Archive for January, 2002

Cirkulari 410/2002 (14 ta’ Jannar 2002)

Nru. 410/2002

NIKOL ĠUŻEPPI CAUCHI
GĦALL-GRAZZJA TA’ ALLA U
TAS-SEDE APOSTOLIKA
ISQOF TA’ GĦAWDEX

Lill-Wisq Reverendi Arċiprieti, Kappillani, Retturi ta’ Knejjes, Saċerdoti, Superjuri Reliġjużi u Lajċi Nsara.

Għandi pjaċir inħabbrilkom uffiċjalment li s-sena ser niċċelebra l-Ġublew tad-Deheb tal-Ordinazzjoni saċerdotali tiegħiġ difatti jiena kont ġejt ordnat saċerdot ħamsin sena ilu, fl-29 ta’ Marzu 1952 fil-Kattidral, mill-qatt minsi Mons Ġużeppi Paċe Isqof t’Għawdex.  Jixraq li nikkommemora din l-okkażjoni biex inrodd ħajr lil Mulej tal-grazzi li għamel miegħi, nitolbu maħfra tan-nuqqasijiet tiegħi u nirrikorri għall-għajnuna tiegħu għaż-żmien li fadalli ngħix.

Nixtieq ngħarrafkom ukoll li biex jieħu ħsieb iċ-ċelebrazzjoni ta’ dan il-Ġublew, għażilt Kumitat  apposta taħt il-presidenza tal-Vigarju Ġenerali Mons. Giovanni Bosco Gauċi u dan il-Kumitat diġa ltaqgħa kemm il-darba biex iħejji l-programm, li jkun ppublikat iktar ‘l quddiem malli jkun lest.

Jaqbel ngħidilkom minn issa li nhar is-Sibt 6 t’April, 2002 fil-għaxija, fil-Kattidral, ser immexxi Konċelebrazzjoni ta’ radd il-ħajr fl-okkażjoni tal-Ġublew Saċerdotali u nistiedinkom ilkoll, membri tal-Kleru u lajċi biex tieħdu sehem f’din il-Quddiesa.

Waqt li nroddilkom ħajr għall-kollaborazzjoni tagħkom matul dan in-nofs seklu li għadda, inħeġġiġkom ukoll biex ma tehdew qatt titolbu għar-Ragħaj Spiritwali tagħkom u għas-saċerdoti l-oħra ħalli flimkien niddedikaw ruħna iktar bil-ħeġġa għall-bini tas-Saltna ta’ Alla.

Il-Mulej jimliekom bil-barka tiegħu.

Mogħtija mill-Kurja Veskovili,
Vittorja, Għawdex
Illum  14 ta’ Jannar 2002

Mons Salv Debrincat
Kanċellier

+ Nikol Ġ. Cauchi
Isqof t’Għawdex