgħaddilna l-Missier, u l-poplu ta’ Alla jikber fil-fiduċja tiegħu fina u jafda aktar fil-ministeru tagħna jekk aħna nkunu f’komunjoni mal-Missier. Ġesù kien għadu kif għadda l-lejl jitlob meta d-dixxipli resqu lejh u qalulu: “Għallimna nitolbu”. Il-fatt li Ġesù kien għadda l-lejl f’komunjoni mal-Missier serva ta’ ispirazzjoni għalihom biex huma jitolbuh jgħallimhom jitolbu. U t-talba li għallimhom kienet frott l-esperjenza li kien għamel huwa stess: “Missierna li inti fis-smewwiet, jitqaddes ismek”.

Inħeġġiġkom, għeżież saċerdoti, biex nagħtu iktar valur lill-ħajja tat-talb, kemm it-talb liturġiku u kemm dak personali. Huwa proprju minn ħajja profonda ta’ talb li jiddipendi l-ministeru tagħna.

Iċ-ċelibat saċerdotali

Fil-kmandamenti m’hemmx kmand li jobbliga lill-ġenituri jħobbu lil uliedhom, għax hija ħaġa naturali li l-ġenituri jkollhom kura ta’ wliedhom. Anki fil-każ tagħna s-saċerdoti, illum m’għandix bżonn neżortakom tħobbu lil uliedkom, għaliex l-għixien tal-paternità spiritwali tagħna bħala saċerdoti joħroġ mill-istess vokazzjoni tagħna u huwa espressjoni tal-ministeru saċerdotali tagħna. Ikun gwaj għal dak is-saċerdot li ma jsibx il-konsolazzjoni fil-paternità spiritwali tiegħu. Iċ-ċelibat huwa strument li jgħinna biex ngħixu l-paternità spiritwali tagħna.

Itolbu għas-saċerdoti

Għeżież uliedi li llum ġejtu takkumpanjaw lilna s-saċerdoti bit-talb tagħkom, itolbu għalina biex aħna fid-dgħjufija tagħna jirnexxilna nkunu missirijiet spiritwali tagħkom u biex intom, meta tiġu biex tagħmlu esperjenza spiritwalment ġdida, tkunu tistgħu tagħmlu riferiment għalina. Lill-Appostli Kristu għamlilhom wegħda: “Ma nħallikomx iltiema”; u aħna nistgħu ngħidu li ma ħalliniex iltiema għaliex tana d-don tal-ministeru saċerdotali li jagħmilna missirijiet tagħkom.

Itolbu għalina biex intom ma tħossukomx mingħajr missier għaliex, kif tafu intom mill-esperjenza tagħkom, il-vokazzjoni ta’ ġenitur m’hix ħafifa, u l-preokkupazzjonijiet li għandhom dawn ħuti fis-saċerdozju u t-toqol li huma jġorru huma kbar. Kemm bl-imġiba tagħkom u kemm bit-talb tagħkom sostnuna ħalli aħna nkunu leali għall-vokazzjoni