Nru. 36
LULJU 2004
Għalina l-membri tal-Kleru, forsi iżjed mill-kategoriji l-oħra, huwa jedd u dmir li nkunu nagħrfu lilna nfusna u s-soċjetà li ngħixu fiha. Ma nistgħux ninjoraw dak li qed jiġri ħdejna u madwarna u l-anqas nistgħu nibqgħu indifferenti rigward it-tibdil magħġel li qed iseħħ fi żmienna u aktarx li ftit jew wisq jinfluwenza lilna wkoll.
Ta’ min jgħid madanakollu, li dan it-tagħrif ma għandux jikkonsisti f’ċerti mpressjonijiet li jkollna jew f’xi preġudizzju li jkun hemm fina u f’dawk li nagħmluha magħhom. Biex, ma naqgħux fl-ingann, flok nozjonijiet suġġettivi jeħtieġ li jkollna nformazzjoni oġġettiva, cioè bażata fuq il-fatti li ma jistgħux jiġu miċħuda. Biex tinkiseb din l-informazzjoni kemm jista’ jkun eżatta jiswa ħafna s-surveys u metodi oħra ta’ riċerka, li fi żmienna huma komuni ħafna fix-xjenzi psikoloġiċi u soċjali. Imma rridu neskludu xi riċerki jew ġbir ta’ informazzjoni li jsir minn nies dilettanti. Imma jeħtieġ li jsiru minn esperti jew nies li għandhom taħriġ apposta, sabiex fil-konklużjonijiet li jaslu għalihom il-“margin of error” jinżamm kemm jista’ jkun baxx.
Nixtieq hawnhekk, nirreferixxi għas-survey li sar dan l-aħħar fid-djoċesi tagħna, li huwa mibni fuq it-tweġibiet li taw il-qassisin għall-kwestjonarju, li ġie maħdum apposta għas-sitwazzjoni lokali.
Is-survey ma sarx biex naqtgħu li kurżità iżda biex ikollna ideja iktar ċara tar-realtà u niftħu iktar għajnejna għal ċerti ħtiġijiet ġodda fil-ħajja u fil-ministeru tal-qassisin.
Kwistjonarju bħal dan sar qabel ukoll fuq it-talb. Forsi kien hemm xi wħud li xtaqu li kien hemm domandi oħra u oħrajn dehrilhom li ċerti mistoqsijiet aħjar ma saru xejn, jew saru b’xi mod ieħor differenti.
Ċerti osservazzjonijiet ikunu jistgħu jittieħdu f’kunsiderazzjoni xierqa meta jsiru xi surveys oħra fil-ġejjieni. L-anqas kien jaqbel li ċerti punti sensitivi jitħallew barra għaliex jekk irridu tabilħaqq inpoġġu l-id tagħna fuq il-polz, u naraw fejn hi l-pjaga biex nipprovaw infejjquha, ċerti problemi li jinħassu ħafna ma stajniex naħarbuhom jew nipprovaw naħbuhom. Soltu ngħidu, m’hemmx aħjar milli wieħed ikun jaf il-verità sewwa jekk tferrħu u sewwa wkoll jekk tnikktu. Ma hemmx agħar, kif soltu ngħidu wkoll – milli wieħed jgħix fl-ingann.
Għad li s-survey huwa biss mezz indikattiv u mhux bil-fors finali u definitiv iżda jeħtieġ li r-riżultat li ħareġ minnu nifluħ, bir-reqqa, imma għandna nagħmlu dan bil-kuraġġ u bl-umiltà, sabiex naċċettaw il-verità u nammettu d-difetti u l-iżbalji tagħna biex inkunu lesti li nikkorieġu fejn hemm bżonn li jsir hekk. Kollna kemm aħna, nistgħu nieħdu lezzjonijiet minn dak li ħareġ mis-survey, mhux biss jien u l-kappillani, li għalihom xi wħud mill-parteċipanti ma naqsux li jagħmlulna xi kritika, iżda wkoll kull saċerdot għandu l-pis tar-responsabiltà tiegħu x’jerfgħa, fil-qosor, għandu jkun “eye-opener” għal kulħadd.
Wieħed mill-aspetti negativi fil-ħajja ta’ xi wħud mill-Kleru, huwa s-sens ta’ frustrazzjoni iżda żgur li wieħed mill-mezzi biex tintrebaħ il-frustrazzjoni hija l-formazzjoni kontinwata, li fuqha tant jinsistu d-dokumenti post konċiljari. Mill-banda l-oħra hemm ħafna aspetti pożitivi li joħorġu mis-survey bħal ma huma t-talb u l-ħidmiet pastorali li għalihom għadd sabiħ ta’ saċerdoti huma ddedikati.
Hemm bżonn ukoll li barra mis-survey li sar fost il-Kleru, isiru surveys oħra anke fost il-lajċi, dwar ċerti problemi li qegħdin jinħassu ħafna fil-pastorali ta’ llum. Il-verità dwarhom għandhom bżonnha u jixraq li jfittxuha mhux biss il-membri tal-Kleru, iżda wkoll kategoriji oħra ta’ nsara, bħal ma huma fost l-oħrajn, il-ġenituri u l-edukaturi. Bħala eżempji ta’ l-isfera li fihom meħtieġa din ir-riċerka, nsemmu l-problemi taż-żgħażagħ, il-futur ta’ l-edukazzjoni, il-ġenerazzjoni zgħażugħa u l-anzjani, eċċ.
Fl-aħarnett, nixtieq nirringrazzja minn qalbi lil min organizza s-survey u għamel studju fuqu, kif ukoll lil partiċipanti kollha.
+ Nikol Ġ. Cauchi
Isqof t’Għawdex