Nru. 409/2001
NIKOL ĠUŻEPPI CAUCHI
GĦALL-GRAZZJA TA’ ALLA U
TAS-SEDE APOSTOLIKA
ISQOF TA’ GĦAWDEX
Lill-Wisq Reverendi Arċiprieti, Kappillani, Retturi ta’ Knejjes, Saċerdoti, Superjuri Reliġjużi u Lajċi Nsara.
Hija xewqa ħerqana tal-Missier tagħna l-Papa, li nhar il-Ġimgħa, 14 ta’ Diċembru, 2001 fil-Knisja Kattolika tinżamm bħala ġurnata ta’ talb speċjali għall-Paċi. Huwa jixtieq li f’dan il-jum mhux biss isir talb, iżda wkoll xi għemil ta’ penitenza u tingħata karità, sabiex naqilgħu minn għand Alla l-għajnuna u l-protezzjoni għall-vittmi tal-vjolenza ta’ kull għamla li jitwettqu f’diversi nħawi tad-dinja, il-konverżjoni ta’ dawk li huma responsabbli għall-atti ta’ vjolenza u l-paċi vera u dejjiema ma’ kullimkien.
Nirrikmandawlkom għalhekk li fid-dioċesi tagħna fl-14 ta’ Diċembru ssir il-Quddiesa għall-paċi fid-dinja (ara Is-Sagramentarju Malti, p. 905-906 jew Ċelebrazzjoni għall-Paċi fid-dinja, 1 ta’ Diċembru 1989 – kopja ta’ din tista’ tinkiseb mill-Uffiċċju Liturġiku tal-Kurja). Fl-istess jum għandha tinżamm ukoll ġurnata adorazzjoni . Nistieden lil dawk li jistgħu jsumu biex f’dan il-jum jagħmlu ġurnata sawma jew xi att ta’ penitenza oħra. Nixtieq anke li jintbgħatu offerti lir-Respite Centre, Arka Foundation, ta’ Għajnsielem biex ikun jista’ jkompli l-missjoni fejjieda tiegħu.
Alla tas-sliem jseddaqkom f’kollox u jimliekom b’kull barka.
Mogħtija mill-Kurja Veskovili,
Vittorja, Għawdex
Illum 28 ta’ Novembru 2001
Mons Salv Debrincat
Kanċellier
+ Nikol Ġ. Cauchi
Isqof t’Għawdex