Omelija fil-funeral ta’ Mons. Ġużeppi Borg
Parroċċa Għarb
Id-dimensjoni marjana tas-saċerdot
Il-fatt li qegħdin nagħmlu din it-tislima u din it-talba lil ħuna fis-saċerdozju Dun Ġużepp, proprju f’din il-ġurnata ddedikata lill-Verġni Marija, lil-Lunzjata, jgħinna nirriflettu ftit fuq id-dimensjoni marjana tas-saċerdot.
Ċertament hemm ħafna x’wieħed jgħid fuq kif Omm il-Feddej titfa’ dawl fuq il-ministeru saċerdotali tagħna. It-tnejn jibdew minn sejħa. Kif il-missjoni ta’ Marija tibda minn għażla u minn sejħa li għamel Alla, hekk ukoll fil-każ tagħna s-saċerdoti, mhux aħna li nagħżlu li nkunu ministri ta’ Alla u tal-Knisja imma hemm sejħa u għażla ġejjin minn Alla. U kif ċertament l-ambjent tal-familja għen lil Marija biex tiskopri u twieġeb b’ġenerożità għas-sejħa li għamlilha Alla, jiena fiduċjuż li anki l-familji tagħna huma ambjent tajjeb ħafna biex, kif fl-imgħoddi, anki fil-futur jistgħu joffru għajnuna kbira ħalli jekk hemm vokazzjoni ma tintilifx.
Is-saċerdot hu qabel kollox qaddej ta’ Alla
Imma hemm żewġ punti li nixtieq li llum nirriflettu fuqhom. Marija hija dik li taqdi lil Alla billi tingħata kollha kemm hi lilu: “Hawn jien il-qaddejja tal-Mulej; ħa jsir minni skond kelmtek”. Alla jippreparaha u jagħtiha l-meħtieġ, jimliha bil-grazzja biex tista’ tkun il-qaddejja tiegħu. Alla kellu bżonn ta’ Marija biex l-Iben jitwieled u jsir bniedem u jgħammar fostna.
Hekk ukoll is-saċerdot: l-ewwel u qabel kollox huwa qaddej ta’ Alla. Is-saċerdot huwa l-bniedem illi meta huwa konvint li Alla qed isejjaħlu u li Alla għażlu, jingħata mingħajr ebda riserva lill-Mulej. M’hix kelma ħafifa tgħid li għandek tingħata kollok kemm int lil Alla! Dan ngħidu b’esperjenza proprja tiegħi!
Ħuti fis-saċerdozju, irridu dejjem nikbru fl-għarfien ta’ Alla. Nappella lill-poplu ta’ Alla jitlob għalina ħalli aħna s-saċerdoti, qabel niksbu kull speċjalità oħra, nikbru u nimmaturaw f’din il-vokazzjoni li nkunu qaddejja ta’ Alla f’kollox, għaliex anki llum Alla għandu bżonn tagħna biex jagħmel lilu nnifsu preżenti fid-dinja. Anki llum, minkejja l-progress kbir li għamel il-bniedem, Alla għandu bżonn tagħna l-bnedmin, b’mod partikulari tagħna l-presbiteri biex, waqt li jeħodna minn fostkom, ipoġġina proprju għall-qadi tiegħu fostkom.
Jiena ftit nafu lil Mons. Ġużeppi Borg, imma mill-ftit konoxxenza li għandi tiegħu konvint illi huwa għex il-ħajja twila li Alla tah b’din id-dispożizzjoni: kien qaddej ta’ Alla. Huwa kien ifittex l-ewwel u qabel kollox lil dan Alla biex iħobbu u jagħmel li jkun maħbub. Kien saċerdot li jixraqlu l-isem ta’ “ministru ta’ Alla”.
Is-saċerdot hu qaddej tal-bnedmin f’dak li għandu x’jaqsam m’Alla
Il-Verġni Marija m’hix biss qaddejja ta’ Alla imma wkoll qaddejja tal-bnedmin. Meta hija aċċettat li tilqa’ l-Verb biex imbagħad tildu, hija tat l-ikbar servizz li setgħet toffri lill-bniedem. Din hija ġrajja għal qalb din il-komunità partikulari tal-parroċċa ta’ l-Għarb, għaliex proprju għandkom bħala ikona li takkumpanjakom fil-ħajja tagħkom il-ġrajja tal-Viżitazzjoni: Marija li tmur taqdi lil Eliżabetta; mhux biss taqdiha fil-ħtiġijiet materjali u umani, imma tikkomunikalha lil Kristu, tant li t-tarbija fi ħdan Eliżabetta qabżet bil-ferħ meta Marija sellmet lil Eliżabetta.
