Komunità nisranija mibnija fuq il-Kelma ta’ Alla (Parroċċa Kercem, 7 ta’Mejju 2006)

KOMUNITÀ NISRANIJA MIBNIJA FUQ IL-KELMA TA’ ALLA

Żjara Fraterna fil-parroċċa tal-Madonna tas-Sokkors u ta’ San Girgor il-Kbir, Kerċem – 7 ta’Mejju 2006

Kristu huwa d-dawl ta’ l-umanità

Ħafna drabi iktar ninnutaw in-negattiv li hemm madwarna milli l-pożittiv. Iktar jolqotna d-dlam milli d-dawl. Iktar ingergru għax hemm irqajja mudlama milli għax hemm irqajja mdawlin. U mhux dejjem għandna tort, ngħiduha kif inhi, għaliex id-dlam ikrah mid-dawl, in-negattiv huwa ikrah mill-pożittiv. Imma l-lejla, fil-Vanġelu, Kristu jagħtina kelma ta’ kuraġġ: “Jiena ġejt biex nagħti d-dawl”, “il-kelma tiegħi hija dawl”, “jien ma ġejtx biex nikkundanna imma biex insalva”.

Din hija l-bxara t-tajba: illi għalkemm aħna ngħixu f’dawn iċ-ċirkustanzi ta’ dlam, ta’ negattività, jekk tassew nemmnu għandna nifirħu għaliex il-Mulej Ġesù huwa dawl, il-Mulej Ġesù għandu kelma li ssalva. Temmen jew ma temminx? Għax ħafna drabi bit-tpaċpiċ ngħidu ħafna affarijiet, imma mbagħad għandi dubju kemm nemmnuhom. Jien magħkom, jien magħkom.

Il-Kelma ta’ Alla hi dawl għall-bniedem

U Kristu jgħidilna: “dak li ngħidilkom jien ma ngħidux minn żniedi, imma rċevejtu mingħand il-Missier”. Kemm huma kelmiet li għandhom jimlewna mhux biss bit-tama, imma b’entużjażmu. Ħalli propjru dan id-dawl, din l-aħbar li ssalva, jiġifieri li toħloq realtà isbaħ milli għandna, għax hija kelma li ġejja mingħand il-Missier, aħna nagħmluha tagħna, u ngħadduha lill-oħrajn. Hekk, jien u nisma’ l-ewwel qari – l-esperjenza tal-komunità ta’ l-insara f’Antijokja – l-ewwel vers hu sinifikattiv ħafna. Tafu x’kien? “F’dak iż-żmien il-kelma ta’ Alla baqgħet tikber.” Dan lili jfakkarni f’sentenza oħra li jgħid il-patrun tagħna San Girgor li, kif is-soltu ngħidilkom, huwa ġawhra li għadna ma skoprejnihiex. Għax biex niskopru lil San Girgor mhux biss irid ikollna statwa sabiħa, mhux biss ikollna tradizzjoni sabiħa, imma rridu niskopru s-sabiħ ta’ dak li kiteb.

Jien dawn il-ġranet erġajt qbadt f’idejja l-omeliji li għandu fuq il-ktieb ta’ Eżekjel. Hu jgħid dis-sentenza: jgħid illi l-kelma ta’ Alla tikber miegħek meta int taqraha. Mela fl-Atti ta’ l-Appostli għandna li l-kelma ta’ Alla f’dak iż-żmien baqgħet tikber, u San Girgor, li qed jitkellem ftit tas-sekli wara, jgħidilna illi l-kelma ta’ Alla tikber miegħek li qiegħed taqraha. X’irid ifisser? Irid ifisser illi iktar ma jien, int u aħna naqraw il-Kelma ta’ Alla, dik l-Kelma ta’ Alla iktar tinfetaħ għalik u għalina. Meta aħna l-Kelma ta’ Alla nimmeditawha, nitolbu biha, il-Kelma ta’ Alla tikber u tkun għalina dak id-dawl li tkellem minnu Kristu, tkun għalina dik il-forza li ssalva lilna u d-dinja ta’ madwarna.

