Ġesu` Qaddej
Omelija ta’ l-Isqof Mario Grech nhar Ħamis ix-Xirka filgħaxija
Katidral – 5 ta’ April 2007

ĠESÙ QADDEJ

Omelija ta’ l-Isqof Mario Grech nhar Ħamis ix-Xirka filgħaxija (Katidral – 5 ta’ April 2007)

“Fostkom bħala qaddej”

Meta nilmħu lil Ġesù jaħsel riġlejn id-dixxipli, dritt niftakru f’dak li qalilna l-istess Ġesù: “Ara, jien fostkom bħal wieħed jagħmilha ta’ qaddej”. Min hu l-qaddej?

Fl-Iskrittura l-idea tal-qaddej m’hijiex il-kunċett ta’ xi ħadd li jsefter, u għalhekk idea pjuttost negattiva u baxxa. Imma l-qaddej huwa xi ħadd b’relazzjoni intima mas-Sid.

Kien ta’ unur kbir ħafna li l-qaddej ikun jagħmel parti minn “dar”. Jekk nieħdu l-iben iż-żgħir fil-parabbola ta’ l-Iben il-Ħali, nistgħu nifhmu sewwa dan il-kunċett: iż-żgħir ried akkost ta’ kollox jerġa’ jkollu sehem minn dar missieru. Dan għal żewġ raġunijiet: f’dik id-dar, is-Sid kien dak li lilu jagħmlu iben, jagħmlu dak li fil-fatt hu. It-tieni raġuni, għaliex  jekk ma jkollux dar li seta’ jsejħilha tiegħu, anke bħala qaddej, ma kien jappartjeni għal ħadd u għal xejn u kien ikun inqas mil-lavranti ta’ missieru, inqas saħansitra mill-qżieqeż li kien jirgħa!
 
Iżaija jitkellem mill-Qaddej ta’ Jaħwè, li dwaru ser nisimgħu fil-liturġija ta’ għada, il-Ġimgħa l-Kbira. Dan il-qaddej jippreżenta l-figura ta’ dak privileġġjat għal kollox, li jiġi magħżul biex ikun dak li permezz tiegħu s-Sid jifdi lill-bqija tal-Poplu tiegħu. L-erba’ Għanjiet tal-Qaddej f’Iżaija kollha jitkellmu b’mod pożittiv ħafna fuq il-Qaddej f’għajnejn Alla, anke jekk hu dak li kellu jbati, ikun miċħud, imwarrab, li wieħed jistħi minnu. Ma ninsewx li fil-Qaddej Sofferenti, personaġġ singolu, il-Profeta jara l-fdal ta’ Izrael, li minnu kellu jixxettel mill-ġdid il-Poplu mġedded ta’ Alla.
 
Għalhekk il-figura tal-qaddej hija l-figura ta’ min għandu relazzjoni intima, speċjali mas-Sid, ma’ Alla u mal-Poplu!
 
Il-Qaddej Ġesù  jaħsel riġlejn l-Appostli. Kienu dawk li minnhom Ġesù kellu jxettel il-Poplu l-Ġdid ta’ Alla, il-Knisja. Kienu dawk li ma’ Marija, Omm Ġesù, il-qaddejja tal-Mulej li twelled lil Ġesù b’mod naturali bħala bniedem u b’mod spiritwali twelled id-dixxipli, iffigurati fid-dixxiplu l-maħbub ħdejn is-Salib, fl-istess ċenaklu kellhom ikunu jistennew il-wegħda li Alla dejjem għamel: l-Ispirtu s-Santu li kellu jgħinhom biex jinbnew bħala “knisja”.  Lil din il-Knisja, jgħid San Pawl fl-Ittra lill-Efesin, Kristu jqaddisha u jnaddafha bil-ħasil ta’ l-ilma u l-kelma u biex iressaqha quddiemu – knisja sabiħa, bla tebgħa, bla tikmix, bla għajb, u b’xejn minn dan, imma qaddisa u bla tmaqdir minn ħadd (ara Ef 5,26-27).

Tgħid mhux għalhekk li lil Pietru insista li jaħsillu riġlejh?
Tgħid mhux għalhekk ma aċċettax l-att ta’ umiltà ta’ Pietru?
Tgħid mhux għalhekk ma kienx hemm għalfejn jaħsillu jdejh u rasu wkoll? … għax kienu diġà: “indaf minħabba l-kelma li għedtilkom” (Ġw 15,3)?
Tgħid mhux għax il-ġest tal-ħasil tar-riġlejn (għalhekk kien biżżejjed is-simbolu biss) kien ġest li jfisser intimità kbira bejn l-Imgħallem (li jnaddaf b’kelmtu lid-dixxipli) u d-dixxipli, il-Knisja?
 
B’kelmtu mbagħad se jnaddafha minn kull tebgħa, u tikmix u għajb, u jagħmilha qaddisa. “Min hu maħsul (permezz tal-Kelma), m’għandux għalfejn jinħasel kollu, ħlief saqajh għax hu kollu kemm hu nadif, u intom indaf, imma mhux ilkoll” (Ġw 13,10). Min hu maħsul għandu din l-intimità ma’ l-Imgħallem. Kien għal din ir-raġuni li Ġuda ma kienx “nadif” – għax ma kellux din l-intimità ma’ Ġesù għax kien diġà ftiehem kif se jittradih.
 
