Il-vokazzjoni tal-qadi fil-Knisja u fid-dinja (Knisja Katidrali, 27 ta’ Ġunju 2006)

IL-VOKAZZJONI TAL-QADI FIL-KNISJA U FID-DINJA

Ordinazzjoni għad-Djakonat ta’ Michael Curmi (mill-parroċċa ta’ Marija Bambina, Xagħra) u ta’ Joshua Muscat (mill-parroċċa ta’ San Pietru u San Pawl, Nadur), Knisja Katidrali – 27 ta’ Ġunju 2006

Fil-bidu ta’ l-omelija tiegħu Mons Isqof Mario Grech irringrazzja lil min b’xi mod jew ieħor kellu sehem fil-formazzjoni ta’ dawn iz-żgħażagħ għad-djakonat, fosthom lil Mons Isqof Emeritus Nikol Ġ. Cauchi, ir-Rettur tas-Seminarju Dun Anton Teuma u l-kollaboraturi tiegħu, lill-ġenituri ta’ dawn iż-żgħażagħ li huma benefatturi kbar tal-Knisja u lill-parroċċi rispettivi tagħhom.

Il-valur tal-ministeru tad-Djakni

Id-djakonat huwa sagrament li jgħinna nifhmu lil Kristu l-Qaddej ta’ Alla u sagrament li jgħin lill-Knisja tifhem id-djakonija, li hija aspett importanti mill-missjoni tagħha. Mhux ta’ b’xejn li Sant’Injazju ta’ Antjokja jgħid illi “li aħna nħobbu u nilqgħu lid-djakni huwa kmandament ta’ Alla”. Dan għaliex il-preżenza tagħkom id-djakni fil-Knisja hija xhieda ta’ x’inhi il-missjoni tagħna lkoll: tiegħi bħala Isqof, tagħna bħala saċerdoti u tagħkom bħala nsara. Kien għalhekk li ħassejna li minn din is-sena nagħżlu l-ordinazzjoni tad-Djakonat mill-ordinazzjani għall-Presbiterat li ser issir fi ftit ġimgħat oħra.

Okkażjoni ta’ ferħ għall-Knisja u anke għal pajjiżna

Għaliex jien ferħan? Nifraħ għaliex jekk tagħrfu tilqgħu dan id-don u tħalluh jibdilkom u jagħmilkom qaddejja, intom ser tkunu benefiċċju kbir mhux biss għall-Knisja imma anke għal pajjiżna. Jien nibża’ li din il-ħaġa għadha ma tinftiehemx biżżejjed, għax kieku napprezzaw iktar id-djakonat.

Il-preżenza tagħkom tgħinna nifhmu u ngħixu s-servizz lejn l-oħrajn. Intom djakni ta’ Kristu u tal-Knisja, u għalhekk is-servizz tagħkom mhux sempliċi filantropija jew assistenza, imma preżenza li tirrendi preżenti lil Kristu l-Qaddej ta’ Alla u tal-bniedem. Nitlobkom timmeditaw dan, għax hemm riskju kbir għalina u għalikom li nirrendu d-djakonat u s-saċerdozju bħala ħidma ta’ benevolenza; din mhix il-vokazzjoni tagħna.

X’inhi l-vokazzjoni tagħna?

Jiena nislet it-tifsira tad-djakonat mill-qari li aħna kellna llum. Qrajna fil-ktieb tan-Numri li Alla qal lil Mosè biex quddiem Aron jersqu l-Leviti, u lil dawn jagħżilhom għas-servizz li għandu x’jaqsam mat-Tinda tal-preżenza ta’ Alla, servizz li għandu x’jaqsam mal-qima ta’ Alla. Anke fil-Vanġelu smajna lil Kristu li jagħżel tnejn u sebgħin dixxiplu u jibgħathom qablu biex iħejju għall-miġja tiegħu. Mela kemm l-għażla tal-Leviti kif ukoll l-għażla tat-tnejn u sebgħin dixxiplu għandom skop preċiz, skop li huwa marbut ma’ Alla: “għall-qadi ta’ Alla”. U allura, tkun xi tkun il-forma ta’ qadi li l-Ispirtu ta’ Alla jilluminakom li għandkom tagħmlu, qisu li tagħmluh b’dan l-iskop qaddis illi qegħdin tagħtu glorja lil Alla, anke meta qegħdin taqdu lill-bniedem, għax, kif jgħid Sant’Irinew, il-bniedem ħaj huwa l-glorja ta’ Alla. U allura anke ħidma ta’ promozzjoni umana tmur lil hinn minn sempliċi assistenza, imma hija wkoll glorja lil Alla.