Il-missjoni tagħna s-saċerdoti hija li aħna nkunu qaddejja tagħkom il-bnedmin billi naqdukom f’ħafna affarijiet, imma l-iktar u b’mod partikulari f’dak li għandu x’jaqsam ma’ Alla. Ħarsu ftit lejn il-ħidma pastorali u araw hix kollha immirata biex, filwaqt li naqdu lil Alla, naqdu wkoll lilkom u nwasslulkom il-grazzja, lil Kristu! Ix-xandir tal-Kelma m’hux mezz kif aħna nippruvaw naqdukom f’dak li għandu x’jaqsam ma’ Alla? Is-sagramenti li aħna niċċelebraw m’humiex okkażjoni biex proprju nlaqqgħu lill-bniedem ma’ Alla? Ħajjitna kollha jeħtieġ li tkun impenn favur il-bniedem fil-bżonn biex ngħinuh isib it-triq u jingħaqad ma’ Alla. Hija missjoni fundamentali tagħna s-saċerdoti li ndawlu l-intelliġenza tal-bniedem u nindirizzaw il-kuxjenza u l-ġrajja tal-bnedmin lejn il-misteru ta’ Kristu.
Il-ġisem mejjet ta’ ħuna Dun Ġużepp li għandna quddiemna jfakkarna f’kemm dan is-saċerdot kien qaddej tal-bnedmin. Il-fatt li għadda tlieta u tletin sena arċipriet hawnhekk u sentejn oħra kappillan fil-parroċċa ta’ l-Għasri… dawn kienu ħamsa u tletin sena ta’ qadi! U dan għamlu bħala qaddej ta’ l-aħwa. Dan ngħidu b’sens ta’ sodisfazzjon u sens ta’ radd il-ħajr lil Alla għall-eżempji li rċivejna minn dawk ta’ qabilna, u biex nerġa’ nistedinkom titolbu għalina ħalli aħna nkunu nistgħu nagħtukom servizz li tassew jgħaqqadkom ma’ Alla.
Is-saċerdot ministru tal-Knisja
Il-Verġni Mbierka hija omm il-Mulej Ġesù u omm il-Kristjani kollha; hija x-xbieha tal-Knisja. Fil-ħajja saċerdotali tagħna m’hemmx sens jekk aħna ma nkunux ministri tal-Knisja. M’hemmx qadi veru, la lil Alla u lanqas lill-bniedem, jekk dan is-servizz ma nagħmluhx fi ħdan il-Knisja, jiġifieri f’għaqda bejnietna, f’għaqda mal-ministeru ta’ l-isqof u f’għaqda mal-Papa. Jiena konvint li Dun Ġużepp kellu din l-attitudni. Huwa kellu dan is-sens ta’ għotja lil Alla, lill-bniedem u lill-Knisja.
Nista’ nirrakkontalkom esperjenza żgħira imma sinifikattiva li għandi tiegħu. Darba mort inżuru fiċ-Ċentru Pastorali tar-Ragħaj it-Tajjeb u, waqt li kont nitkellem miegħu, Dun Ġużepp qalli: “Jiena ċ-ċirkulari ta’ l-isqof Cauchi u tiegħek naqrahom bħallikieku qiegħed naqra l-ittri ta’ l-Appostli”! Nistqarr li ma kontx naf kif nirreaġixxi għaliex ma nimmaġinax kif l-ittri li jien nikkomunika magħkom għandhom valur daqs l-ittri ta’ San Pawl jew ta’ San Pietru! Imma din kienet il-fidi ekkleżjali li kellu Dun Ġużepp. Dan mhux qed ngħidu b’eloġju għalija jew għall-isqof emeritu Mons. Cauchi, imma qed ngħidu biex naraw liema profondità ta’ ħsieb u komunjoni kien hemm f’dan il-ministru ta’ Alla u tal-Knisja.
Hawnhekk ukoll nitlob lilkom, għeżież ħuti Kristjani, biex tinterċedu għalina quddiem Alla ħalli aħna s-saċerdoti jirnexxilna nħarsu din il-komunjoni ekkleżjali, ħalli hekk inkunu nistgħu nidhru quddiemkom b’wiċċna minn quddiem u, meta jasal il-mument li ngħaddu minn din l-art għal għand il-Missier, nidħlu fl-eternità.