Il-ministeru tal-qawwa tal-ħelsien ta’ Kristu (Parroċċa Munxar, 3 ta’ Dicembru 2006)

IL-MINISTERU TAL-QAWWA TAL-ĦELSIEN TA’ KRISTU

Pussess ta’ Dun Tonio Galea bħala Kappillan tal-Parroċċa tal-Munxar – 3 ta’ Dicembru 2006

“Il-Fidwa tagħkom hija fil-qrib”

Hekk qal Ġesù lin-nies ta’ żmienu, kif jirrakkontalna San Luqa fil-Vanġelu li għadu kif tħabbrilna mill-kappillan. U jien inħoss illi dalgħodu nista’ ntenni din l-Aħbar it-Tajba: “Erfgħu raskom għax il-fidwa tagħkom hija fil-qrib”. U nkompli nżid frażi oħra tal-Vanġelu: “Għad jasal il-jum li fih intom taraw lil Bin il-Bniedem ġej bil-qawwa u l-glorja tiegħu.” U jiena nemmen li dan mhuwiex biss appuntament għal meta naraw lil Kristu b’mod definittiv fil-parusija, imma anke appuntament għalikom illum li l-Mulej ġie jżurkom bil-qawwa tiegħu.

Stedina biex il-Knisja tagħraf li l-ħelsien huwa fil-qrib

Għeżież ħuti, din hija laqgħa partikulari tagħna dalgħodu, u toqgħod ħafna għal dan iż-żmien liturġiku ta’ l-Avvent li bdejna llum. X’inhu ż-żmien ta’ l-Avvent jekk mhux iż-żmien kollu sahra tal-bniedem biex jinduna li Alla għaddej minn ħdejh? X’inhu l-Avvent jekk mhux dik ix-xewqa, dik il-ħrara u t-tama li aħna wkoll jinfetħulna għajnejna biex naraw lil Kristu preżenti fostna? U x’inhi din il-funzjoni, din il-liturġija li qegħdin ninawguraw dalgħodu jekk mhux ukoll għajnuna oħra biex il-Knisja li tgħammar fost il-familji f’din il-parroċċa tara lil Kristu fil-glorja u l-qawwa tiegħu? U dan tagħmlu bl-għajnuna ta’ dan is-saċerdot illi qed jaċċetta l-ministeru tiegħu ta’ ragħaj spiritwali u ta’ kappillan biex jgħinkom tagħmlu esperjenza tal-fidwa ta’ Alla li hija fil-qrib.

Il-kelma “fidwa” hija kelma bil-Malti imma forsi mhux dejjem nifhmu s-sens tagħha.  L-espressjoni bit-Taljan hija “la vostra liberazione”. It-test bit-Taljan huwa “Erfgħu raskom għax il-ħelsien tagħkom huwa fil-qrib”. U jekk tistaqsuni x’inhu l-ministeru ta’ kappillan ngħidilkom li huwa ministeru tas-saċerdot ta’ Kristu li qiegħed fostkom biex jgħinkom idduqu l-qawwa tal-ħelsien li ġab Kristu. Hija preżenza li tagħmilha possibli biex intom taraw il-glorja, il-ġmiel u l-qawwa ta’ Kristu.

Għażiż hija fis-saċerdozju, u issa kollaboratur mill-qrib tiegħi fil-Kulleġġ tal-Kappillani tagħna, dan huwa li jiena nawguralek u nitlob minnek: li għal din il-komunità li hija għatxana għal dak li huwa spiritwali, int tkun għalihom ministru li jgħinhom jagħrfu l-ġmiel u l-qawwa tal-Mulej ħalli huma stess iġarrbu l-liberazzjoni u l-ħelsien li ġab Kristu.

“Għad taraw lil Bin il-Bniedem ġej bis-setgħa u l-glorja tiegħu”

San Luqa jibda l-Vanġelu tiegħu bi frażijiet li għal min jismagħhom l-ewwel darba jistgħu jnisslu fih ċertu biża’ u qtiegħ il-qalb, għaliex jitkellmu b’lingwaġġ apokalittiku. Ġesù jgħid: “għad taraw sinjali fix-xemx, fil-qamar u fil-kwiekeb, għad tisimgħu ħafna ħsejjes li jbeżżgħu, in-nies imdejqa bl-istennija ta’ dak li għandu jigri.”  X’ifisser dan kollu?

Veru li dawn huma realtajiet li għad iseħħu meta Kristu jiġi b’mod definittiv, imma jien naħseb li din hija r-realtà tagħna llum. Illum ukoll fil-ħolqien ta’ madwarna hemm sinjali li ma nifmuhomx; illum ukoll nisimgħu ħsejjes li jtarrxu u li ma jħalluniex nisimgħu lil xulxin, aħseb u ara kemm iħalluna nisimgħu lil Alla. Illum ukoll niltaqgħu ma’ nies imdejqa, xi darba mdejqa b’ħajjithom stess.

Imma l-Vanġelu ma jieqafx hemm. Quddiem din ir-realtà jxandar l-Aħbar it-Tajba: “Għad taraw lil Bin il-Bniedem ġej bil-qawwa u l-glorja kollha tiegħu.” U b’din il-liberazzjoni li jwettaq il-Mulej Ġesù jkun hawn ħolqien ġdid, smewwiet ġodda u art ġdida. U dawn ma nistennewhomx nell’al di là, fl-aħħar tad-dinja, imma mil-lum, b’dik li tissejjaħ eskatoloġija realizzatta. U min ser iwettaq dan kollu? Min ser iġib smewwiet ġodda u art ġdida biex negħlbu dawn id-diffikultajiet? Hija l-komunità nisranija taħt it-tmexxija tal-kappillan u miegħu sħabu s-saċerdoti.

