Omelija fil-festa ta’ San Ġużepp
Knisja ta’ San Ġużepp, ir-Rabat ta’ l-Imdina
18 ta’ Marzu 2007
San Ġużepp u l-Familja
Fil-Vanġelu tal-lum (Lq 15,11-32) tħabbrilna test profond ħafna, tant illi hemm min jgħid li f’din il-parabbola San Luqa jagħtina sintesi tal-Vanġelu tal-ħniena. Allura nistgħu nirriflettu fuq bosta aspetti għall-ħajja tal-bniedem tal-lum, iktar u iktar fil-kuntest ta’ dawn il-jiem illi fihom il-Knisja qiegħda tiċċelebra s-solennità ta’ San Ġużepp.
Soċjetà mingħajr missier
Teologu ta’ żmienna jgħid: “We are living in a fatherless society”. Għax bla missier, hija fi kriżi wkoll l-identità tal-bniedem, fir-relazzjoni mal-missier ta’ l-iben jew bint. Għaliex qed ngħixu f’soċjetà mingħajr missier? Biżżejjed inħarsu ftit madwarna u nosservaw dak li qed jiġri madwarna, fit-toroq tagħna u fil-familji tagħna, biex nikkonfermaw li qed ngħixu f’soċjetà mingħajr missier. “A fatherless society” ifisser li għandna soċjetà li la taf minn fejn ġejja u lanqas lejn fejn sejra. Immaġinaw bniedem li ma jafx lil missieru jew lil ommu. Għandna diversi esperjenzi bħal dawn ta’ persuni li trabbew fi djar tat-tfal għax huma orfni: mhux għaliex tilfu l-ġenituri tagħhom b’mod naturali imma għaliex ma jafux lill-ġenituri tagħhom. Dawn il-persuni ma jistriħux qabel isibu lil ommhom jew lil missierhom. Meta titlef lil missierek jew ’l ommok titlef l-orjentament ta’ ħajtek u ma jkollokx dak ir-riferiment li teħtieġ fil-ħajja biex inti tkun taf intix miexi tajjeb jew ħażin.
U għax ma nistgħux ngħaddu b’soċjetà mingħajr missier ħloqna figuri jew sistemi ta’ ħsieb li nirrikonoxxuhom bħala missier! Jiġrilna bħat-tifel iż-żgħir tal-parabbola li tbiegħed mid-dar, u sar “a fatherless son”, li berbaq il-ftit ġid li kellu u sab ruħu fil-bżonn, f’sitwazzjoni tassew umiljanti. ’Il bogħod minn missieru huwa tilef l-identità tiegħu bħala iben. Hekk ukoll jiġrilna aħna jekk nitbiegħdu jew ngħixu ħajja mingħajr riferiment tal-Missier: il-ftit ġid li għandna nużawh ħażin, ngħixu ħajja kontinwament ta’ dipendenza u nsibu ruħna f’sitwazzjonijiet tassew umiljanti. Imma forsi aħna tant għomja li n-natura tagħna ma tħalliniex nirrikonoxxu din il-kundizzjoni? Permezz ta’ din il-parabbola Kristu qed jgħinna niskopru min hu l-Missier; dak il-Missier li b’idejh miftuħa jħaddan lil uliedu kollha. Kemm nixtieq li f’dan ir-Randan dan il-Missier ikun magħruf u maħbub!
San Pawl fl-ittra tiegħu lir-Rumani jagħmel affirmazzjoni qawwija: “Il-ħlejjaq qed jistennew ħerqana r-rivelazzjoni ta’ wlied Alla; għax il-ħolqien jinsab taħt il-frugħa” (Rum 8,19-20). Dak li San Pawl qed jgħid lir-Rumani nistgħu ngħiduh perfettament għalina: is-soċjetà qed tistenna r-rivelazzjoni ta’ wlied Alla! Is-soċjetà tal-lum tidher indifferenti quddiem il-fenomenu reliġjuż imma għandha għatx biex tiskopri li Ġesù huwa Iben Alla, u f’Ġesù tagħraf lilha nfisha. U jekk il-bniedem huwa iben, Alla huwa Missier, u jekk huwa Missier allura aħna aħwa.
