Ad Clerum Nru 363 - Settembru 2004

Nru. 363

SETTEMBRU 2004

l-Appostlu Missierna jgħallimna bi kliemu u bl-eżempju tiegħu; huwa li kien kollu żelu għas-salvazzjoni ta’ l-erwieħ u biex iwassal il-bniedmin għand Kristu, jiġbor fi ftit kliem il-karità pastorali tiegħu lejn kulħadd u ż-żelu pastorali tiegħu fil-kelmiet: “Sirt kollox għal kulħadd” (1 Kor 9,22). Ma kien hemm ebda kategorija ta’ nies li kienet eskluża mill-ħsieb u l-kura pastorali tiegħu. Hekk ukoll aħna għandna naħsbu fid-diversi kategoriji tas-soċjetà tagħna, sewwa jekk huma qrib tagħna kif ukoll jekk imbegħdin minna.

L-ewwelnett, ta’ min isemmi il-kategoriji skond l-etajiet, tibda mit-tfal u tispiċċa fl-anzjani. Hemm kamp kbir ta’ apostolat mat-tfal u ma’ l-adolexxenti; li kollha jeħtieġu t-tagħlim reliġjuż u l-formazzjoni nisranija; minħabba n-nuqqas ta’ kont tagħna jista jiġri dak li jilmenta fuqu l-profeta, “it-tfal jittalbu l-ikel, imma ma jagħtihom ħadd” (Lam. 4.4).

Iż-żgħażagħ, ikollhom ukoll il-problemi tagħhom, u xi drabi kelma ta’ saċerdot tista tkun ta’ għajnuna kbira għalihom. Il-koppji miżżewġin, għandhom jedd li jirċievu minn għandna t-tagħlim morali u pariri, biex jirnexxilhom jieħdu ħsieb uliedhom u jtellgħu familja tabilħaqq nisranija. Ma rridux ninsew l-anzjani, li fl-aħar fażi ta’ ħajjithom għandhom ukoll l-eżiġenzi spiritwali tagħhom.

Kategoriji oħrajn nistgħu nikklassifikawhom skond il-kundizzjoni tal-ħajja tagħhom, hemm nies b’saħħithom u oħrajn morda, xi wħud istruiti u oħrajn bla skola. Għall-grazzja ta’ Alla għandna ħafna li jħobbu l-Knisja u huma qrib lejna, iżda ma jonqsux dawk li huma mbegħda. Dawn ta’ l-aħħar fost l-oħrajn jeħtieġu l-karità pastorali tagħna, u ħerqa speċjali: speċjalment meta u jekk jersqu għas-sagrament tal-Qrar, jeħtieġ li nagħmlu li nistgħu biex inqanqlu f’qalbhom l-indiema u nsaħħu fihom il-fiduċja f’Alla u t-tama tal-maħfra.

Din il-lista ta’ “kategoriji” hija twila ħafna, u fiha nistgħu ninkludu wkoll, il-professjonisti, l-artisti, l-għalliema, l-membri tal-assoċjazzjonijiet u l-fratellanzi u fl-aħħar u mhux l-inqas l-abbatini eċċ.

Minn dan li għidna, jirriżulta li anke f’pajjiżna, huwa meħtieġ li l-Kleru ma jingħalaqx fis-sagristija, imma jkollu kuntatti pastorali man-nies ta’ madwaru. Però qatt ma huwa barra minn loku, li flimkien maż-żelu pastorali nżidu wkoll il-prudenza sabiex nintebħu b’dak li jista’ jkun ta’ periklu spiritwali għalina, jew ta’ skandlu għalihom u nevitawh fil-ħin.

Irridu nużaw ukoll attenzjoni xierqa ħalli ħadd ma jkun jista’ jakkużana b’xi għamla ta’ parzjalità jew diskriminazzjoni inġusta bejn kategorija u oħra tal-poplu nisrani. San Pawl jgħallimna wkoll li għandna nitolbu kontinwament għall-bniedmin, li huma diġa jew jistgħu jkunu iktar il-quddiem membri tal-merħla żgħira afdata f’idejjna. “Għalhekk aħna dejjem nitolbu għalikom li Alla tagħna jagħmilkom denji tas-sejħa tiegħu, u jagħmel li bil-qawwa tiegħu sseħħ kull rieda tajba tagħkom għall-ġid u kull ħidma tal-fidi tagħkom”(II Tess. 1.11).

+ Nikol Ġ. Cauchi
Isqof t’Għawdex