Illum huwa jum sabiħ mhux biss għaliex ix-xemx hemm barra qed tiżreġ, imma għaliex qed nibdew fażi ġdida fil-ħajja ta’ din il-komunità,  li proprju fid-dawl tal-Kelma ta’ Alla li għadna kif smajna tinawgura dan il-perijodu ta’ l-Avvent, żmien ta’ tiġdid, b’talba li jkun hawn smewwiet ġodda u art ġdida.

Tiġdid spiritwali permezz tax-xandir tal-Kelma u tal-Liturġija

Għalhekk, għażiż ħija Dun Tonio, jiena nħeġġek biex bil-għajnuna ta’ sħabek is-saċerdoti, tar-reliġjużi u tal-lajċi li għandhom rieda tajba, iġġibu wkoll dan it-tiġdid. U nista’ ngħid li dan it-tiġdid neħtiġuh mhux biss fid-dinja ta’ madwarna imma anke fil-Knisja u anke fil-komunità nisranija. Din hija waħda mix-xewqat tiegħi bħala ragħaj spiritwali tagħkom. U meta ngħid tiġdid m’iniex nuża xi kelma li qed nivvintaha jien, imma hija x-xewqa ta’ ommna l-Knisja meta snin ilu ċċelebrat il-Koncilju Vatikan II. Għaddew kważi ħamsin sena u jien naħseb li għadna fl-apice tal-Konċilju. Hemm ċerti linji tal-Konċilju li għadna rridu nitgħallmuhom u napplikawhom. Bħala eżempju, insemmu wieħed mid-dokumenti li jitkellem dwar il-Kelma ta’ Alla – id-Dei Verbum.

Tant hija għal qalb il-Papa attwali din it-tema li s-Sinodu li ġej ta’ l-Isqfijiet ser ikun jittratta l-Kelma ta’ Alla fil-Knisja. Ma jidhrilkomx, għeżież tiegħi, li rridu naħdmu iżjed biex il-Kelma ta’ Alla jkollha post ċentrali fil-ħajja tal-komunità, tan-nisrani u tal-familja tagħna? Dan huwa wieħed mill-kompiti li inti għandek, għażiż kappillan, li tkompli tibni fuq dak li bnew il-predeċessuri tiegħek u tagħmel minn din il-komunità komunità li tinġabar madwar il-kelma li għadni kif afdajtlek f’idejk.

Dokument ieħor tal-Konċilju huwa dwar il-liturġija, li hija n-nifs tal-Knisja u hija l-ħajja tal-komunità li tinġabar biex madwar il-Kelma ta’ Alla u l-Ewkaristija tiċċelebra l-preżenza ta’ Kristu. U anke f’dan il-kamp hemm passi kbar li rridu nagħmlu biex tassew il-liturġija tkun għalina talba kemm li tiftiehem kif ukoll talba li fiha jkun hemm parteċipazzjoni kemm jista’ ikun wiesgħa ta’ l-assembleja liturġika kollha kemm hi. Dan huwa li nawguralek, għażiż Dun Tonio.

Stedina għall-konverżjoni

U l-aħħar ħaġa li nixtieq nirrikkmandalek, u li hija wkoll ispirata mill-Kelma ta’ Alla li smajna llum, hija meħuda minn San Pawl Appostlu fit-tieni qari għal dan l-Ewwel Ħadd ta’ l-Avvent. Għal iktar minn darba San Pawl jgħid lill-insara: “Intom tgħallimtu mingħandna, intom ħadtu l-eżempju tiegħi, imma issa nħeġġiġkom tagħmlu xi ħaġa iżjed minn dak li għallimtkom jien, minn dak li tajtkom ezempju tiegħu jien.” Araw x’qawwa kellu Pawlu u x’konvinċiment qawwi kellu biex idur fuq il-Knisja u jgħid lill-insara: “Agħmlu kif għamilt jien.”

Kemm nixtieq li nkun nista’ ngħidilkom din is-sentenza, u kemm nixtieq li inti, Dun Tonio u sħabna kollha s-saċerdoti nkunu nistgħu niġu quddiemkom, għeżież insara, u ngħidulkom mhux biss agħmlu kif qalilna Kristu, imma wkoll agħmlu kif qegħdin nagħmlu aħna! Naturalment anke aħna bħal kulħadd rridu nikkonvertu, u bħal kulħadd irridu nikbru fil-qdusija. Anzi, ngħid li l-piż gravi iktar fuq spallejna għax għandna din ir-responsabiltà li nkunu rgħajja spiritwali tagħkom.

U għalhekk, filwaqt li aħna niftakru f’dan l-impenn u f’din ix-xewqa li nkunu nistgħu nduru lejkom u ngħidulkom: “Agħmlu kif nagħmlu aħna”, inħeġġiġkom, għeżież ħuti nsara, biex titolbu għalina u biex ma tehdew qatt toffru talb, suppliki u anke xi sagrifiċċju għall-qdusija tagħna s-saċerdoti, tagħna r-rgħajja spiritwali tagħkom, biex inkunu nistgħu nibnu din il-Knisja u din is-soċjetà ġdida li tifraħ dejjem bid-dehra ta’ smewwiet ġodda u art ġdida.