Ad Clerum Nru 360 - Ġunju 2004

 Nru. 360

ĠUNJU 2004

Mill-Konċilju ’l hawn fil-kamp tal-Liturġija saru xi esperimenti u xi wħud minnhom taw tabilħaqq xi reżultati tajbin, iżda l-esperimenti m’għandhomx jibqgħu sejrin għal dejjem; fl-aħħar jeħtieġ li tidħol ċerta stabilità u l-funzjonijiet isiru b’mod uniformi u skond direttivi ċari. Barra minn hekk, għall-inqas f’xi pajjiżi daħlu ċerti abbużi, xi wħud minnhom tabilħaqq gravi, kien wasal għalhekk iż-żmien li jkun hemm deċiżjoni awtorevoli li trażżan l-abbużi u tikkontrolla ċerta arbitrarjeta jew kapriċċi ta’ xi individwi.

Fl-opinjoni tiegħi dan il-pass deċiżiv mill-ogħla awtorità tal-Knisja ġie meħħud meta bl-approvazzjoni tal-Papa, fil-25 ta’ Marzu 2004 il-Kongregazzjoni tal-Kult u tas-Sagramenti ħarġet l-Istruzzjoni Redemptionis Sacramentum, u għalhekk hemm bżonn li direttivi mogħtija fiha jiġu obduti u li kulħadd jikkopera biex l-ittra u l-ispirtu ta’ dik l-Istruzzjoni, jiġu rispettati minn kulħadd.

Nixtieq f’din il-ħarġa ta’ l-Ad Clerum, nissottolinja ċerti punti li jolqtu b’mod partikolari lill-Kleru.

1.    Qabel xejn aħna s-saċerdoti għandna nżommu quddiem għajnejna l-kelmiet tad-dokument imsemmi (n.30) “L-uffiċċju li għandhom b’mod partikolari s-saċerdoti fiċ-ċelebrazzjoni ta’ l-Ewkaristisja huwa uffiċċju importanti għaliex hija responsabiltà tagħhom li jippresiedu l-Ewkaristija in persona Christi, billi jassiguraw xhieda u servizz ta’ komunjoni mhux biss għall-komunità li direttament tkun qed tieħu sehem fiċ-ċelebrazzjoni, iżda anke tal-Knisja Universali, li hija parti minn kull Ewkaristija. Iżda ta’ min jilmenta li, minħabba nuqqas ta’ ftehim dwar is-sens ta’ kreattività u ta’ adattament, speċjalment fis-snin li ġew wara r-riforma liturġika post-konċiljari, ma naqsux abbużi, li kienu mottiv ta’ tbatija għal ħafna.”

2.    It-Talba Ewkaristika kollha kemm hi għandha tingħad biss mis-Saċerdot bis-saħħa ta’ l-ordinazzjoni tiegħu u huwa abbuż li xi parti minnha tingħad mid-Djaknu, minn ministru lajk, minn membru individwali tal-fidili jew mill-membri kollha tal-fidili flimkien.

3.    Fil-quddiesa u f’ċelebrazzjoninjiet oħra tal-liturġija ma jistax jingħad Kredu jew Stqarrija tal-Fidi li ma jkunux approvati fil-kotba liturġiċi.

4.    Huwa sew li kulħadd jagħti s-sinjal tal-paċi lil dawk l-aktar qrib tiegħu jew tagħha u li s-saċerdot jagħti s-sinjal tal-paċi lill-ministru sħabu u għal xi raġuni ġusta lil xi wħud mill-fidili waqt li jibqa’ fis-Santwarju, iżda dan għandu jsir malajr u fl-iqsar żmien biex ma tkunx disturbata ċ-ċelebrazzjoni tal-quddiesa.

5.    Iċ-ċelebrazzjoni tal-quddiesa ma tistax tiddaħħal b’xi mod waqt xi ikla jew xi xorta ta’ pranzu u ma għandhiex tiġi ċċelebrata fuq mejda ta’ l-ikel jekk mhux minħabba xi neċessità gravi.

6.    Is-saċerdot ma għandux ikompli sejjer bil-quddiesa qabel ma jkun spiċċa t-tqarbin tal-fidili kollha fil-knisja.

7.    Is-saċerdoti li jikkonċelebraw għandhom jitqarbnu skond in-normi preskritti fil-kotba liturġiċi u għandhom jużaw ostji li jkunu ġew ikkonsagrati fl-istess quddiesa. It-tqarbin biż-żewġ speċi huwa dejjem permess fil-każ ta’ saċerdoti li ma jkunux jistgħu jiċċelebraw jew jikonċelebraw waqt il-Quddiesa. Biex isir tqarbin biż-żewġ speċi lill-membri tal-lajċi, trid tingħata konsiderazzjoni għaċ-ċirkustanzi u ma għandux isir meta jkun hemm l-iċken periklu ta’ profonazzjoni ta’ l-ispeċi mqaddsa. Min ikun se jitqarben ma jistax jitħalla ibill hu l-ostja fil-kalċi bl-inbid u lanqas jirċievi l-ostja bl-inbid fl-idejn. Is-saċerdot li jiċċelebra jista’ jagħmel użu minn diversi kalċijiet f’każ li t-tqarbin isir biż-żewġ speċi waqt konċelebrazzjoni, u wara li jintemm it-tqarbin, id-Demm ta’ Kristu li jibqa’ għandu jiġi kkunsmat mis-saċerdot jew minn ministru ieħor u l-ostji jew jiġu kkunsamati jew jittieħdu fit-tabernaklu.

8.    F’każ ta’ konċelebrazzjoni minn diversi saċerdoti, ir-reċita tat-Talba Ewkaristika għandha tingħad bil-lingwa komuni tas-saċerdot u tal-poplu li jkun preżenti, u dawk is-saċerdoti li ma jkunux jafu l-lingwa u għalhekk ma jistgħux jippronunzjaw it-Talba Ewkaristika, ma għandhomx jikkonċelebraw iżda jattendu għaċ-ċelebrazzjoni bl-ilbies korali.

9.    Il-quddies ma għandux jiġi mmultiplikat kontra n-normi tal-liġi u l-kalċijiet li jintużaw għandhom ikunu magħmula minn materjal solidu, u qabel ma jintużaw għandhom jiġu mbierka minn saċerdot skond ir-riti tal-kotba liturġiċi.

10.    Huwa abbuż li saċerdoti jiċċelebraw il-quddiesa jew riti oħra mingħajr ilbies sagru jew bi stola biss fuq iċ-ċoqqa jew l-abitu komuni tar-reliġjużi jew ilbies ordinarju, anki meta jkun hemm saċerdot wieħed biss. F’okkażjoni ta’ festa, il-paramenti sagri tal-kulur tad-deheb jew fidda jistgħu jintużaw minflok il-kuluri varji iżda mhux minflok il-kulur vjola jew iswed.

+ Nikol Ġ. Cauchi
Isqof t’Għawdex