Ad Clerum Nru 376 - Ottubru 2005

Nru. 376

OTTUBRU 2005

In-nisrani denn ta’ dan l-isem għandu jagħti xhiedha tal-fidi tiegħu, kemm bi kliemu kif ukoll bl-imġieba kollha tiegħu. Dan id-dmir jolqot anki lilna s-saċerdoti, anzi aħna wisq iktar mill-insara komuni obbligati nagħtu xhiedha ta’ Kristu, li għażilna bħala ministri tiegħu.

Hemm ħafna x’wieħed jgħid dwar it-testimonjanza nisranija tal-Kleru quddiem il-Poplu ta’ Alla. Qabel xejn jeħtieġ li jkollna ħjiel ċar x’inhi l-fidi jew it-twemmin. Kif jgħallem S. Tumas d’Aquino (S. Theol. 2-2q,2a9) “Il-fidi hija att ta’ l-intellett li jaċċetta l-verità divina, b’ordni tar-rieda mqanqla mill-grazzja ta’ Alla.” Biex ikun hemm il-fidi jeħtieġ li l-intelliġenza u r-rieda tal-bniedem jikkoperaw mal-grazzja.

In-nisrani obbligat li jemmen f’Ġesu Kristu u f’Dak li bagħtu fid-dinja għas-salvazzjoni tagħna. Ħadd ma jista jikseb il-ħajja ta’ dejjem jekk ma jipperseverax fil-fidi, sa mewtu. Biex ngħixu fil-fidi, nikbru fiha u nipperseveraw sa l-aħħar, jeħtieġ li nsaħħuha bil-kelma ta’ Alla u billi nitolbu l-Mulej ikkabbarhielna bħalma qal missier it-tifel bi spirtu mniġġes: “Jiena nemmen! Għinni fil-fidi nieqsa tiegħi!” (Mk 9,24). Biex tkun fidi soda u ħajja, jeħtieġ li tkun sostnuta bit-tama u li tiġi mħaddma permezz tal-karità “Għaliex fi Kristu Ġesù, biċ-ċirkonċiżjoni jew mingħajrha, xejn ma jkun jiswa ħlief biss il-fidi li taħdem permezz ta’ l-imħabba” (Gal 5,6).

Il-fidi nisranija hija t-tweġiba tal-Knisja għar-Rivelazzjoni li Alla fil-ħniena tiegħu għoġbu jagħti lil bniedmin. Hija wkoll t-tweġiba voluntarja li jagħti l-bniedem għas-sejħa li jagħmillu Alla biex jaqdih fl-ispirtu u fil-verita, fuq l-eżempju u skond it-tagħlim ta’ Kristu.

Bħala saċerdoti l-fidi nisranija, jeħtieġ li (i) nistqarruha (ii) nippriedkawha (iii) iżda fuq kollox nipprattikawha fil-ħajja ta’ kuljum.

(i)    Aħna nistqarru l-fidi tagħna mhux biss meta nirreċitaw il-Kredu, iżda wkoll fi kliemna u fil-kitbiet tagħna, jeħtieġ li tidher, li jkun hemm din l-istqarrija tal-fidi: Din hija obbligazzjoni negattiva u pożittiva. Difatti huwa pprojbit għall-Kattoliku li jiċħad il-fidi tiegħu, jistqarr reliġjon oħra, jew jesprimi opinjonijiet jew jgħid kliem li ma huwiex kompatibbli mat-tagħlim tal-Knisja. Hemm dmir pożittiv li nistqarru l-fidi tagħna, meta s-silenzju jista jiġi interpretat bħala ċaħda tal-Fidi jew disprezz ta’ Alla, jew tal-Knisja tiegħu. F’dan ir-rigward, ta’ min jeżamina jekk fil-konversazzjonijiet tagħna kienx hemm xi diskors, li ma kien xejn espressjoni tal-fidi nisranija.

(ii)    Il-messaġġ tal-fidi, aħna s-saċerdoti, rridu nwassluh ukoll lill-oħrajn; kemm fil-priedki li nagħmlu, kif ukoll fil-pariri li nagħtu, fil-qrar, fid-direzzjoni spiritwali u f’okkażjonijiet oħra. Jeħtieġ li kliemna jkun imdawwal bit-tagħlim tal-fidi. Il-messaġġ li rridu nwasslu, mhux dak li nħaddnu bħala opinjoni personali tagħna, iżda jeħtieġ li jkun il-messaġġ ta’ Kristu u tal-Knisja tiegħu, fl-integrità u bil-ġenwinità tiegħu.

(iii)    Fuq kollox, biex inkunu kredibbli, huwa indispensabbli li jkun hemm konformità bejn dak li nistqarru b’fommna u dak li nagħmlu fil-ħajja tagħna ta’ kuljum. Il-fidi nisranija tagħna jeħtieġ li nuruha wkoll esternament bl-għemejjel tagħna; “sabiex jaraw l-opri tajba tagħna u jfaħħru lil Missier” (Mt.5,16) Niftakru li fuq kollox il-fidi hija adeżjoni ma’ Kristu, u mhux biss aċċettazzjoni tat-tagħlim tiegħu.

Peress li qegħdin noqorbu lejn it-tmiem tas-Sena ta’ l-Ewkaristija nixtieq li b’mod speċjali nsaħħu u nesprimu l-fidi tagħna fil-misteru Ewkaristiku, waqt li nżommu quddiemna wkoll il-misteri l-oħra li tgħallimna r-Rivelazzjoni. Ta’ kuljum fil-Quddiesa s-saċerdoti għandhom iġeddu l-fidi tagħhom fi Kristu, Saċerdot u vittma li jkun preżenti fuq l-artal, u jagħtu wkoll xhieda ta’ din il-fidi, biċ-ċelebrazzjoni devota u mħeġġa tagħhom. Dan ifisser mhux biss l-adorazzjoni tiegħu, iżda wkoll għaqda miegħu bil-fidi u bl-imħabba, li nesternaw bis-sagrifiċċi li nkunu lesti li nagħmlu għalih.

+ Nikol Ġ. Cauchi
Isqof t’Għawdex