Kif għandkom twettqu din id-Djakonija?

Jiena u naqra l-Vanġelu (Lq 10 ) nsib li Kristu kien ċar. Kristu qalilhom: “intom ser tkunu bħal ħrief qalb l-ilpup”. Jien m’iniex ser noqgħod inbeżżagħkom li hemm il-lupu. Dik tafuha, għax min jrid jimxi wara Kristu, sew jekk huwa djaknu, sew jekk miżżewweġ jew iħaddan xi stat ieħor ta’ ħajja, jaf li kif ċaħdu lil Kristu ser jiċħdu lilu. Imma nixtieqkom tirriflettu fuq dak li Ġesù jgħid: “qiskom ħrief qalb l-ilpup”. Il-kelma ħaruf tfakkarni f’dak li jgħid il-profeta Isaija dwar il-Qaddej sofferenti, li qisu dak il-ħaruf li jiġi offrut f’sagriffiċċju, b’referenza ċara għall-Imgħallem tagħna l-Mulej Ġesù. U allura anke intom, għeżież djakni kollaboraturi miegħi, fittxu li kuljum timmedeżimaw ruħkom mal-Ħaruf divin. Bħall-Ħaruf fittxu li tkunu ġwejda, fittxu li tkunu lesti li tingħataw lil Alla u lill-bnedmin b’ruħkom, b’ġisimkom u bil-qawwa kollha tagħkom. Tħallux din id-dimensjoni sagrifikali tgħib mill-menti tagħkom jew tagħna, għax allura ma nkunux ngħixu s-saċerdozju tagħna.

Ġesù jkompli jgħid: ”Teħdux magħkom la borża, la ħorġa u lanqas qrieq”. X’ifisser dan? Tista’ tfisser il-gratuwità tas-servizz tagħkom: li intom lesti li taqdu mingħajr ma tistennew xejn lura. Inżommu quddiem għajnejna ċ-ċanfira ta’ Santu Wistin lir-rgħajja li jirgħu n-nagħaġ għax jaqbel lilhom, u għax min-nagħaġ ser jakkwistaw xi ħaġa. Imma dan m’hux ir-Ragħaj is-Sabiħ, imma r-ragħaj li huwa xrik. U jien ma rridkomx li tkunu hekk.

“Tkun bla borża, bla ħorġa u lanqas qorq” jista’ jfisser ukoll ħaġa oħra. Jista’ jfisser ukoll li intom tiftaqru, tinżgħu minn dak kollu li huwa tagħkom biex tkunu tixbħu lil Kristu: “Huwa li kien Alla ma qgħadx ifittex tiegħu li hu daqs Alla imma tneżża’ minn kollox, sar bħalna f’kollox minbarra fid-dnub”. U dan huwa d-djaknu, il-qaddej veru, li bħal Kristu jsir kollox għal kulħadd, jew biex nuza frażi pawlina, jsir ‘knis’ għas-servizz ta’ Alla u ta’ ħutu l-bnedmin. Din mhix lezzjoni ħafifa, u forsi ssibu min ifixkilkom f’din il-ħaġa. Imma għamlu l-qalb, għax hemm l-Ispirtu ta’ Alla li ser jgħinkom. U din hija t-tielet karatteristika li jiena nislet mit-tieni qari tal-lum.

L-Ispirtu ta’ Alla jgħinkom

Meta l-appostli ġew biex jagħżlu d-djakni fittxew li dawn ikunu mimlijin bl-Ispirtu ta’ Alla. Huwa dan li nħeġġiġkom tagħmlu, għeżież ħuti: li tkomplu tinfetħu beraħ ħalli l-Ispirtu ta’ Alla jkompli jżejjinkom bil-qdusija, u jagħtikom id-dawl ħalli tkunu tistgħu tiddixxernu fejn hemm bżonn li aħna naqdu, u hekk issibu dawk il-mumenti privileġġjati fejn intom tistgħu tkunu kanal ta’ l-imħabba ta’ Alla u tal-Knisja.