Imma veru din, jew illum, minkejja li għandna l-kotba ta’ l-Iskrittura fid-dar, ikollna ngħidu li l-Kelma ta’ Alla qegħda tiċkien, tiċkien għax ma naqrahiex, għax ma naqrawhiex? U l-kelma taqraha mhux biżżejjed, għax il-Kelma ta’ Alla mhux novel, mhix il-gazzetta, imma l-Kelma ta’ Alla nitlob biha, nomgħodha, intiegħem it-tjubija tagħha.
Imbagħad dan kollu jkompli jgħinni ninterpreta dak li hemm fl-Atti.

Komunità li titlob permezz tal-Kelma ta’ Alla

Fl-Atti għandna kif żvolġiet il-ħajja fil-komunità nisranija fil-Knisja ta’ Antijokja. Kif żvolġiet? Billi f’mument minnhom l-Ispirtu s-Santu nebbaħhom x’inhuma l-ministeri l-ġodda li kellha bżonn dik il-komunità: profeti u għorrief.

Imma kif waslu ħalli jiddixxernu liema huma l-ministeri li kellha bżonn f’dak il-mument il-Knisja f’Antijokja? Kif waslu ħalli jagħżlu lil dak u lill-ieħor biex iwettqu dawk il-ministeri fi ħdan il-komunità? L-awtur ta’ l-Atti ta’ l-Appostli jgħidilna ċar u tond: “il-komunità kienet qegħda tfaħħar lil Alla”; u f’mument ieħor jgħidilna: “il-komunità talbet u għamlet is-sawm.” U hawnhekk jien nerġa’ nirritorna għal San Girgor.

San Girgor, dejjem fl-omeliji li għamel fuq Eżekjel, fost ħwejjeġ oħra jgħid li l-Kelma ta’ Alla hemm żewġ modi kif naqrawha. Naqrawha segretament, individwalment, fl-intimu tagħna individwali; jiġifieri jien naqbad f’idejja l-ktieb sagru, insib post għall-kwiet, imbiegħed mill-ħsejjes, u biex nuża’ l-kelma li qal San Girgor, inħabbat fuq il-qalb ta’ Alla. U nibda nidħol fil-qalb ta’ Alla jiena u naqra l-ktieb sagru. U hemmhekk jiena nidħol f’dik l-intimità ma’ Alla, niskopri li l-Kelma ta’ Alla hija dawl, li l-Kelma ta’ Alla ma tikkundannanix imma hija kelma li ssalvani.

Imma mbagħad San Girgor jgħid li hemm mod ieħor, li wkoll huwa importanti, kif jiena nersaq lejn il-Kelma ta’ Alla: dak li jsejjaħlu l-qari ta’ l-Iskrittura “coram fratribus”, jiġifieri flimkien ma’ l-aħwa. U dan huwa s-sens komunitarju, ekkleżjali, ta’ kif l-insara jiskopru l-qawwa tal-Kelma ta’ Alla. Jiġifieri li l-Kelma ta’ Alla naqrawha flimkien, li l-Kelma ta’ Alla nirriflettu dwarha flimkien.

U x’ħin nagħmluh dan? Nagħmluh fil-gruppi, gruppi illi l-Knisja għandu jkollha biex tagħti l-possibiltà lill-insara ħalli jagħmlu din l-esperjenza ta’ Alla. Nagħmluh fil-mumenti tal-liturġija, bħalma qegħdin nagħmlu l-lejla.

U San Girgor, imnebbaħ minn Santu Wistin, jgħid illi meta hu bħala isqof, jew bħala kap, superjur tal-komunità tal-monaċi, jiskopri l-Isktrittura fil-komunità, hu jħossu kon-dixxiplu, jiġifieri wieħed mill-aħwa. Għalkemm huwa superjur, għalkemm huwa isqof, imma f’dawn il-mumenti huwa jħossu li huwa dixxiplu ma’ l-oħrajn. Jgħid Santu Wistin: “Għalikom jiena isqof, magħkom jiena nisrani”. U dan nista’ ngħidulkom jien ukoll.
U San Girgor jgħid li hu konvint illi meta din il-Kelma ta’ Alla niċċelebrawha flimkien, Alla fil-providenza tiegħu jista’ jgħallimni permezz tiegħek. Kif lilek jista’ jgħallmek permezz ta’ ħuk, ta’ oħtok, u jista’ jgħallmek permezz tal-ministri tiegħu.