Il-ħasil tar-riġlejn kien ġest ta’ umiltà kbira: kienu jagħmluh l-ilsiera lis-sidien tagħhom. Imma lsir Lhudi qatt ma kien jaħsel riġlejn sidu Lhudi. L-imgħallmin Lhud qatt ma kienu jippermettu li d-dixxipli tagħhom jaħslulhom riġlejhom. Għalhekk Pietru skandalizza ruħu!

Ġest ta’ intimità kbira

F’ħafna mil-letteratura antika mbagħad, ngħidu aħna l-psewdepigrafu kontemporanju ta’ zmien Ġesù, Ġużeppi u Asenath, il-ħasil tar-riġlejn huwa ppreżentat bħala ġest ta’ intimità kbira, ġest nuzjali, ta’ żwieġ, fejn ir-raġel u l-mara jsiru ġisem wieġed. Fil-psewdepigrafu li semmejna, l-Għarusa Asenath ma tħalli lil ħadd jaħsel riġlejn żewġha Ġużeppi bin Ġakobb għax hija hi li trid tagħmel dak il-ġest ta’ intimità kbira miegħu.

San Pawl huwa ċar u dirett ukoll f’din it-tixbiħa ta’ Ġesù l-Għarus u l-Knisja l-Għarusa tiegħu. Kontra l-letteratura extra-biblika, San Pawl juri kif Ġesù “jaħsel riġlejn il-Knisja tiegħu” billi jagħti lilu nnifsu lilha biex iqaddisha u jnaddafha. Fl-Aħħar Ċena, Ġesù wkoll hekk jagħmel mad-dixxipli tiegħu. Hekk tikber l-għaqda intima bejn Ġesù u d-dixxipli tiegħu.

Poplu tal-Patt

Fl-aħħarnett Ġesù jikkmanda lid-dixxipli jagħmlu l-istess ma’ xulxin: jidhlu f’Patt ta’ intimità u relazzjoni “kważi nuzjali” ma’ xulxin u miegħu. Kif seta’ jikkmanda lid-dixxipli jħobbu lil xulxin? Mela l-imhabba tiġi kkmandata? Dan għax il-kmandament hawnhekk għandu jittieħed bħala kmandament li jdaħħal f’Patt, dak il-Patt li fl-Aħħar Ċena Ġesù ssiġilla b’demmu: “dan huwa demmi tal-Patt il-ġdid”. Hekk aħna sirna l-poplu tal-Patt il-Ġdid!

Ir-relazzjoni mal-Knisja u ma’ xulxin

Ir-relazzjoni tagħna ma’ Ġesù (fl-Ewkaristija, fil-kontemplazzjoni tat-tbatija tiegħu għalina u fl-għixien ta’ Kelmtu) iddaħħalna f’relazzjoni mal-Knisja u ma’ xulxin.

Hawnhekk għalhekk wieħed jieqaf jistaqsi x’tip ta’ relazzjoni għandna mal-”knisja” – jekk hijiex relazzjoni vera u awtentika jew jew waħda formali; jekk hijiex relazzjoni ta’ konvenjenza jew ta’ konvinzjoni.

Anke l-istess relazzjonijiet ta’ bejnietna jieħdu xejra ġdida. Għalhekk jekk irridu li ċ-ċelebrazzjoni tagħna llejla tagħmel sens, hija meħtieġa riflessjoni dwar kif ser inġeddu r-relazzjonijiet fuq livel orizzontali: bejn il-miżżewġin, fil-familja anke meta din tieħu forma ta’ familja estiża, bejn il-gruppi soċjali, fid-dinja tax-xogħol, fil-politika, fl-isports, eċċ. Kull realtà umana hija parti minn nisġa ta’ relazzjonijiet, u għalhekk il-liturġija tal-lum ma tistax ma jkolliex rifless f’dan kollu.

Appell lill-Komunità

Fid-dawl ta’ dan kollu, kelma lilkom, għeżież irġiel li ser tersqu biex naħslilkom riġlejkom. Intom tnax il-raġel li jingħad li qegħdin flok l-appostli; imma fikom jien nilmaħ rappreżentanza tal-komunità parrokkjali, u dak li nagħmel magħkom nemmen li qed nagħmlu mal-bqija tal-komunità. Għalhekk, kif intom ser tħalluni naħslilkom riġlejkom bl-ilma, ħalluni wkoll ngħinkom titnaddfu permezz tal-“Kelma” li bħala isqof tagħkom inwaslilkom!  Kif intom disposti li tħallu l-ilma jgelgel fuq riġlejkom, kunu wkoll lesti li tħallu l-Kelma t’Alla li nwasslulkom aħna tbejjet f’qalbkom.  Fuq l-eżempju ta’ Kristu qaddej aħdmu biex tikbru fl-intimità tagħkom mal-Missier. Ippermettuli nidħol f’relazzjoni aktar mill-qrib magħkom. Dan ngħidu mhux f’ismi, imma bħala isqof tal-Knisja u għalhekk f’isem il-Knisja! Dan huwa s-sens profond tal-ġest tal-ħasil tas-saqajn li sejrin nagħmlu issa.