‘Idħlu f’kull dar u oħorġu fil-pjazez tagħhom’

Imma fil-Vanġelu jiena nħoss li Ġesù jkompli jgħid iktar dwar il-ministeru tagħkom, għeżież djakni. Ġesù jgħid lill-appostli: “Idhlu f’kull dar u oħorġu fil-pjazez”. Anke dawn iż-żewġ kelmiet jien nixtieq li norbothom mal-ministeru tagħkom.

Id-dar hija referenza għall-privatezza u l-intimità tal-persuna. U allura jien nistedinkom sabiex toffru dan is-servizz tant bżonnjuż għad-dinja tal-lum. Forsi ikun servizz moħbi, imma huwa żgur servizz nobbli għax inkunu ngħinu l-bniedem fl-intimità tiegħu u fil-kuxjenza tiegħu. Imma meta Ġesù jgħid ‘id-dar’ jien ma nistax ma niftakarx fil-familja. U jekk tridu nagħmlilkom kunfidenza, ngħidilkom li dawn it-tlett’ijiem kelli weġgħa ta’ qalb kbira għaliex iltqajt ma’ diversi koppji imweġġgħin u mgħaffġin. U allura nistedinkom biex taqdu l-familji tagħna, fittxu fejn huma l-ħtigijiet tal-familja kristjana u għinuha tgħix il-vokazzjoni tagħha. U b’mod partikulari nġib quddiem għajnejja l-proġett pastorali li aħna qegħdin nippjanaw għas-sena d-dieħla, u nħeġġiġkom biex taqdu kategorija partikulari fil-familji tagħna li huma l-adolexxenti u ż-żgħażagħ.

Imma Ġesù jgħid ukoll lill-appostli: “Ieqfu fil-pjazez”. U dan ifisser li l-qadi tagħkom u tal-Knisja ma nistgħux nillimitawh għall-privat: l-apostolat għandu d-dimensjoni pubblika. Hemm min donnu jrid jirrestrinġi l-attività tal-Knisja għal bejn il-ħitan tat-tempju. Il-fundament ta’ dan id-dritt għal-libertà reliġjuża ġej mill-fatt li Kristu stess qalilna biex imorru fid-dinja kollha u nxandru l-Bxara it-Tajba. Il-Knisja titlob ukoll b’jedd il-libertà għaliha nnifisha billi hija wkoll soċjetà ta’ bnedmin li għandom id-dritt jgħixu f’soċjetà ċivili skond il-preċetti tal-fidi nisranija. (cfr Dignitatis Humanae, 13) Għalhekk għandna d-dritt li l-karità u l-attività djakonali jieħdu s-sura pubblika. Eżempju ta’ dan huma d-Djar tal-Knisja. Forsi mhux kulħadd jaqbel li l-Knisja għanda djar fejn toffri s-servizz lil ulied minn familji bi problemi soċjali. Dan huwa dritt tal-Knisja, u sakemm il-Mulej jgħinna, irridu nkomplu neżerċitawh kif neżerċitaw ħidmiet oħra ta’ qadi favur il-bniedem. U nirringrazzjaw lil dawk impenjati f’ħidmiet bħal dawn. Lilkom, għeżież djakni, inħeġġiġkom biex din id-dimensjoni tal-qadi tħarsuha u tippromovuha.

Marija l-qaddejja tal-Mulej

Qegħdin f’dan il-Katidral li huwa ddedikat lil Ommna Marija mtellgħa s-sema, u ma nistax nagħlaq din il-meditazzjoni u ma nħeġġiġkomx biex tikbru fl-imħabba tagħkom lejn il-Madonna, il-qaddejja tal-Mulej, li għax ħalliet l-Ispirtu s-Santu jaħdem fiha kienet kapaċi tagħti lid-dinja lil Kristu. Hekk ukoll intom, għeżież djakni, u magħkom aħna s-saċerdoti u l-poplu kollu t’Alla, għandna nfittxu li nikbru f’din id-dimensjoni ta’ qadi lejn Alla u lejn il-bnedmin.