San Ġużepp: ikona ta’ l-iben
Illum nixtieq nitfa’ l-ħarsa tiegħi fuq San Ġużepp, li għalih żgur ma nistgħux ngħidu li kien “a fatherless son”, għaliex il-ftit li nafu fuqu jixhdilna x’rabta huwa kellu mal-Missier. Nixtieq li din ir-riflessjoni tgħinna nifhmu, permezz ta’ Ġużeppi, x’ifisser tkun iben tal-Missier. Ħafna drabi, u ġustament, aħna nirriflettu fuq Ġużeppi bħala l-missier, il-kustodju ta’ l-Iben ta’ Alla li sar bniedem. Imma qabel naslu għal dan nixtieq li npoġġi lil Ġużeppi bħala ikona ta’ kif l-iben għandu jirrelata mal-Missier.
Il-ftit li jgħid il-Vanġelu fuq Ġużeppi jindikalna li bħall-iben iż-żgħir tal-parabbola Ġużeppi wkoll kellu mumenti ta’ diffikultà, kellu mumenti fejn ma fehemx lill-Missier! Imma filwaqt li l-iben iż-żgħir ipprova jsolvi l-problema billi nfatam minn missieru u tbiegħed minnu, Ġużeppi għall-kuntrarju jistaqsi x’inhi r-rieda tal-Missier u huwa ubbidjenti lejh. Huwa għamel dik il-qabża ta’ l-imħabba u twaħħad mal-Missier. Ġużeppi jurina li fil-ħajja tagħna bħala wlied maħbuba ta’ Alla ngħaddu minn mumenti ta’ dlam u ta’ qtigħ il-qalb, imma l-qawwa tal-fidi twassal lill-bniedem biex jirrelata ma’ Alla u jistħarreġ u joqgħod għar-rieda tal-Missier. Kieku l-iben iż-żgħir baqa’ fid-dar ta’ missieru ma kienx jgħaddi minn dawk il-mumenti umiljanti imma kien igawdi mill-ġid ta’ missieru. Il-missier xtaq illi jakkwista lura lill-iben, mhux tant biex jippossedih u jkun tiegħu, imma ħalli jgħinu jiskopri u jgħix id-dinjità tiegħu ta’ persuna li hija wild ta’ Alla.
Nistħajjel li anki l-Missier jaġixxi ma’ Ġużeppi kif il-missier tal-parabbola aġixxa ma’ l-iben iż-żgħir. Il-Missier lil Ġużeppi jlibbsu l-libsa tad-dinjità tiegħu ta’ persuna, tad-dinjità tiegħu bħala iben; ilibbsu wkoll iċ-ċurkett tal-fedeltà tiegħu lejn martu, Marija, li hija espressjoni ta’ l-imħabba tiegħu lejn il-Missier; ixiddlu wkoll is-sandli biex jista’ jmidd il-passi tiegħu fiċ-ċertezza, bil-libertà kollha fil-pellegrinaġġ ta’ fidi li m’hux ħafif.
Allura dan huwa l-appell tiegħi għalina lkoll: li f’realtà bħal tagħna, fejn qegħdin ngħixu f’dinja mingħajr missier, nistenbħu u niskopru l-wiċċ sabiħ ta’ dan il-Missier li jrid iħaddanna lkoll u li lkoll irid ilibbisna l-libsa s-sabiħa, iċ-ċurkett tal-fedeltà, is-sandli biex inkunu ħielsa. Ġesù jgħidilna li “il-verità tagħmilkom ħielsa tassew” (Ġw 8,32), u Ġużeppi huwa ikona ta’ kif aħna nistgħu niksbu din il-verità biex ngħixu l-vokazzjoni proprja tagħna skond l-identità tagħna bħala wlied il-Missier. Imbagħad inkunu f’pożizzjoni biex aħna, bil-ħajja tagħna ta’ kuljum, mgħejjuna minn din ir-riflessjoni spiritwali, frott il-Kelma ta’ Alla, nirrivelaw lis-soċjetà tagħna min huma l-ulied ta’ Alla fis-soċjetà. Id-dinja qed tistenna bil-ħerqa din l-aħbar.
San Ġużepp: ikona tal-Missier
Nistaqsu:x’diffikultajiet hemm biex il-bniedem jagħraf lil Alla bħala Missier? X’wassal lill-bniedem biex jemarġina lil Alla jew biex jeskludih mill-ħajja tiegħu ta’ kuljum?
