Il-Ministeru Saċerdotali (Knisja tar-Ragħaj it-Tajjeb, Victoria - 22 ta’ Jannar 2007

Omelija fl-ewwel anniversarju ta’ l-episkopat
Knisja tar-Ragħaj it-Tajjeb, Victoria
It-Tnejn 22 ta’ Jannar 2007
L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex

Il-Ministeru Saċerdotali

Waħda mir-raġunijiet għaliex sena ilu għażilt din id-data għall-konsagrazzjoni episkopali tiegħi kienet proprju għax illum il-Knisja lokali tiċċelebra l-festa ta’ San Publiju li, skond it-tradizzjoni, kien l-ewwel isqof ta’ pajjiżna. Għalhekk illum nixtieq nagħmel meditazzjoni fuq kif din il-ġrajja tista’ tgħin kemm lili fil-ministeru tiegħi bħala isqof u kemm lilkom, saċerdoti, li intom il-kollaboraturi ewlenin tiegħi.


Missierna San Pawl għażel lil Publiju bħala l-ewwel saċerdot-isqof ta’ Malta. Dan ifisser li Pawlu lemaħ ċerti kwalitajiet f’Publiju li kienu jagħmluh tajjeb biex jafdalu l-ministeru saċerdotali. Żgur li ma għażilx lil Publiju għax kien kap tal-gżira, imma għażlu għax ra fih dak li Pawlu japprezza f’Titu: “Qaddej tajjeb ta’ Kristu Ġesù” (1 Tim 4,6). Imma Publiju kien pagan. Mela x’wasslu biex jikkonverti għal Kristu u jintgħażel biex Pawlu jafdalu l-Knisja f’Malta?

Konvint li kienet l-esperjenza tiegħu ma’ l-Appostlu Pawlu! U nilmaħ tliet aspetti f’Pawlu li setgħu influwenzaw lil Publiju fil-pożittiv.

Qawwa li tfejjaq

Pawlu fejjaq lil missier Publiju li kien marid bid-deni u d-disenterija. Forsi setgħet kienet din il-qawwa terapewtika ta’ Pawlu li għenet lil Publiju jersaq lejn Kristu! Ra l-miraklu tal-fejqan u emmen.

Illum ukoll is-saċerdot huwa mfittex biex ifejjaq lil tant morda. Huma ħafna dawk is-saċerdoti li bi kliemhom u għemilhom iferrgħu d-duwa li tfejjaq fuq feriti xi drabi profondi u jintnu. Dan is-servizz is-saċerdoti joffruh b’mod partikulari meta bil-ministeru tagħhom jaħfru d-dnubiet. Din hija l-missjoni tal-Knisja llum: li titfa’ l-balzmu biex tagħlaq il-ġerħat. Ikun ta’ ħsara kbira għall-messaġġ ta’ Kristu jekk xi ħadd fil-Knisja jinqeda bil-ministeru biex jikkawża xi ġerħa! Għall-kuntrarju, meta l-Knisja tapplika l-mediċina li taha Kristu biex ittaffi t-tbatija tal-bniedem, tkun tgħin lill-bniedem tal-lum jiskopri lil Kristu bħala l-veru tabib.

Xandâr tal-Kelma

Fl-Atti ftit li xejn għandna tagħrif fuq x’kienet il-ħidma ta’ Pawlu matul il-waqfa tiegħu f’pajjiżna; imma, kif normalment kien jagħmel meta kien iżur xi komunitajiet kristjani, Pawlu ma kienx jehda jxandar il-Kelma ta’ Alla. Anzi, meta fl-Atti nsibu li Pawlu waqaf tlitt ijiem fid-dar ta’ Publiju, inħoss li mhux b’kumbinazzjoni li l-awtur isemmi “tlitt ijiem”. Dan jista’ jkun numru simboliku li jirriferi għall-misteru ta’ l-Għid ta’ Kristu: it-tlitt ijiem tal-Passjoni, il-mewt u l-Qawmien, li fl-aħħar mill-aħħar kienu l-essenza tal-predikazzjoni ta’ Pawlu. Għalhekk dan ninterpretah bħala indikazzjoni li fid-dar ta’ Publiju, Pawlu xandar il-Bxara t-Tajba tal-mewt u l-Qawmien ta’ Kristu. Quddiem din il-bxara Publiju ma setax jibqa’ indifferenti imma emmen! Inżid ngħid li din il-Kelma Pawlu saqqiha bl-eżempju, għax żgur li Pawlu tkellem ma’ Publiju fuq id-destinazzjoni tiegħu: li hu wasal Malta għax kien fi triqtu lejn Ruma biex jieħu l-martirju għal Kristu, u hekk jagħmel huwa stess esperjenza tal-misteru paskwali meta jmut ma’ Kristu u jirxoxta ma’ Kristu.

Jekk aħna s-saċerdoti rridu ngħinu lill-bniedem jersaq lejn Kristu, bħal Pawlu aħna wkoll jeħtieġ nifhmu l-missjoni tagħna ta’ xandâra tal-Kelma! Meta llum hawn inflazzjoni tal-kelma u l-kelma saret irħisa, is-saċerdot huwa mibgħut biex iwassal il-“Kelma ta’ Alla” – kelma li tagħmel sens fil-ħajja. Għalhekk huwa indispensabbli li aħna s-saċerdoti nitolbu aktar, nimmeditaw il-Kelma ta’ Alla u nistudjawha.

