Archive for September, 2002

Ċirkulari 416/2002 (24 ta’ Settembru 2002)

Nru. 416/2002

NIKOL ĠUŻEPPI CAUCHI
GĦALL-GRAZZJA TA’ ALLA U
TAS-SEDE APOSTOLIKA
ISQOF TA’ GĦAWDEX

Lill-Wisq Rev.di Arċiprieti, Kappillani, Retturi ta’ Knejjes, Saċerdoti, Superjuri Reliġjużi u Lajċi Nsara.

Peress li x-xahar ta’ Ottubru huwa fil-qrib, nixtieq, għal darb’oħra nagħmlilkom is-sejħa tiegħi sabiex tkompli tikber u tissaħħaħ fid-djoċesi tagħna d-drawwa qaddisa tar-Rużarju Imqaddes, li huwa talba li biha nagħtu qima mill-qalb lill-Verġni Ommna Marija.

Id-Direttorju dwar il-Pjetà Popolari u l-Liturġija fin- numru 197 jgħidilna li “r-Rużarju jew Saltier tal-Verġni Marija huwa waħda mit-talbiet l-iktar eċċellenti lil Omm tal-Mulej.  Għalhekk il-Papiet iħeġġu u jerġgħu iħeġġu lill-insara biex jirreċitaw ta’ spiss, ir-Rużarju Mqaddes.”

Nixtieq insemmi ħames ambjenti li fihom iktar milli f’postijiet oħra għandu jingħad ir-Rużarju:
1.    L-ewwel fil-knejjes tagħna speċjalment fil-knejjes parrokkjali m’għandux jonqos li jinstema t-talb tar-Rużarju ta’ Marija.

2.    L-Għaqdiet Kattoliċi għandhom jieħdu ħsieb li matul dan ix-xahar isibu okkażjoni biex jgħidu flimkien ir-Rużarju.

3.    Ħafna mill-familji tagħna, sewwa il-qodma kif ukoll il-ġodda, jixtiequ sinċerament li fid-djarhom ikun hemm atmosfera tabilħaqq nisranija, billi jinstemgħa ta’ spiss t-talb tal-familja kollha flimkien.  Ir-Rużarju tal-Madonna, speċjalment fix-xahar ta’ Ottubru huwa għalihom mezz mill-aħjar biex jaqtgħu din ix-xewqa imbierka.

4.    L-iskejjel wkoll, fejn hemm ħafna tfal innoċenti, għandhom jiġu mqaddsa billi fihom it-tfal jiġu mgħallmin iħobbu u jirreċitaw kif imiss it-talba tar-Rużarju.

5.    Fl-aħħarnett, fl-isptarijiet u fil-kliniċi, fejn hemm min qiegħed ibati u mnikket, ir-Rużarju ta’ Marija jagħti faraġ u ħila biex wieħed iġorr bis-sabar is-slaleb tal-ħajja.

Bħala intenzjonijiet tar-Rużarju matul Ottubru, għas-sena li qegħdin fiha, xtaqt nirrikmandalkom li titolbu sabiex il-poplu tagħna jibqa’ jgħożż dejjem il-wirt nisrani, u jagħmel l-għażliet tiegħu bil-għaqal u b’sens responsabbli. Nitolbu wkoll, sabiex Alla jżomm il-bogħod mid-dinja t-theddid tal-gwerra u jwassal in-nazzjonijiet għall-rispett reċiproku u għall-koperazzjoni iktar bejniethom.

Bl-interċessjoni tal-Verġni Imbierka, Alla jimla qlubkom bil-grazzja u l-paċi tiegħu.

Mogħtija mill-Kurja Veskovili,
Vittorja, Għawdex
Illum  24 ta’ Settembru 2002
Mons Salv Debrincat
Kanċellier

+ Nikol Ġ. Cauchi
Isqof t’Għawdex