Fil-vokabularju tagħna l-kelma “missier” ġiet svojtata mis-sens veru tagħha. Irridu nistaqsu jekk fil-mod kif il-missirijiet qed jgħixu l-esperjenza fil-familja jew kif aħna s-saċerdoti ngħixu bħala missirijiet spiritwali tagħkom, aħniex naġixxu b’tali mod li l-kunċett ta’ missier battalnieh minn kull tifsira u veru sens, bil-konsegwenza li l-bniedem tal-lum xħin jiġi biex jirriferi għal Alla u jagħżlu bħala l-Missier, ma jintebaħx bih!
Niftakar meta darba, waqt li kont qed nagħmel il-katekiżmu lit-tfal, kellimthom fuq Alla l-Missier. Qabeż tifel u qalli li ma riedx jaf b’dan Alla l-Missier:“Ma rridx li jkolli x’naqsam miegħu”, qalli! Dan il-kliem lili ssorprendieni,u meta staqsejtu għaliex għamel din ir-reazzjoni hu qalli li ma riedx ikun jaf b’Alla l-Missier jekk dan kien jixbah lil “missieru” fil-familja, għaliex dan kien isawwat lil ommu, jieħu mara oħra d-dar tagħhom u lanqas kien jipprovdilhom għixien.
U allura din hija t-tieni mistoqsija li npoġġi għar-riflessjoni tagħna: meta aħna qegħdin ngħixu l-ministeru patern tagħna bħala ġenituri, x’kontenut qegħdin ngħaddu lil uliedna?
Hawnhekk il-parabbola tal-Vanġelu wkoll tagħtina ħjiel ta’ kif għandu jkun il-missier. Il-missier huwa dak li lill-iben il-kbir qallu: “Ma tafx li dak li huwa tiegħi huwa tiegħek?” Jien nifhem li l-missier tal-parabbola mhux biss ta lil ibnu l-ġid materjali tiegħu imma wkoll tah lilu nnifsu. Nibża’ li fil-familji tagħna ħafna drabi l-ġenituri jikkuntentaw b’li jipprovdu l-ġid materjali lil uliedhom, imma ma jaslux biex jagħtuhom lilhom infushom. L-esperjenza tgħallimna li aħna tqal biex naċċettaw il-verità li ħafna drabi anki t-tfal stess qegħdin jgħidulna: “Aħna ma rridux ir-rigal jew l-oġġett, jiswa kemm jiswa, imma aħna rridu lilkom, Ma… Pa!”
Hawnhekk nitfa’ l-ħarsa tiegħi fuq Ġużeppi, imma din id-darba lil Ġużeppi nippreżentah bħala ikona tal-Missier. Ġużeppi x’jagħtih lil ibnu Ġesù? Huwa jagħtih lilu nnifsu, anki meta ma setax jifhem u għaraf li hemm prezz għoli ta’ din l-għotja sħiħa u inkondizzjonata tiegħu nnifsu lil Ġesù. Ma kienx xħiħ ma’ ibnu Ġesù imma ngħata għalih kollu kemm hu.
Il-preżenza tal-ġenitur
Il-missier tal-parabbola huwa dak li kien dejjem jistenna lill-iben iż-żgħir ġej lura d-dar. Meta dan ġie f’tiegħu u għaraf li għamel żball li ħarab minn missieru, għamel il-kuraġġ u qam biex imur lura għandu, konvint li missieru kien id-dar. L-iben kellu ċ-ċertezza li l-missier kien qiegħed hemm għalih, jistennih b’mod attiv. Inkunu sinċiera u nistaqsu: jistgħu llum uliedna jgħidu b’ċertezza: “Jien sa mmur id-dar u sa nsib lill-ġenituri hemm, jew jekk ma nsibx lit-tnejn insib lil xi ħadd minnhom”?
Dawn huma għażliet li rridu nagħmlu. Jekk uliedna ma jsibux il-preżenza tal-missier u ta’ l-omm fil-familja, allura x’kunċett sa jibqgħalhom tal-missier u l-omm? Kif sa jaslu wliedna biex jagħmlu l-qabża li tgħaddihom mill-missier ta’ din l-art għall-Missier etern? M’hemmx riskju kbir li jekk il-missier fid-dar huwa dejjem assenti, uliedna jistgħu jissuspettaw li anki Alla l-Missier huwa assenti mill-ħajja tagħhom? Għadna nagħmlu minn kollox biex ma nħallux ibejjet f’moħħ u f’qalb uliedna l-ħsieb ħażin li kif il-missier jew l-omm tant għandhom x’jagħmlu illi għalihom l-iben jew il-bint saru wieħed jew waħda mill-ħafna, allura forsi anki Alla jittratta bl-istess mod lill-bniedem! F’kif niżvolġu l-missjoni tagħna ta’ ġenitur hemm ċerta pedagoġija li ssawwar lill-oħrajn.