Kemm hi sabiħa din ir-riflessjoni, jiġifieri li naqraw l-Iskrittura “coram fratribus”, flimkien ma’ l-aħwa. Ara b’liema don żejnek Alla l-Imbierek! Li inti tista’ tgħallem lili, li inti tista’ tgħallem lil ħutek. Mingħajr ebda pretensjoni. U dawn huma l-waqtiet tat-talb li kienet tagħmel il-komunità ta’ Antijokja. U meta kienet titkisser fuq il-Kelma, l-Ispirtu s-Santu tahom id-dawl biex jiskopru l-ministeri u lil min għandhom jafdaw dawn il-ministeri fil-komunità.

Dawn huma l-awgurji tiegħi għalikom, għeżież ħuti Kerċmin, fi tmiem ta’ din iż-żjara fraterna u lejliet ta’ esperjenza ġdida ta’ Knisja li intom qegħdin tippreparaw biex tibdew flimkien mal-mibgħut tal-Mulej fostkom, il-kappillan il-ġdid Dun Injazju.

Knisja ministerjali mibnija fuq il-Kelma

Jiena nixtieq, kif naf li hija x-xewqa ta’ ħija, ta’ ħuti fis-saċerdozju, li jkollna knisja iktar ministerjali, jiġifieri li niskopru iktar il-ministeri fi ħdan il-komunità. Jien nixtieq illi jkollna iktar lajċi illi joffru, illi jservu, illi jwettqu ħidmiet partikulari fi ħdan il-komunità. Forsi għal-lum u għada dawn ikunu plus, jiġifieri ħaġa li nieħdu gost biha, għaliex iżżejjen, imma pitgħada dan isir bżonn. Biex ma ngħidx li llum sar bżonn illi jkollna iktar ministeri eżerċitati minnkom il-lajċi. Imma biex ikollna Knisja ministerjali jrid ikollna Knisja mkissra fil-Kelma ta’ Alla. Irid ikollna komunità illi tħalli l-Kelma ta’ Alla tikber magħha. Irid ikollna komunità magħmula minn membri illi fid-dar għandhom il-ktieb sagru u ma jibżgħux jaħlu l-ħin biex jitolbu bih, biex jistudjawh anke bħala familja. U għalhekk il-gruppi huma meħtieġa biex iħarrġuhom kif jaqraw l-Iskrittura. Imma jrid ikollna komunità illi tagħraf tapprezza iktar dawk il-mumenti fejn il-Kelma ta’ Alla tixxandar, tinqara u ssir ir-riflessjoni dwarha, tiġi ċċelebrata b’mod komunitarju: coram fratribus.

Dawn huma x-xewqat li nixtieq inwasslilkom f’dawn iċ-ċirkustanzi. Għażiż kappillan, għeżież ħuti fis-saċerdozju, filwaqt li nirringrazzjakom, u nsellem b’mod partikulari lilek, Dun Franġisk, li l-bieraħ iċċelebrajna l-Ewkaristija fil-komunità ta’ Santa Luċija, li taħli l-ħin tiegħek biex taqdi lill-komunità, filwaqt li nirringrazzjakom ta’ dak kollu li intom tagħmlu mal-poplu ta’ Alla f’dil-parroċċa, nħeġġiġkom biex lil dan il-poplu tagħtuh dak li għandu bżonn. U dak li ma nagħtuhulux aħna ma jtihulu ħadd. Hemm affarijiet oħra li jista’ jagħtihom ħaddieħor. Imma aħna rridu nagħtu kont lil Alla jekk dan il-poplu bil-ġuħ u ma nagħtuhx ikel tajjeb. Fl-istess ħin nappella lilkom ħalli – kif għamiltu – dejjem tkomplu tagħmlu llum u għada: illi titolbu flimkien u taħdmu flimkien biex tassew il-Kelma ta’ Alla tkompli tikber magħkom. U jalla San Girgor patrun tagħna jidħol għalina f’din il-missjoni qaddisa.

Ikun imfaħħar Ġesù Kristu.