Bniedem ta’ Alla

Imma l-kelma ta’ Pawlu ma setgħetx kienet daqshekk effettiva fuq Publiju li kieku l-persuna ta’ Pawlu ma saħħritx lil Publiju! Mhux qed nitkellem fuq il-fiżiku ta’ Pawlu, imma fuq il-fatt li Pawlu kien “bniedem ta’ Alla” (1 Tim 6,11). Ċertament li l-preżenza ta’ l-Ispirtu f’Pawlu għenitu jikber kuljum fl-għaqda u x-xebh tiegħu ma’ Kristu, tant li seta’ jistqarr li “mhux jien li ngħix, imma Kristu jgħix fija” (Gal 2,20). Din il-preżenza u dan ix-xebh kellhom qawwa li jqanqlu lill-oħrajn, mhux tant wara Pawlu, imma wara Kristu! Dan seħħ f’Publiju. Bħala l-prinċep tal-gżira Publiju kellu ġid, setgħa u popolarità biżżejjed. Mela x’kien hemm f’Pawlu li interessah tant? Din il-preżenza ta’ Alla, li ma tinstabx f’kulħadd, hija preżenza li tisboq kull sodisfazzjon li jistgħu joffru l-ġid materjali, il-poter u l-fama.

Nappellalkom, ħuti fis-saċerdozju, biex tixxenqu ħalli tkunu verament “bnedmin ta’ Alla”, u l-poplu jħoss lil Alla fina! Itolbu għalija ħalli, minkejja d-dgħjufija tiegħi, naħdem aktar fuqi nnifsi biex ninħeba jien u jidher Kristu permezz tiegħi! Naf li fil-kotra tagħkom is-saċerdoti hemm xewqa li tikbru spiritwalment; naf ukoll li tiltaqgħu ma’ ħafna diffikultajiet f’din l-avventura ta’ l-Ispirtu. Agħmlu l-qalb; jiena bħalkom u magħkom. Nitlob lill-Mulej iseddaqkom.

Il-Pjan Pastorali Djoċesan

Nistedinkom tkomplu taħdmu fuq il-Pjan Pastorali għad-Djoċesi tagħna din is-sena, li għandu bħala tema L-Ispirtu s-Santu u l-ħajja tan-nisrani. Hija tema li tinteressana personalment għax, għalkemm aħna saċerdoti, aħna Kristjani. Jekk illum qegħdin infakkru l-ewwel anniversarju mill-konsagrazzjoni tiegħi bħala isqof, jiġifieri minn meta rċivejt l-Ispirtu s-Santu biex inkun nista’ naqdi l-Knisja fil-ministeru fdat lili, ma ninsewx li fil-magħmudija, dakinhar tal-Konfirmazzjoni u fl-ordinazzjoni presbiterali lkoll kemm aħna lqajna fina l-Ispirtu s-Santu!

Forsi neħtieġu noqogħdu aktar fil-preżenza ta’ l-Ispirtu u nsejħulu biex jimlina bil-frott tiegħu. Ma nistagħġibx li f’ċerti ċirkustanzi għandna bżonn nistaqsu dak li Pawlu staqsa lill-komunità ta’ Efesu: “‘Intom ħadtu l-Ispirtu s-Santu meta emmintu?’. Iżda huma weġbuh: ‘Le, lanqas biss smajna li hemm l-Ispirtu s-Santu’” (Atti 19,2-4). Nixtieq infakkarkom dak li Pawlu jafda lill-presbiteri ta’ Efesu: “Jien imġiegħel mill-Ispirtu s-Santu biex immur Ġerusalemm bla ma naf x’sa jgħaddi mingħalija hemmhekk. Naf biss li l-Ispirtu s-Santu wrieni li f’kull belt hemm jistennewni ħabs u tbatija. Iżda jien lil ħajti xejn ma nqisha għażiża għalija jekk mhux biex intemm il-mixja tiegħi u l-ministeru li ħadt mingħand il-Mulej Ġesù, jiġifieri li nagħti xhieda tal-Bxara t-Tajba u tal-grazzja ta’ Alla” (Atti 20,22-24).

Ngħaddu lil ta’ warajna dak li aħna rċevejna

Fit-triq illum sa niltaqgħu ma’ bosta li huma bħal Publiju. Fost dawn hemm ħafna li posthom huwa fil-Knisja; imma dawn jidħlu fiha jew le jekk bħal Pawlu nagħtuhom il-possibbiltà li permezz tagħna jiltaqgħu ma’ Kristu. Għalhekk nikkuraw dawn it-tliet dimensjonijiet li semmejna billi nkunu dawk li jersqu lejn il-marid u jitfgħu balzmu kotran fuq il-feriti tiegħu, inwasslu l-Kelma ta’ Alla li toħloq u tqaddes, u b’umiltà kbira nkunu bnedmin ta’ Alla.

Dawn nemmen li kienu xi wħud mir-raġunijiet għaliex Publiju fetaħ qalbu għal Kristu, tant li Pawlu fdalu l-Knisja. Din il-Knisja Appostolika writniha aħna u huwa dmir tagħna li nsibulha oħrajn magħna fil-bini tagħha biex ngħadduha lil ta’ warajna. Naf li ħafna mis-saċerdoti tagħna huma konvinti minn dan, tant li jkomplu fil-ministeru tagħhom xi drabi bi tbatija. Jien inbati magħkom. Napprezza l-vokazzjoni ta’ kull wieħed minnkom u ma nehdiex insejjaħ lill-poplu ta’ Alla jweżinkom bit-talb. Amen.