Jien konvint li Ġużeppi kien dejjem preżenti fil-ħajja ta’ Ġesù. Flimkien ma’ Marija ta trobbija lil Ġesù. Mhux Ġużeppi waħdu jew Marija waħidha għamlet dan, imma t-tnejn flimkien. U anki f’dan ir-rigward Ġużeppi huwa wkoll ikona tal-Missier li għandu jgħinna nagħtu kontenut validu lill-“ministeru” tagħna bħala ġenituri.
Għajnuna psikoloġika lit-tfal
Il-missier tal-parabbola ċertament kellu sens qawwi u għerf profond f’dik li llum tissejjaħ ix-xjenza tal-psikoloġija, għaliex xħin ra lil ibnu ġej u xħin sema’ li ibnu l-kbir qiegħed jilmenta huwa ħareġ għalihom it-tnejn. Jirriżulta wkoll li waqt li ż-żgħir qagħad jistudja kif sa jagħmel l-apoloġija tiegħu lil missieru, malli ltaqa’ miegħu l-missier beda jgħannqu miegħu. L-imħabba ħadet post kull kliem ieħor ta’ skuża jew maħfra.
Għeżież ġenituri, ma naħsibx li nkun nitlob ħafna meta nappellalkom, mhux biex tistudjaw il-psikoloġija ta’ l-ulied, imma biex tirrispettaw dak li n-natura stess tgħallem lill-ġenituri kif għandhom jirrelataw ma’ wliedhom. In-natura stess tgħidlek li mhux l-ulied għandhom jistennewk tiġi lura d-dar, imma li l-ġenitur ikun jistennihom u jekk hemm bżonn joħroġ għalihom ukoll! Imbagħad hemm dik l-attitudni tal-ġenitur li ma għandux bżonn ta’ ħafna kliem, imma bewsa u tgħanniqa ta’ paċi li toqtol dak kollu li seta’ jkisser ir-relazzjoni bejn l-ulied u l-ġenituri. Alla fdalna f’idejna teżori kbar, u jekk aħna ma nagħrfux lil uliedna nagħtuhom trobbija tajba u msejsa fuq l-imħabba, ma nistgħux nagħtu lil uliedna garanzija ta’ futur.
F’din it-trobbija ta’ wliedna nifhem li jista’ jkun hemm każi fejn il-ġenituri jkollhom bżonn ta’ għajnuna speċjalizzata minn psikoloġi u counsellors. Naf li fl-iskejjel tagħna hemm bżonn kbir li wliedna jsibu din l-għajnuna, partikularment dawk li ma għandhomx is-sapport tal-familja; u proprju għaliex m’għandhomx dak li tkellimt fuqu aktar ’il fuq, huma xi ftit disturbati. Imma possibbli sejrin nixxaħħu li noffru lil uliedna, anki f’dawn l-istituzzjonijiet, għajnuna speċjalizzata ħalli ngħinuhom jegħlbu dawn il-mumenti tqal u nevitaw li jkollna persuni disturbati u li jistgħu jibqgħu hekk? Jien nibża’ li jista’ jkun hemm min jirraġuna li nistgħu nagħmlu ekonomija f’din l-għajnuna neċessarja għal uliedna.
Filfatt l-evanġelisti jgħidulna li meta Ġesù ntilef, Ġużeppi u Marija flimkien marru jfittxuh u xħin sabuh aċċettawh u ħaduh magħhom fejn huwa kompla jikber fis-snin, fl-għerf u fil-grazzja fid-dar, għall-kenn tal-ġenituri tiegħu. Dan ifisser li Ġesù kompla jikber fil-proċess tal-maturazzjoni psikoloġika, bil-kura u l-għajnuna tal-missier u l-omm. Wieħed jittama li anki fil-familji tagħna l-ġenituri joffru dan il-kontribut, u jekk ikun il-każ isibu min isostnihom f’dan l-impenn delikat.
Nitlob lil San Ġużepp, kap tal-Familja Mqaddsa, biex jieħu taħt il-patroċinju tiegħu l-familji tagħna, partikularment lill-ġenituri tagħna.